L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 11:1-57

  • Imut Lazzru (1-16)

  • Ġesù jfarraġ lil Marta u lil Marija (17-37)

  • Ġesù jirxoxta lil Lazzru (38-44)

  • Jiftiehmu biex joqtlu lil Ġesù (45-57)

11  Issa kien hemm raġel marid minn Betanja jismu Lazzru. Ħutu Marija u Marta wkoll kienu joqogħdu f’dan ir-raħal.  Din kienet Marija li ferrgħet żejt ifuħ fuq il-Mulej u mesħitlu saqajh b’xagħarha. Kien ħuha Lazzru li kien ma jiflaħx.  Għalhekk, ħutu bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, il-ħabib tal-qalb tiegħek ma jiflaħx.”  Imma meta Ġesù semaʼ dan, qal: “Din il-marda m’għandhiex twassal għall-mewt, imma għall-glorja t’Alla, ħalli jien, l-Iben t’Alla, niġi gglorifikat permezz tagħha.”  Ġesù kien iħobbhom lil Marta, lil Marija, u lil Lazzru.  Imma meta semaʼ li Lazzru kien marid, hu baqaʼ jumejn oħra fejn kien qiegħed.  Wara qal lid-dixxipli: “Ejja nerġgħu mmorru l-Lhudija.”  Dawn qalulu: “Rabbi,* il-Lhud għadhom kif kienu qed jipprovaw joqtluk bil-ġebel, u int se terġaʼ tmur hemm?”  Ġesù wieġeb: “F’ġurnata hemm 12-il siegħa dawl, hux hekk? Jekk xi ħadd jimxi fid-dawl, hu ma jitfixkel f’xejn, għax jara d-dawl taʼ din id-dinja. 10  Imma jekk xi ħadd jimxi billejl, hu jitfixkel għax m’għandux id-dawl fih.” 11  Imbagħad qalilhom: “Il-ħabib tagħna Lazzru raqad, imma jien sejjer hemm biex inqajmu.” 12  Id-dixxipli qalulu: “Mulej, jekk qed jistrieħ, jgħaddilu.” 13  Però Ġesù ried jgħid li Lazzru miet. Imma huma ħasbu li kien sempliċement rieqed. 14  Imbagħad Ġesù qalilhom b’mod ċar: “Lazzru miet, 15  u jien ferħan li ma kontx hemm, għax b’hekk il-fidi tagħkom se tissaħħaħ. Imma issa ejja mmorru.” 16  Għalhekk Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, qal lid-dixxipli sħabu: “Ejja mmorru aħna wkoll, ħalli mmutu maʼ Ġesù.” 17  Meta Ġesù wasal, Lazzru kien diġà ilu erbat ijiem fil-qabar.* 18  Issa Betanja kienet biss madwar tliet kilometri* ’l bogħod minn Ġerusalemm. 19  Ħafna Lhud kienu marru għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. 20  Meta Marta semgħet li kien ġej Ġesù, hi marret tiltaqaʼ miegħu, imma Marija baqgħet id-dar. 21  Imbagħad Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut. 22  Imma xorta nemmen li kulma titlob lil Alla, jagħtihulek.” 23  Ġesù qalilha: “Ħuk se jqum.” 24  Marta qaltlu: “Naf li se jqum meta jsir l-irxoxt fl-aħħar jum.” 25  Ġesù qalilha: “Jien l-irxoxt u l-ħajja. Min juri fidi fija, għalkemm imut, jerġaʼ jgħix. 26  U kull min hu ħaj u juri fidi fija, qatt ma jmut. Temmnu dan?” 27  Qaltlu: “Iva Mulej, jien nemmen li int il-Kristu, l-Iben t’Alla, il-wieħed li kellu jiġi fid-dinja.” 28  Wara li qalet hekk, marret tgħajjat lil oħtha Marija u qaltilha minn taħt l-ilsien: “Hawn l-Għalliem u qed jistaqsi għalik.” 29  Meta semgħet dan, hi qamet malajr u marret ħdejh. 30  Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma kien qiegħed fejn iltaqgħet miegħu Marta. 31  Il-Lhud li kienu għadhom id-dar maʼ Marija biex ifarrġuha rawha tqum malajr u toħroġ. Għalhekk huma marru warajha għax assumew li kienet sejra ħdejn il-qabar* tibki. 32  Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu, mielet ħdejn saqajh u qaltlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut.” 33  Meta Ġesù ra lilha u l-Lhud li kienu magħha jibku, hu ħass ħafna għalihom* u għamel id-dwejjaq. 34  Imbagħad qal: “Fejn qegħedtuh?” Qalulu: “Ejja ħa nuruk, Mulej.” 35  Ġesù qabiżlu d-dmugħ. 36  Xħin raw dan, il-Lhud bdew jgħidu: “Kemm kien iħobbu!” 37  Imma xi wħud minnhom qalu: “La fejjaq raġel li ma jarax, ma setax jagħmel xi ħaġa biex Lazzru ma jmutx?” 38  Imbagħad Ġesù reġaʼ ħassu mdejjaq u mar ħdejn il-qabar.* Dan kien għar u kien magħluq b’ġebla. 39  Ġesù qal: “Neħħu l-ġebla.” Marta, oħt dak li kien miet, qaltlu: “Mulej, s’issa żgur niten għax ilu erbat ijiem.” 40  Ġesù qalilha: “M’għedtlekx jien li jekk temmen tara l-qawwa kbira* t’Alla?” 41  Wara li neħħew il-ġebla, Ġesù ħares lejn is-sema u qal: “Missier, grazzi talli smajtni. 42  Naf li dejjem tismagħni, imma qed ngħid hekk minħabba l-folla taʼ madwari, ħalli jemmnu li int bgħattni.” 43  Wara hu qal b’leħen għoli: “Lazzru oħroġ!” 44  Dak li qabel kien mejjet ħareġ b’saqajh u jdejh infaxxati, u wiċċu kien mgħotti b’ċarruta. Ġesù qalilhom: “Neħħuhomlu ħalli jkun jistaʼ jimxi.” 45  Għalhekk ħafna mil-Lhud li kienu marru għand Marija u raw x’għamel, bdew juru fidi fih. 46  Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom x’kien għamel Ġesù. 47  Għalhekk, il-qassisin importanti u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: “X’se nagħmlu, għax dan ir-raġel qed jagħmel ħafna mirakli? 48  Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jibda juri fidi fih, u jiġu r-Rumani u jiħdulna t-tempju* u l-poplu tagħna.” 49  Imma Kajfa, wieħed minnhom, li dik is-sena kien il-qassis il-kbir, qalilhom: “Intom ma tafu assolutament xejn. 50  M’intomx tindunaw li hu għall-ġid tagħkom li raġel wieħed imut għall-poplu minflok ma jinqered il-poplu kollu?” 51  Dan ma qalux skont dak li kien qed jaħseb hu. Imma peress li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, hu pprofetizza li Ġesù kien se jmut għall-poplu, 52  u mhux biss għall-poplu, imma biex jiġbor flimkien lit-tfal t’Alla li huma mxerrdin. 53  Għalhekk, minn dakinhar bdew jiftiehmu biex joqtluh. 54  Għalhekk, Ġesù ma baqax imur f’postijiet fejn setgħu jarawh ħafna nies,* imma telaq minn hemm lejn post viċin id-deżert, f’belt jisimha Efrajm, u baqaʼ hemm mad-dixxipli. 55  Issa kien wasal iż-żmien għall-festa tal-Qbiż tal-Lhud, u ħafna nies mill-kampanja telgħu lejn Ġerusalemm biex jitnaddfu b’mod ċerimonjali qabel il-Qbiż. 56  Huma bdew ifittxu lil Ġesù u waqt li kienu fit-tempju bdew jgħidu lil xulxin: “Int x’taħseb? Tgħid veru li mhux se jiġi għall-festa?” 57  Imma l-qassisin importanti u l-Fariżej kienu taw kmand li jekk xi ħadd isir jaf fejn hu Ġesù, għandu jgħidilhom ħalli jkunu jistgħu jarrestawh.*

Noti taʼ taħt

Jew “Għalliem.”
Jew “fil-qabar tat-tifkira.”
Letteralment “madwar 15-il stadja.” Ara App. B14.
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Letteralment “karab fl-ispirtu.”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Letteralment “il-glorja.”
Letteralment “il-post.”
Letteralment “il-Lhud.”
Letteralment “jaqbduh.”