L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 13:1-38
13 Qabel il-festa tal-Qbiż, Ġesù kien jaf li wasal il-ħin biex jitlaq mid-dinja u jmur għand il-Missier, u peress li kien iħobb lid-dixxipli tiegħu li kienu fid-dinja, hu baqaʼ jħobbhom sal-aħħar.
2 Waqt li kienu qed jieklu l-ikla taʼ filgħaxija, ix-Xitan kien diġà influwenza lil* Ġuda l-Iskarjota t-tifel taʼ Xmun biex jittradixxi lil Ġesù.
3 Għalhekk, peress li Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh u li kien ġej mingħand Alla u kien reġaʼ sejjer għand Alla,
4 qam minn mal-mejda u neħħa l-ħwejjeġ taʼ fuq. Hu qabad xugaman u dawru maʼ qaddu.
5 Wara, tefaʼ l-ilma fi friskatur u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxottahom bix-xugaman li kellu maʼ qaddu.
6 Meta wasal għal Xmun Pietru, dan qallu: “Mulej, int se taħsilli saqajja?”
7 Ġesù wieġbu: “Għalissa mhux se tifhem x’qed nagħmel, imma se tifhem iktar ’il quddiem.”
8 Pietru qallu: “Qatt mhu se nħallik taħsilli saqajja.” Ġesù wieġbu: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma tkunx wieħed minn tiegħi.”
9 Xmun Pietru qallu: “Mulej, mhux saqajja biss aħsilli, imma jdejja u rasi wkoll.”
10 Ġesù qallu: “Min hu maħsul, saqajh biss irid jaħsel, għax hu nadif għalkollox. Intom kollha nodfa, apparti wieħed.”
11 Għax hu kien jaf min kien se jittradih. Kien għalhekk li qal li mhux kollha kienu nodfa.
12 Wara li ħaslilhom saqajhom u libes il-ħwejjeġ taʼ fuq, reġaʼ qagħad mal-mejda u qalilhom: “Qed tifhmu għala għamiltilkom hekk?
13 Intom tgħajtuli ‘Għalliem’ u ‘Mulej,’ u sewwa tgħidu, għax hekk jien.
14 Għalhekk, jekk jien, il-Mulej u l-Għalliem, ħsiltilkom saqajkom, anki intom għandkom* taħslu saqajn xulxin.
15 Jien kont t’eżempju għalikom* ħalli tagħmlu bħalma għamiltilkom jien.
16 Naċċertakom li lsir mhux aħjar minn sidu, u lanqas dak li ntbagħat mhu aħjar minn dak li bagħtu.
17 Issa li tafu dawn l-affarijiet, se tkunu ferħanin jekk tagħmluhom.
18 Mhux qed nitkellem dwarkom kollha, għax nafhom lil dawk li għażilt. Imma dan ġara ħalli jsir bħalma tgħid l-Iskrittura, ‘Il-wieħed li kien jiekol miegħi dar kontrija.’*
19 Jien qed ngħidilkom x’se jiġri, ħalli meta jiġri temmnu li din l-iskrittura qed titkellem dwari.
20 Naċċertakom li min jilqaʼ lil xi ħadd li bgħattu jien, jilqaʼ lili wkoll. U min jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil Dak li bagħatni.”
21 Wara li qal hekk, Ġesù ħassu inkwetat ħafna u qal: “Naċċertakom li wieħed minnkom se jittradini.”
22 Id-dixxipli bdew iħarsu lejn xulxin, għax ma kinux jafu għal min qed jgħid.
23 Wieħed mid-dixxipli li Ġesù kien iħobb ħafna kien bilqiegħda viċin* Ġesù.
24 Għalhekk, Xmun Pietru għamillu sinjal b’rasu u qallu: “Għal min qed jgħid?”
25 Għalhekk, id-dixxiplu ntelaq lura lejn Ġesù u staqsieh: “Min hu, Mulej?”
26 Ġesù wieġbu: “Hu dak li se nagħtih il-biċċa ħobż li se nbill.” Wara li bill il-ħobż tah lil Ġuda t-tifel taʼ Xmun l-Iskarjota.
27 Wara li Ġuda ħa l-biċċa ħobż, Satana influwenzah. Għalhekk Ġesù qallu: “Dak li qed tagħmel, agħmlu iktar malajr.”
28 Imma ħadd minn dawk li kienu mal-mejda ma kien jaf għala qallu hekk.
29 Fil-fatt, peress li Ġuda kien jieħu ħsieb il-kaxxa tal-flus, xi wħud bdew jaħsbu li Ġesù kien qed jgħidlu biex jixtri dak li għandhom bżonn għall-festa jew biex jagħti xi ħaġa lill-foqra.
30 Għalhekk, wara li ngħata l-biċċa ħobż, hu ħareġ mill-ewwel. Dan ġara billejl.
31 Wara li ħareġ Ġuda, Ġesù qal: “Issa jien, Bin il-bniedem, qed niġi gglorifikat, u Alla se jiġi gglorifikat permezz tiegħi.
32 Alla stess se jigglorifikani, u se jagħmel dan mill-ewwel.
33 Ħbieb tiegħi,* jien se nibqaʼ magħkom ftit ieħor. Intom se tfittxuni, imma se ngħidilkom bħalma għedt lil-Lhud, ‘Ma tistgħux tiġu fejn sejjer jien.’
34 Jien qed nagħtikom dan il-kmandament ġdid: Għandkom tħobbu lil xulxin. Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.
35 Jekk tħobbu lil xulxin, kulħadd ikun jaf li intom dixxipli tiegħi.”
36 Xmun Pietru qallu: “Mulej, fejn sejjer?” Ġesù wieġbu: “Issa ma tistax tiġi fejn sejjer jien, imma se tiġi iktar tard.”
37 Pietru qallu: “Mulej, għala ma nistax niġi miegħek issa? Jien nagħti ħajti għalik.”
38 Ġesù wieġbu: “Veru li se tagħti ħajtek għalija? Naċċertak li int żgur se tgħid li ma tafnix tliet darbiet qabel ma jidden is-serduq.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “daħħalha f’qalb.”
^ Jew “obbligati li.”
^ Letteralment “ħallejtilkom mudell.”
^ Letteralment “għolla għarqubu kontrija.”
^ Letteralment “fi ħdan.”
^ Letteralment “Tfal żgħar.” Din hi espressjoni taʼ mħabba.