L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 14:1-31
14 “Tkunux ansjużi. Uru fidi f’Alla u fija wkoll.
2 Id-dar taʼ Missieri fiha ħafna postijiet fejn toqogħdu. Kieku ma kienx hekk ma kontx ngħidilkom dan. Jien sejjer biex inlestilkom post fejn toqogħdu.
3 Ukoll, wara li mmur u nlestilkom post fejn toqogħdu, nerġaʼ niġi u niħodkom miegħi ħalli tkunu fejn inkun jien.
4 U intom tafuha t-triq fejn sejjer.”
5 Tumas qallu: “Mulej, jekk lanqas nafu fejn int sejjer, kif nafu t-triq?”
6 Ġesù qallu: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jistaʼ jmur għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.
7 Jekk tafu lili, tafu wkoll lil Missieri. Minn issa intom se ssiru tafuh. Infatti, diġà rajtuh.”
8 Filippu qallu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”
9 Ġesù qallu: “Filippu, ili tant magħkom u għadek ma tafnix? Kull min ra lili ra lill-Missier ukoll. Allura kif qed tgħidli, ‘Urina l-Missier’?
10 Ma temminx li jien qiegħed mal-Missier u li l-Missier qiegħed miegħi? Dak li ngħidilkom mhuwiex skont dak li naħseb jien, imma l-Missier li jibqaʼ miegħi qed jagħmel dak li jrid permezz tiegħi.
11 Emmnu dak li qed ngħidilkom, li jien qiegħed mal-Missier u l-Missier qiegħed miegħi. Imma jekk ma temmnux minħabba dak li ngħid, emmnu minħabba dak li nagħmel.
12 Naċċertakom li kull min juri fidi fija, se jagħmel ukoll ix-xogħol li nagħmel jien. U se jagħmel iktar xogħol minni, għax jien sejjer għand il-Missier.
13 Ukoll, kulma titolbu f’ismi, jien nagħmlu, ħalli l-Missier jiġi mfaħħar permezz tiegħi, Ibnu.
14 Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jien nagħmilha.
15 “Jekk tħobbuni, tobdu dak li kkmandajtkom.
16 U jien nitlob lill-Missier u hu jagħtikom ajjutant* ieħor biex ikun magħkom għal dejjem,
17 jiġifieri l-ispirtu qaddis tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċivih, għax la tarah u lanqas taf bih. Intom tafu bih għax qiegħed fikom u jibqaʼ magħkom.
18 Jien mhux se nħallikom waħedkom,* imma se nerġaʼ niġi magħkom.
19 Fi ftit żmien ieħor id-dinja mhux se tarani, imma intom se tarawni, għax jien ngħix u b’hekk intom se tgħixu.
20 Dakinhar intom se tkunu tafu li jien qiegħed maʼ Missieri, intom qegħdin miegħi, u jien qiegħed magħkom.
21 Kull min jaċċetta u jobdi dak li nikkmanda, iħobbni. U min iħobb lili, Missieri se jħobbu. Jien ukoll se nħobbu u nurih ċar min jien.”
22 Ġuda (mhux l-Iskarjota) qallu: “X’ġara Mulej biex beħsiebek turi min int b’mod ċar lilna u mhux lid-dinja?”
23 Ġesù wieġbu: “Jekk xi ħadd iħobbni, se jobdi dak li ngħid, u Missieri jħobbu. Jien u Missieri mmorru għandu u noqogħdu miegħu.
24 Min ma jħobbnix ma jobdix dak li ngħid. Dak li ngħid mhux ġej mingħandi, imma mingħand il-Missier li bagħatni.
25 “Jien għedtilkom dan waqt li għadni magħkom.
26 Imma l-ajjutant, jiġifieri l-ispirtu qaddis, li l-Missier se jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom jien.
27 Jien se nkompli nagħtikom il-paċi li qed tgawdu miegħi bħalissa. Il-paċi li nagħtikom jien hi differenti minn dik tad-dinja. Tkunux ansjużi u tibżgħux.
28 Intom smajtuni ngħidilkom li se nitlaq u nerġaʼ niġi għandkom. Jekk tħobbuni, tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier għandu awtorità iktar minni.*
29 Qed ngħidilkom dan minn qabel ħalli meta jiġri, intom temmnu dak li għedt.
30 Jien mhux se nitkellem ħafna iktar magħkom, għax ġej il-mexxej taʼ din id-dinja. Hu ma jistaʼ jagħmilli xejn,
31 imma jien qed nagħmel bħalma kkmandani l-Missier, ħalli d-dinja tkun taf li jien inħobbu. Qumu, ejja nitilqu minn hawn.