L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 15:1-27

  • L-eżempju tad-dielja vera (1-10)

  • Ikkmandati biex nuru mħabba bħal taʼ Kristu (11-17)

    • “M’hemmx imħabba akbar” (13)

  • Id-dinja tobgħod lid-dixxipli taʼ Ġesù (18-27)

15  “Jien id-dielja vera, u Missieri hu l-bidwi.  Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha, u jiżbor kull waħda biex inaddafha ħalli b’hekk tagħmel iktar frott.  Intom diġà nodfa minħabba dak li għedtilkom.  Ibqgħu miegħi, u jien nibqaʼ magħkom. Fergħa ma tistax tagħmel frott jekk titqaċċat minn mad-dielja. L-istess intom jekk ma tibqgħux miegħi.  Jien id-dielja u intom il-friegħi. Kull min jibqaʼ miegħi u jien nibqaʼ miegħu, jagħmel ħafna frott, għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.  Jekk xi ħadd ma jibqax miegħi, se jkun bħal fergħa li tintrema u tinxef. U n-nies jiġbru dawn il-friegħi u jaħarquhom.  Jekk tibqgħu miegħi u tobdu dak li ngħid, tistgħu titolbu kulma tridu u tiħduh.  Meta tibqgħu tagħmlu ħafna frott u turu li intom dixxipli tiegħi, Missieri jiġi gglorifikat.  Jien inħobbkom bħalma jħobbni l-Missier. Għalhekk komplu bbenefikaw mill-imħabba tiegħi. 10  Jekk tobdu dak li nikkmanda, se tkomplu tibbenefikaw mill-imħabba tiegħi, bħalma jien nobdi dak li kkmandani l-Missier u nkompli nibbenefika mill-imħabba tiegħu. 11  “Għedtilkom dan ħalli tħossukom ferħanin bħalma nħossni jien, u tkunu vera ferħanin. 12  Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma nħobbkom jien. 13  M’hemmx imħabba akbar milli xi ħadd imut għall-ħbieb tiegħu. 14  Jekk tagħmlu dak li nikkmandakom, tkunu l-ħbieb tiegħi. 15  Jien ma ngħidilkomx iktar ilsiera, għax l-ilsir ma jkunx jaf x’jagħmel sidu. Imma ngħidilkom ħbieb, għax għedtilkom dwar dak kollu li smajt mingħand Missieri. 16  Mhux intom għażiltuni, imma jien għażilt lilkom. Jien inkarigajtkom biex tmorru u tkomplu tagħmlu frott li ma jispiċċax, ħalli b’hekk kulma titolbu lill-Missier f’ismi jagħtihulkom. 17  “Jien qed nikkmandakom dawn l-affarijiet ħalli tħobbu lil xulxin. 18  Jekk id-dinja tobgħodkom, ftakru li kienet tobgħod lili qabel ma bdiet tobgħod lilkom. 19  Kieku kontu parti mid-dinja, id-dinja kienet tkun ferħana bikom. Imma peress li għażiltkom mid-dinja u m’intomx parti minnha, id-dinja tobgħodkom. 20  Ftakru dan li għedtilkom: Ilsir mhux aħjar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, se jippersegwitaw lilkom ukoll. Jekk obdew dak li għedt jien, se jobdu dak li tgħidulhom intom ukoll. 21  Imma huma se jagħmlu dawn l-affarijiet kollha kontrikom minħabba li intom id-dixxipli tiegħi u minħabba li ma jafux lill-Wieħed li bagħatni. 22  Li kieku ma ġejtx u kellimthom, ma kinux ikunu ħatjin tad-dnub. Imma issa m’għandhom ebda skuża għad-dnub tagħhom. 23  Kull min jobgħod lili, jobgħod ukoll lil Missieri. 24  Kieku ma rawx il-mirakli li għamilt u li ħadd m’għamel bħalhom, ma kinux ikunu ħatjin tad-dnub, imma issa rawni u saru jobogħdu lili u wkoll lil Missieri. 25  Imma dan ġara biex isir dak li hemm miktub fil-Liġi* tagħhom: ‘Huma saru jobogħduni għalxejn.’ 26  Meta jiġi l-ajjutant li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, jiġifieri l-ispirtu qaddis tal-verità, se jagħti xhieda dwari. 27  Bl-istess mod, intom għandkom tagħtu xhieda dwari, għax ilkom miegħi mill-bidu.

Noti taʼ taħt

Milli jidher din tirreferi għall-Iskrittura Ebrajka kollha.