L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 19:1-42
19 Imbagħad Pilatu qabbad lis-suldati biex isawtu lil Ġesù.
2 U s-suldati għamlu kuruna tax-xewk, poġġewhielu fuq rasu, u libbsuh biċċa drapp vjola.
3 Huma bdew jersqu lejh u jgħidulu: “Il-paċi miegħek, ja Re tal-Lhud!” Ukoll, bdew jagħtuh daqqiet taʼ ħarta f’wiċċu.
4 Pilatu reġaʼ ħareġ u qalilhom: “Ġibtu hawn barra sabiex tkunu tafu li jien ma nsib xejn ħażin fih.”
5 Għalhekk, Ġesù ħareġ, u kien liebes kuruna tax-xewk u biċċa drapp vjola. U Pilatu qalilhom: “Ħarsu lejn dan ir-raġel!”
6 Madankollu, meta rawh il-qassisin importanti u l-uffiċjali bdew jgħajtu: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!” Pilatu qalilhom: “Ħuduh u oqtluh* intom, għax jien ma nsib xejn ħażin fih.”
7 Il-Lhud wiġbuh: “Aħna għandna liġi, u skont il-liġi għandu jmut, għax qal li hu l-iben t’Alla.”
8 Meta Pilatu semaʼ x’kienu qed jgħidu, iktar beżaʼ.
9 Għalhekk, reġaʼ daħal fil-palazz u qal lil Ġesù: “Minn fejn int?” Imma Ġesù ma wiġbux.
10 B’hekk, Pilatu qallu: “Ma tridx tkellimni? Ma tafx li għandi l-awtorità li neħilsek jew li noqtlok?”*
11 Ġesù wieġbu: “Ma kien ikollok ebda awtorità fuqi li kieku ma tahilekx Alla. Hu għalhekk li min tani f’idejk għamel dnub akbar.”
12 Minħabba f’hekk, Pilatu baqaʼ jipprova jsib mod kif jeħilsu. Imma l-Lhud għajtu: “Jekk teħles lil dan ir-raġel, m’intix ħabib taʼ Ċesari. Kull min jgħid li hu re jkun qed jitkellem kontra* Ċesari.”
13 Wara li Pilatu semaʼ dan, ħareġ lil Ġesù barra u qagħad bilqiegħda fuq tron tal-ġudizzju li kien f’post li kellu l-art tal-ġebel, li bl-Ebrajk jgħidulu Gabbata.
14 Dakinhar kien jum il-Preparazzjoni tal-Qbiż u kien madwar nofsinhar.* Hu qal lil-Lhud: “Hawn hu r-re tagħkom!”
15 Imma huma għajtu: “Ħudu ’l hemm! Ħudu ’l hemm! Sammru maʼ zokk!” Pilatu qalilhom: “Għandi jien noqtol lir-re tagħkom?” Il-qassisin importanti wiġbuh: “Ċesari biss hu r-re tagħna.”
16 Imbagħad tahulhom biex jiġi msammar maʼ zokk.
Għalhekk huma ħadu lil Ġesù.
17 Waqt li Ġesù kien qed iġorr iz-zokk tat-tortura,* hu mar f’post li jgħidulu Qorriegħa, li bl-Ebrajk jgħidulu Golgota.
18 Hemmhekk sammruh maʼ zokk ħdejn żewġt irġiel oħra, wieħed fuq kull naħa.
19 Imbagħad Pilatu kiteb titlu u poġġieh fuq iz-zokk tat-tortura.* Dan kien jgħid: “Ġesù n-Nazzarenu r-Re tal-Lhud.”
20 Ħafna mil-Lhud qrawh it-titlu, għax Ġesù ġie msammar maʼ zokk f’post qrib il-belt u dan kien miktub bl-Ebrajk, bil-Latin, u bil-Grieg.
21 Madankollu, il-qassisin importanti tal-Lhud qalu lil Pilatu: “Tiktibx ‘Ir-Re tal-Lhud,’ imma li qal, ‘Jien ir-Re tal-Lhud.’”
22 Pilatu wiġibhom: “Dak li ktibt ktibt.”
23 Meta s-suldati sammru lil Ġesù maz-zokk, huma ħadu l-ħwejjeġ tiegħu u qasmuhom f’erbgħa, biċċa għal kull suldat. Imbagħad ħadu wkoll il-libsa li kien jilbes minn taħt. Imma din kienet bla ħjata, minsuġa minn fuq s’isfel.
24 Allura qalu lil xulxin: “Ħa ma nqattgħuhiex, imma nitfgħu x-xorti għaliha ħalli naraw min se jiħodha.” Dan ġara biex isir bħalma tgħid l-iskrittura: “Huma qassmu ħwejġi bejniethom u tellgħuhom bix-xorti.” Għalhekk is-suldati għamlu eżatt bħalma qalet l-Iskrittura.
25 Ħdejn iz-zokk tat-tortura* taʼ Ġesù kien hemm ommu u oħtha, kif ukoll Marija l-mara taʼ Klofa u Marija l-Maddalena.
26 Meta Ġesù ra lil ommu u d-dixxiplu li kien iħobb ħdejha, hu qal lil ommu: “Minn issa ’l quddiem dan hu ibnek!”
27 Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Minn issa ’l quddiem din hi ommok!” U minn dakinhar id-dixxiplu ħadha għandu.
28 Wara dan, Ġesù kien jaf li kien għamel dak kollu li qallu Missieru. Imbagħad qal: “Għandi l-għatx,” ħalli jsir dak li hemm fl-Iskrittura.
29 Hemmhekk kien hemm ġarra mimlija nbid qares. Għalhekk, poġġew sponża mimlija bl-inbid qares fuq qasba taż-żuf* u ressquhielu ħdejn ħalqu.
30 Meta tawh l-inbid qares, Ġesù qal: “Għamilt dak li tlabtni!” U niżżel rasu u miet.*
31 Dakinhar kien jum il-Preparazzjoni u l-Lhud ma ridux iħallu l-iġsma mdendlin fis-Sabat (għax dak is-Sabat kien speċjali). Għalhekk, talbu lil Pilatu biex jiksrilhom saqajhom u jneħħihom minn hemm.
32 Allura, is-suldati marru u kisru saqajn iż-żewġt irġiel li kienu fuq iz-zokk ħdejn Ġesù.
33 Imma meta kienu se jiksru saqajn Ġesù, m’għamlux hekk għax indunaw li kien diġà mejjet.
34 Iżda wieħed mis-suldati daħħallu lanza f’ġenbu u mill-ewwel ħareġ demm u ilma.
35 U d-dixxiplu li ra dan ta xhieda, u x-xhieda tiegħu hi vera. Hu jaf li dak li jgħid hu veru. Dan qalu biex intom temmnu wkoll.
36 Fil-fatt, ġraw dawn l-affarijiet biex isir dak li tgħid l-iskrittura: “Ebda għadma ma tinkisirlu.”
37 U skrittura oħra tgħid: “Huma se jħarsu lejn dak li kienu nifdu.”
38 Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem taʼ Ġesù. Hu kien dixxiplu taʼ Ġesù, imma għax kien jibżaʼ mil-Lhud, ma kien jgħid lil ħadd dwar dan. Pilatu tah il-permess u hu mar u ħa l-ġisem taʼ Ġesù.
39 Mar ukoll Nikodemu, ir-raġel li iktar qabel kien mar għand Ġesù billejl. Hu ħa miegħu taħlita taʼ mirra u sabbara* li kienet tiżen madwar 100 libbra.*
40 Għalhekk ħadu l-ġisem taʼ Ġesù, għamlulu l-ħwawar, u dawruh fid-drapp tal-għażel, skont id-drawwa tad-dfin li kellhom il-Lhud.
41 Fil-post fejn inqatel* Ġesù inzerta kien hemm ġnien li fih kien hemm qabar* ġdid li kien għadu ma ntużax.
42 Peress li kien jum il-Preparazzjoni għall-festa tal-Lhud u l-qabar kien viċin, huma poġġew lil Ġesù hemm.
Noti taʼ taħt
^ Jew “sammruh maʼ zokk.”
^ Jew “insammrek maʼ zokk?”
^ Jew “jiħodha kontra.”
^ Letteralment “madwar is-sitt siegħa.”
^ Letteralment “ċeda l-ispirtu tiegħu.”
^ Jew forsi “mirra u sabbara mgeżwrin.”
^ Jew “inqatel maʼ zokk.”
^ Jew “qabar tat-tifkira.”