L-Ewwel Ittra lill-Korintin 15:1-58
15 Ħuti, irrid infakkarkom dwar l-aħbar tajba li xandartilkom. Intom aċċettajtu dan il-messaġġ u fdajtuh.
2 Jekk tkomplu żżommu sod mat-twemmin tagħkom fl-aħbar tajba li xandartilkom jien, tiġu salvati, imma jekk le, ikun għalxejn li temmnu.
3 Fost l-ewwel affarijiet li għedtilkom kien hemm dak li tgħallimt jien stess, li skont l-Iskrittura, Kristu miet għad-dnubiet tagħna.
4 Hu ġie midfun u fit-tielet jum ġie mqajjem, bħalma tgħid l-Iskrittura.
5 Hu deher lil Kefa,* imbagħad lit-12-il appostlu.
6 Wara, hu deher lil iktar minn 500 ħu f’daqqa. Għalkemm xi ftit minnhom mietu, ħafna għadhom ħajjin.
7 Wara, hu deher lil Ġakbu, imbagħad lill-appostli kollha.
8 Fl-aħħar deher lili wkoll, bħallikieku lil tarbija li twieldet qabel iż-żmien.
9 Għax jien l-inqas importanti mill-appostli. Ma jixraqlix li nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt il-kongregazzjoni t’Alla.
10 Imma għax Alla wrieni qalb tajba kbira, jien irċivejt dan l-inkarigu.* U l-qalb tajba kbira li wera miegħi ma kinitx għalxejn, għax jien ħdimt iktar iebes mill-oħrajn kollha. Imma m’għamiltx dan bis-saħħa tiegħi stess, għamilt dan permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla.
11 Kemm jekk ġejtu mgħallmin minni jew minn oħrajn, dan hu l-messaġġ li nippritkaw, u dan hu dak li sirtu temmnu.
12 Il-messaġġ li nippritkaw hu li Kristu ġie mqajjem mill-mewt. Allura għala xi wħud minnkom jgħidu li m’hemmx irxoxt?
13 Jekk m’hemmx irxoxt, allura Kristu ma ġiex imqajjem mill-mewt.
14 Imma jekk Kristu ma ġiex irxoxtat, allura l-ippritkar tagħna hu għalxejn, u anki l-fidi tagħkom hi għalxejn.
15 Iktar minn hekk, kieku nkunu qed nagħtu xhieda falza dwar Alla. Kieku qed inxerrdu messaġġ falz dwar Alla billi ngħidu li hu qajjem lill-Kristu mill-mewt. Imma dan ma jistax ikun jekk il-mejtin mhux vera se jiġu mqajmin.
16 Jekk il-mejtin mhux se jiġu rxoxtati, allura lanqas Kristu ma ġie rxoxtat.
17 U jekk Kristu ma ġiex irxoxtat, il-fidi tagħkom hi għalxejn; intom tkunu għadkom ħatjin tad-dnubiet tagħkom.
18 Ukoll, kieku d-dixxipli taʼ Kristu li diġà mietu jkunu spiċċaw għalkollox.
19 Jekk it-tama fi Kristu hi għal din il-ħajja biss, aħna l-iktar nies imsieken.
20 Imma aħna nafu li Kristu ġie mqajjem mill-mewt. Hu l-ewwel wieħed* li ġie rxoxtat minn dawk li mietu.
21 Peress li l-mewt ġiet permezz taʼ bniedem, l-irxoxt ukoll ġej permezz taʼ bniedem.
22 Bħalma kulħadd qed imut minħabba Adam, kulħadd se jingħata l-ħajja permezz tal-Kristu.
23 Imma kull wieħed se jingħata l-ħajja skont kif imissu: Kristu kien l-ewwel wieħed;* imbagħad, meta l-Kristu jiġi lura, jingħataw il-ħajja dawk li huma tiegħu.
24 Wara jiġi t-tmiem. Imbagħad meta jkun ġab fix-xejn kull gvern, awtorità, u qawwa, hu jagħti lura s-Saltna lill-Alla tiegħu li hu Missieru.
25 Hu se jmexxi bħala re sakemm Alla jqiegħed l-għedewwa kollha taħt il-kontroll tiegħu.*
26 Imbagħad il-mewt, li hi l-aħħar għadu, se tiġi meqruda.
27 L-Iskrittura tgħid li Alla “poġġa kollox taħt il-kontroll tiegħu.”* Imma meta Alla jgħid li ‘tpoġġa kollox taħt il-kontroll tiegħu,’ huwa ċar li dan ma jinkludix lil Alla, li poġġa kollox taħt il-kontroll taʼ Kristu.
28 Imma wara li Alla jkun poġġa l-affarijiet kollha taħt il-kontroll ta’ Ibnu, l-Iben stess se juri li hu taħt l-awtorità t’Alla, li poġġa kollox taħt il-kontroll tiegħu. Imbagħad Alla se jkun kollox għal* kulħadd.
29 Jekk il-mejtin mhux se jiġu rxoxtati, x’se jiġri minn dawk li tgħammdu għall-iskop li jmutu? Għala qed jiġu mgħammdin għal skop bħal dan?
30 U għala qed niffaċċjaw ukoll periklu l-ħin kollu?
31 Kuljum niffaċċja l-mewt. Ħuti, dan hu veru daqskemm hu veru l-ferħ li għandi minħabba r-relazzjoni tagħkom maʼ Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.
32 Jekk jien iġġilidt maʼ bhejjem slavaġ f’Efesu bħal bnedmin oħra,* x’jiswieli? Jekk il-mejtin mhux se jiġu rxoxtati, mela “ejja nieklu u nixorbu, għax għada se mmutu.”
33 Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar drawwiet* tajba.
34 Għandkom tiġu f’sensikom u tagħmlu dak li hu tajjeb. Tkomplux tagħmlu d-dnub. Xi wħud minnkom ma jafux verament lil Alla. Qed ngħidilkom dan biex inġegħelkom tistħu.
35 Imma xi ħadd se jistaqsi: “Il-mejtin kif se jiġu rxoxtati? X’tip taʼ ġisem se jkollhom?”
36 Dawn mistoqsijiet bla sens! Meta tiżraʼ żerriegħa, din l-ewwel tmut u mbagħad tikber.*
37 U meta tiżraʼ, int ma tiżrax il-pjanta,* int tiżraʼ biss iż-żerriegħa, kemm jekk tal-qamħ jew taʼ xi ħaġa oħra.
38 Alla jkabbar lil kull pjanta kif jogħġbu, u hekk kif iż-żrieragħ jikbru, dawn ma jkunux l-istess.
39 Ukoll, l-affarijiet kollha li għandhom ġisem mhumiex l-istess. In-nies, l-annimali, l-għasafar, u l-ħut kollha għandhom ġisem, imma huma differenti minn xulxin.
40 Hemm ukoll iġsma tas-sema u iġsma tal-art. Is-sbuħija tal-iġsma tas-sema hi differenti minn tal-iġsma tal-art.
41 Is-sbuħija tax-xemx hi differenti mis-sbuħija tal-qamar jew tal-istilel. Infatti, is-sbuħija taʼ kull stilla hi differenti minn dik tal-istilel l-oħra.
42 L-istess bl-irxoxt tal-mejtin. Dak li jiġi miżrugħ* jispiċċa, dak li jiġi mqajjem ma jispiċċax.
43 Meta l-ġisem jindifen,* jiġi ddiżonorat; imma meta jiġi rxoxtat ikun onorat. Jindifen fid-dgħufija; jiġi mqajjem fil-qawwa.
44 Jindifen* ġisem fiżiku, jiġi mqajjem ġisem spiritwali. Jekk hemm ġisem fiżiku, hemm ukoll wieħed spiritwali.
45 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “L-ewwel bniedem Adam sar persuna* ħajja.” L-aħħar Adam sar spirtu li jagħti l-ħajja.
46 Madankollu, il-bniedem* spiritwali ma ġiex l-ewwel. Il-bniedem fiżiku ġie l-ewwel, u warajh ġie dak spiritwali.
47 L-ewwel bniedem ġie mill-art u kien magħmul mit-trab; it-tieni bniedem ġie mis-sema.
48 Dawk li huma magħmulin mit-trab huma bħall-ewwel bniedem li kien magħmul mit-trab; u dawk li huma tas-sema huma bħal dak li ġie mis-sema.
49 Bħalma issa aħna qisna l-wieħed li kien magħmul mit-trab, se nsiru wkoll bħal dak li ġie mis-sema.
50 Ħuti, naċċertakom li l-iġsma li huma magħmulin mid-demm u l-laħam ma jistgħux jirtu s-Saltna t’Alla, u dak li jispiċċa ma jistax jiret dak li ma jistax jispiċċa.
51 Issa se ngħidilkom sigriet qaddis: Mhux kollha se mmutu, imma kollha se ninbidlu.
52 Dan se jiġri f’daqqa, f’ħakka t’għajn, meta tindaqq l-aħħar trumbetta. Tindaqq it-trumbetta, u l-mejtin jiġu mqajmin u qatt ma jispiċċaw, u aħna ninbidlu.
53 Dan il-ġisem li jistaʼ jispiċċa* se jinbidel f’wieħed li ma jistax jispiċċa. U dan il-ġisem li jistaʼ jmut, se jinbidel f’wieħed li qatt ma jistaʼ jmut.*
54 Imma meta dan il-ġisem li jistaʼ jispiċċa jinbidel f’wieħed li ma jistax jispiċċa, u dan il-ġisem li jistaʼ jmut jinbidel f’wieħed li qatt ma jistaʼ jmut, iseħħ dak li hemm miktub: “Il-mewt se tinqered* għal dejjem.”
55 “Mewt, fejn hi r-rebħa tiegħek? Mewt, fejn hi t-tingiża* tiegħek?”
56 Id-dnub hu t-tingiża* li ġġib il-mewt, u l-qawwa tad-dnub dehret permezz tal-Liġi.
57 Imma aħna nirringrazzjaw lil Alla, għax hu jagħtina r-rebħa permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu!
58 Għalhekk għeżież aħwa, kunu sodi u stabbli, waqt li dejjem ikollkom ħafna x’tagħmlu fix-xogħol tal-Mulej. Ftakru li x-xogħol iebes tagħkom għall-Mulej qatt mhu għalxejn.
Noti taʼ taħt
^ Jgħidulu wkoll Pietru.
^ Jew “jien dak li jien.”
^ Letteralment “l-ewwel frott.”
^ Letteralment “l-ewwel frott.”
^ Letteralment “taħt saqajh.”
^ Letteralment “taħt saqajh.”
^ Jew “se jkun fuq.”
^ Jew forsi “mill-ħarsa tal-bnedmin.”
^ Jew “morali.”
^ Letteralment “tieħu l-ħajja.”
^ Letteralment “il-ġisem.”
^ Jew “midfun.”
^ Letteralment “jinżeraʼ.”
^ Letteralment “Jinżeraʼ.”
^ Jew “ruħ.”
^ Jew “il-ġisem.”
^ Jew “li qed imut.”
^ Jew “immortali.”
^ Letteralment “se tinbelaʼ.”
^ Jew “il-qawwa li tweġġaʼ.”
^ Jew “il-qawwa li tweġġaʼ.”