L-Ewwel Kronaki 10:1-14
-
Imutu Sawl u t-tfal tiegħu (1-14)
10 Il-Filistin kienu qed jiġġieldu kontra Iżrael. U l-irġiel t’Iżrael ħarbu minn quddiemhom u ħafna nqatlu fuq il-Muntanja Gilbogħa.
2 Il-Filistin iffokaw fuq Sawl u t-tfal tiegħu, u qatlu lil Ġonatan, lil Abinadab, u lil Malki-sugħa, it-tfal taʼ Sawl.
3 Il-ġlied ħrax kontra Sawl, u l-arċiera sabuh u weġġgħuh serjament.
4 Imbagħad Sawl qal lil dak li jġorrlu l-armi: “Aqbad ix-xabla tiegħek u infidni biha, biex ma jiġux dawn l-irġiel mhux ċirkonċiżi u jaħqruni.” Imma dak li jġorrlu l-armi ma riedx, għaliex beżaʼ ħafna. Għalhekk, Sawl qabad ix-xabla u nxteħet fuqha.
5 Meta dak li jġorrlu l-armi ra li Sawl kien miet, hu wkoll inxteħet fuq ix-xabla tiegħu u miet.
6 B’hekk, Sawl, it-tlett itfal tiegħu, u dawk kollha taʼ daru li kienu miegħu mietu flimkien.
7 Meta n-nies kollha t’Iżrael li kienu fil-wied* raw li s-suldati kienu ħarbu u li Sawl u t-tfal tiegħu kienu mietu, bdew jitilqu mill-bliet tagħhom u jaħarbu. Imbagħad il-Filistin marru jgħixu fihom.
8 L-għada, meta l-Filistin ġew ineżżgħu l-maqtulin, sabu l-ġisem taʼ Sawl u tat-tfal tiegħu fuq il-Muntanja Gilbogħa.
9 Għalhekk, neżżgħuh, qatgħulu rasu, ħadu l-armatura tiegħu, u bagħtu messaġġ fl-art tal-Filistin biex ixerrdu l-aħbar fid-djar tal-idoli tagħhom u man-nies.
10 Imbagħad poġġew l-armatura tiegħu fit-tempju tal-alla tagħhom, u rasu dendluha mat-tempju taʼ Dagon.
11 Meta dawk kollha taʼ Ġabes f’Gilegħad semgħu b’kulma l-Filistin kienu għamlu lil Sawl,
12 il-gwerriera kollha marru u ġarrew il-katavru taʼ Sawl u tat-tfal tiegħu. Huma ħaduhom Ġabes u difnu l-għadam tagħhom taħt is-siġra l-kbira f’Ġabes, u samu għal sebat ijiem.
13 B’hekk, Sawl miet minħabba n-nuqqas taʼ lealtà li kien wera kontra Ġeħova għax m’obdiex dak li qal Ġeħova u ħa parir mingħand medjum tal-ispirti
14 minflok ma staqsa lil Ġeħova. Għalhekk, Alla qatlu u ta s-saltna lil David bin Ġesse.
Noti taʼ taħt
^ Jew “fil-pjanura l-baxxa.”