L-Ewwel Kronaki 12:1-40
-
Dawk li appoġġaw is-saltna taʼ David (1-40)
12 Dawn kienu l-irġiel li ġew għand David f’Siklag waqt li hu ma setax imur fejn irid minħabba Sawl bin Kis. Dawn kienu fost il-gwerriera b’saħħithom li għenuh fil-battalja.
2 Huma kienu armati bil-qaws, u kienu kapaċi jużaw idhom il-leminija u x-xellugija biex iwaddbu l-ġebel bl-iżbandola jew il-vleġeġ bil-qaws. Dawn kienu minn ħut Sawl, minn Benjamin.
3 Kien hemm il-kap Aħigħeżer flimkien maʼ Ġowas (iż-żewġt itfal taʼ Semgħa l-Gibegħati), Ġeżigħel u Pelet it-tfal t’Għażmawet, Beraka, Ġeħu l-Għanatoti,
4 Ismaja l-Gibegħoni (gwerrier b’saħħtu fost it-30 kap u fuq it-30 kap), Ġeremija, Ġaħażijel, Ġoħanan, Ġożabad il-Gederati,
5 Elgħużaj, Ġerimot, Begħalija, Semarija, Sefatija l-Ħarifi,
6 u l-Koraħin Elkana, Issija, Għażarel, Ġogħeżer, u Ġasobegħam.
7 Kif ukoll Ġogħela u Żebadija t-tfal taʼ Ġeroħam minn Gedor.
8 Ftit mill-Gadin marru man-naħa taʼ David fil-post taʼ protezzjoni fid-deżert. Dawn kienu gwerriera b’saħħithom, suldati ttrennjati għall-gwerra, u ppreparati bit-tarka l-kbira u l-lanza. Wiċċhom kien bħal tal-iljuni u kienu ħfief bħall-għażżiela* fuq il-muntanji.
9 Għeżer kien il-kap, Għobadija t-tieni, Eljab it-tielet,
10 Mismanna r-rabaʼ, Ġeremija l-ħames,
11 Għattaj is-sitta, Eligħel is-sebaʼ,
12 Ġoħanan it-tmienja, Elżabad id-disaʼ,
13 Ġeremija l-għaxra, u Makbannaj il-ħdax.
14 Dawn kienu kapijiet tal-armata mill-Gadin. L-inqas wieħed kien jiswa daqs 100, u l-akbar daqs 1,000.
15 Dawn huma l-irġiel li qasmu l-Ġordan fl-ewwel xahar meta kienet qed tfur mix-xtut kollha tagħha, u keċċew lil dawk kollha li kienu fil-pjanuri l-baxxi, lejn il-Lvant u l-Punent.
16 Xi rġiel minn Benjamin u Ġuda wkoll marru għand David fil-post taʼ protezzjoni.
17 Imbagħad David ħareġ quddiemhom u qalilhom: “Jekk ġejtu għandi fil-paċi biex tgħinuni, issiru l-ħbieb tiegħi. Imma jekk ġejtu biex tittraduni u tagħtuni f’idejn dawk taʼ kontrija meta m’għamilt xejn ħażin, ħa jarah dan l-Alla taʼ missirijietna u jiġġudika hu.”
18 Imbagħad l-ispirtu t’Alla ġie fuq Għamasaj il-kap tat-30 u qal:
“Aħna tiegħek David, u aħna miegħek bin Ġesse.
Ħa jkollok il-paċi int u min jgħinek,Għax l-Alla tiegħek qiegħed jgħinek.”
Għalhekk, David laqagħhom u inkarigahom fost il-kapijiet tas-suldati.
19 Xi wħud minn Manasse wkoll appoġġaw lil David meta mar mal-Filistin għall-battalja kontra Sawl. Imma hu m’għenx lill-Filistin, għax wara li ftiehmu bejniethom, il-mexxejja tal-Filistin bagħtuh lura, għax qalu: “Hu jingħaqad maʼ sidu Sawl u nirriskjaw ħajjitna.”
20 Dawn kienu l-uħud minn Manasse li appoġġawh meta mar Siklag: Għadnah, Ġożabad, Ġedjagħel, Mikiel, Ġożabad, Eliħu, u Silletaj, kapijiet tal-eluf taʼ Manasse.
21 Huma għenu lil David kontra l-grupp taʼ ħallelin, għaliex ilkoll kemm huma kienu rġiel b’saħħithom u kuraġġużi, u saru kapijiet fl-armata.
22 Jum wara jum in-nies baqgħu jmorru għand David biex jgħinuh, sakemm saru armata kbira, bħall-armata t’Alla.
23 Dan hu l-ammont tal-kapijiet taʼ dawk li kienu armati għall-gwerra u li marru għand David f’Ħebron biex jagħtuh it-tmexxija li kellu Sawl, bħalma kkmanda Ġeħova.
24 Minn Ġuda kien hemm 6,800 raġel li jġorru t-tarka l-kbira u l-lanza u li kienu armati għall-gwerra.
25 Mis-Simegħonin kien hemm 7,100 raġel b’saħħtu u kuraġġuż tal-armata.
26 Mil-Leviti 4,600.
27 Ġeħojada kien il-mexxej tat-tfal t’Aron, u miegħu kien hemm 3,700,
28 kif ukoll Sadok, żagħżugħ b’saħħtu u kuraġġuż, flimkien maʼ 22 kap mill-familja min-naħa tal-missier.
29 Mill-Benjamini, ħut Sawl, kien hemm 3,000. Qabel, il-biċċa l-kbira minnhom kienu jappoġġaw lealment lil dar Sawl.
30 Mill-Efrajmin kien hemm 20,800. Dawn kienu rġiel b’saħħithom, kuraġġużi, u magħrufin fost il-familja min-naħa tal-missier.
31 Minn nofs it-tribù taʼ Manasse kien hemm 18,000 li kienu ġew magħżulin b’isimhom biex imorru jagħmlu lil David re.
32 Mit-tribù taʼ Issakar kien hemm 200 kap li kellhom l-abbiltà li jkunu jafu x’għandu jagħmel Iżrael skont iċ-ċirkustanzi taż-żmien li kienu fih. Ħuthom kollha kienu taħt il-kmand tagħhom.
33 Minn Żebulun kien hemm 50,000. Dawn kienu lesti għall-battalja u kellhom kull tip t’arma. Huma ngħaqdu maʼ David b’lealtà sħiħa.
34 Minn Naftali kien hemm 1,000 kap, u magħhom kellhom 37,000 suldat bit-tarka l-kbira u bil-lanza.
35 Mid-Danin kien hemm 28,600 lesti għall-battalja.
36 U minn Aser kien hemm 40,000 lesti għall-battalja.
37 Min-naħa l-oħra tal-Ġordan kien hemm 120,000 suldat mir-Rubenin, mill-Gadin, u minn nofs it-tribù taʼ Manasse. Dawn kellhom kull tip t’arma tal-gwerra.
38 Dawn kollha kienu suldati lesti għall-battalja. Huma marru Ħebron determinati li jagħmlu lil David re fuq Iżrael kollu. Anki l-bqija tan-nies t’Iżrael kienu jaqblu* li jagħmlu lil David re.
39 Huma baqgħu hemmhekk maʼ David tlett ijiem, jieklu u jixorbu, għax ħuthom kienu lestewlhom kollox.
40 Ukoll, dawk li kienu qribhom, u dawk li kienu mill-artijiet taʼ Issakar, Żebulun, u Naftali, bdew jieħdu dqiq, ċapep taʼ tin pressat, ċapep taʼ żbib, inbid, u żejt fuq il-ħmir, l-iġmla, il-bgħula, u l-baqar. Huma ħadu wkoll ħafna baqar u nagħaġ, għax kien hemm ferħ kbir f’Iżrael.