L-Ewwel Kronaki 19:1-19

  • L-Għammonin jumiljaw il-messaġġiera taʼ David (1-5)

  • Rebħa fuq Għammon u s-Sirja (6-19)

19  Iktar tard, Naħas ir-re tal-Għammonin miet, u ibnu sar re minfloku.  U David qal: “Jien se nuri mħabba u lealtà* maʼ Ħanun bin Naħas, għax missieru wera mħabba u lealtà miegħi.” Għalhekk, David bagħat il-qaddejja tiegħu biex jgħinuh iħossu aħjar minħabba li miet missieru. Imma meta l-qaddejja taʼ David daħlu fl-art tal-Għammonin,  il-kapijiet tal-Għammonin qalu lil Ħanun: “Taħseb li David bagħatlek lil dawn l-irġiel biex jonora lil missierek? Hu bagħathom biex jara sew x’fiha l-belt, jitkixxef dwar l-art, u jegħlbek.”  Għalhekk, Ħanun qabad il-qaddejja taʼ David, qaxxrilhom nofs id-daqna, qattgħalhom il-ħwejjeġ minn qaddhom ’l isfel, u bagħathom.  Meta David semaʼ xi ġralhom dawn l-irġiel, minnufih bagħat xi rġiel biex jiltaqgħu magħhom, għaliex ġew umiljati ħafna. Ir-re qalilhom: “Oqogħdu f’Ġeriko sakemm tikbrilkom id-daqna, imbagħad erġgħu lura.”  Maż-żmien, l-Għammonin raw li David kien sar jobgħodhom, għalhekk Ħanun u l-Għammonin bagħtu 1,000 talent* fidda biex jikru karrijiet u rikkieba taż-żwiemel mill-Mesopotamja,* minn Aram-magħka, u minn Soba.  B’hekk, krew 32,000 karru. Krew ukoll lir-re taʼ Magħka u lill-poplu tiegħu. Imbagħad marru u kkampjaw quddiem Medeba. L-Għammonin inġabru flimkien mill-bliet tagħhom u ħarġu għall-battalja.  Meta David semaʼ b’dan, bagħat lil Ġowab u l-armata kollha, inkluż l-aqwa gwerriera tiegħu.  U l-Għammonin ħarġu u tqassmu għall-battalja fid-daħla taʼ bieb il-belt, waqt li r-rejiet li marru kienu għalihom waħedhom fil-kampanja. 10  Meta Ġowab ra li l-għedewwa kienu se jattakkawh minn quddiem u minn wara, hu għażel xi wħud mill-aqwa suldati t’Iżrael u qassamhom għall-battalja biex jiltaqgħu mas-Sirjani. 11  Il-bqija tas-suldati ħalliehom f’idejn ħuh Abisaj, sabiex iqassamhom għall-battalja u jiltaqgħu mal-Għammonin. 12  Imbagħad qallu: “Jekk is-Sirjani jkunu b’saħħithom wisq għalija, int trid tiġi tgħinni. Imma jekk l-Għammonin ikunu b’saħħithom wisq għalik, niġi jien ngħinek. 13  Ejja nkunu sodi u kuraġġużi għall-poplu tagħna u għall-bliet tal-Alla tagħna, u Ġeħova jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejh.” 14  Imbagħad Ġowab u l-irġiel tiegħu resqu lejn is-Sirjani għall-battalja, u dawn ħarbu minn quddiemhom. 15  Meta l-Għammonin raw li s-Sirjani kienu ħarbu, huma wkoll ħarbu minn ħuh Abisaj u daħlu fil-belt. Wara dan, Ġowab wasal Ġerusalemm. 16  Meta s-Sirjani raw li Iżrael kien rebħilhom, huma bagħtu xi messaġġiera biex jiġbru s-Sirjani fir-reġjun tax-Xmara,* u Sofak il-kap tal-armata taʼ Ħadadgħeżer kien qed imexxihom. 17  Meta lil David waslitlu l-aħbar, hu minnufih ġabar lil Iżrael kollu, qasam il-Ġordan, mar ħdejhom, u tqassam għall-battalja kontrihom. David ħareġ jiġġieled mas-Sirjani u huma ġġieldu kontrih. 18  Imma s-Sirjani ħarbu mill-Iżraelin. Mis-Sirjani, David qatel 700 sewwieq tal-karrijiet u 40,000 suldat, u qatel lil Sofak il-kap tal-armata. 19  Meta l-qaddejja taʼ Ħadadgħeżer raw li ġew megħlubin minn Iżrael, huma mill-ewwel għamlu paċi maʼ David u bdew jagħmlu dak li jgħidilhom. Is-Sirja ma riditx tgħin iktar lill-Għammonin.

Noti taʼ taħt

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Letteralment “minn Aram-naħarajm.”
Jiġifieri l-Ewfrat.