L-Ewwel Kronaki 5:1-26
5 Dawn huma t-tfal taʼ Ruben, l-ewwel imwieled t’Iżrael. Imma talli kellu x’jaqsam mal-konkubina* taʼ missieru, id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled ingħata lit-tfal taʼ Ġużeppi bin Iżrael. B’hekk ma ġiex irreġistrat bħala l-ewwel imwieled fil-linja ġenealoġika tal-familja.
2 Minkejja li Ġuda kien superjuri għal ħutu u l-mexxej ġie mil-linja tiegħu, id-dritt bħala l-ewwel imwieled kien taʼ Ġużeppi.
3 It-tfal taʼ Ruben, l-ewwel imwieled t’Iżrael, kienu Ħanok, Pallu, Ħesron, u Karmi.
4 Dawn kienu dawk li jiġu minn Ġoel: Ġoel kellu lil Semajja, Semajja kellu lil Gog, Gog kellu lil Simgħi,
5 Simgħi kellu lil Mikea, Mikea kellu lil Regħaja, Regħaja kellu lil Bagħal,
6 u Bagħal kellu lil Birah, li r-Re Tilgat-pilneser tal-Assirja ħadu fl-eżilju. Hu kien kap tar-Rubenin.
7 Ħutu skont ir-reġistrazzjoni tal-linja ġenealoġika tal-familji tagħhom kienu: Ġegħijel il-kap, Żakkarija,
8 u Bela, li missieru kien Għażaż, nannuh Sema, u bużnannuh Ġoel. Il-familja taʼ Bela għexu f’Għarogħer u sa Nebo u Bagħal-megħon.
9 Lejn il-Lvant, huma ssetiljaw sa fejn jibda d-deżert qrib ix-Xmara Ewfrat, għax l-imrieħel tagħhom kienu żdiedu fl-art taʼ Gilegħad.
10 Fi żmien Sawl iggwerraw kontra l-Ħagrin u rebħulhom. Għalhekk, għexu fit-tined tagħhom fit-territorju kollu lejn il-Lvant taʼ Gilegħad.
11 Dawk li jiġu minn Gad għexu ħdejhom fl-art tal-Basan sa Saleka.
12 Fil-Basan, Ġoel kien il-kap, Safam kien it-tieni, u kien hemm ukoll Ġagħnaj u Safat.
13 U ħuthom min-naħa tal-missier kienu sebgħa: Mikiel, Mesullam, Xeba, Ġoraj, Ġagħkan, Żigħa, u Għeber.
14 Dawn li ssemmew kienu t-tfal taʼ Abiħajl. Abiħajl kien bin Ħuri, Ħuri kien bin Ġarogħa, Ġarogħa kien bin Gilegħad, Gilegħad kien bin Mikiel, Mikiel kien bin Ġesisaj, Ġesisaj kien bin Ġaħdo, u Ġaħdo kien bin Buż.
15 Il-kap tal-familja min-naħa tal-missier kien Aħi, li missieru kien Għabdijel u nannuh kien Guni.
16 Huma għexu f’Gilegħad, fil-Basan u fil-bliet li jiddependu minnu,* u sa fejn tispiċċa l-art taʼ Saron li tintuża għall-annimali.
17 Dawn kienu kollha rreġistrati fil-linja ġenealoġika fi żmien ir-Re Ġotam taʼ Ġuda u fi żmien ir-Re Ġerobogħam* t’Iżrael.
18 Ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse kellhom 44,760 gwerrier b’saħħtu fl-armata tagħhom. Dawn kienu jġorru t-tarka u x-xabla, kienu armati bil-qaws, u kienu ttrennjati għall-gwerra.
19 Huma ggwerraw kontra l-Ħagrin, Ġetur, Nafis, u Nodab.
20 Meta kienu qed jiġġieldu kontrihom, Alla għenhom u tahom f’idejhom il-Ħagrin u dawk kollha li kienu magħhom. Dan għamlu għax huma talbuh bil-ħniena għall-għajnuna u fdaw fih.
21 Huma ħadulhom 50,000 ġemel, 250,000 nagħġa, 2,000 ħmar, u 100,000 ruħ.
22 Kien hemm ħafna li mietu, għaliex l-Alla l-veru ġġieled għalihom. U huma għexu minflokhom sa żmien l-eżilju.
23 Dawk li jiġu minn nofs it-tribù taʼ Manasse għexu fl-art mill-Basan sa Bagħal-ħermon, is-Senir, u l-Muntanja Ħermon. Huma kienu ħafna.
24 Dawn kienu l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier: Għefer, Isgħi, Eligħel, Għażrijel, Ġeremija, Ħodawija, u Ġaħdijel. Dawn kienu gwerriera b’saħħithom, irġiel magħrufin, u kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier.
25 Imma huma ma kinux leali lejn l-Alla taʼ missirijiethom u għamlu prostituzzjoni mal-allat tan-nies tal-pajjiż, li Alla kien qered minn quddiemhom.
26 Għalhekk, l-Alla t’Iżrael ħeġġeġ lir-Re Pul tal-Assirja, jiġifieri Tilgat-pilneser, biex jieħu fl-eżilju lir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse u ħadhom Ħala, Ħabor, Ħagħra, u x-Xmara Gożan. U dawn għadhom hemm sal-lum.