L-Ewwel Ittra taʼ Pietru 1:1-25
1 Jien Pietru, appostlu taʼ Ġesù Kristu, qed nikteb din l-ittra lilkom ir-residenti temporanji li qegħdin imxerrdin fil-Pontu, fil-Galazja, fil-Kappadoċja, fl-Asja, u fil-Bitinja. Iva, lilkom il-magħżulin
2 mill-Alla l-Missier skont dak li kien ħaseb minn qabel. Hu takom l-ispirtu qaddis biex jagħmilkom qaddisin, biex tobduh, u biex inaddafkom permezz tad-demm taʼ Ġesù Kristu:
Jalla Alla jurikom iktar qalb tajba kbira u jgħinkom ikollkom iktar paċi.
3 Ħa jkun imfaħħar Alla, li hu l-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax bil-ħniena kbira tiegħu, hu tana ħajja ġdida* b’tama li tibqaʼ permezz tal-irxoxt taʼ Ġesù Kristu.
4 Alla jagħtikom wirt li ma jistax jinqered jew jispiċċa. Dan hu merfugħ għalikom fis-sema.
5 Iva, għalikom li permezz tal-fidi tagħkom, Alla qed jipproteġikom biex isalvakom. Din is-salvazzjoni se tingħata* fl-aħħar żmien.
6 Minħabba f’hekk, intom qed tifirħu ħafna, għalkemm bħalissa jaf tkunu mdejqin għal ftit minħabba d-diversi provi li għaddejjin minnhom
7 biex il-fidi tagħkom tiġi ttestjata. U din il-fidi b’saħħitha tkun tiswa ħafna iktar mid-deheb, li għalkemm jiflaħ għan-nar,* xorta jiġi fix-xejn. B’hekk intom tkunu tistgħu tirċievu tifħir, glorja, u unur meta jidher Ġesù Kristu.
8 Għalkemm qatt ma rajtuh, intom tħobbuh. Għalkemm m’intomx tarawh issa, xorta qed turu li għandkom fidi fih, u intom ferħanin ħafna u qed tħossu ferħ kbir li ma jistax jiġi deskritt,
9 għax ċerti li l-fidi tagħkom se ssalvakom.*
10 Il-profeti li tkellmu dwar il-qalb tajba kbira li Alla wera magħkom, staqsew u fittxew bir-reqqa dwar din is-salvazzjoni.
11 Qabel ma ġara hekk, Alla uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħidilhom li Kristu kien se jbati u jiġi onorat. Hu għalhekk li baqgħu jipprovaw isiru jafu x’kien se jiġri lil Kristu u meta kien se jiġri hekk.
12 Alla għenhom jirrealizzaw li dak li kienu qalu bħala qaddejja ma kienx għalihom imma għalikom, u intom smajtu dawk l-affarijiet permezz taʼ dawk li ppritkawlkom l-aħbar tajba bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis li ntbagħat mis-sema. L-anġli huma interessati ħafna li jsiru jafu dwar dawn l-affarijiet.
13 Għalhekk, ippreparaw lilkom infuskom għal xogħol iebes; ibqgħu f’sensikom għalkollox; ittamaw fil-qalb tajba kbira li se tintwerew meta jerġaʼ jiġi Ġesù Kristu.
14 Bħala tfal ubbidjenti, tibqgħux tiġu influwenzati* mix-xewqat li kellkom qabel ma sirtu tafu dwar Alla,
15 imma siru qaddisa f’kulma tagħmlu bħalma hu l-Qaddis li għażilkom,
16 għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Intom tridu tkunu qaddisin, għax jien qaddis.”
17 Jekk qed titolbu lill-Missier, li jiġġudika mingħajr preferenzi lil kull wieħed skont dak li jagħmel, ġibu ruħkom b’mod li juri li tirrispettawh ħafna* matul iż-żmien li qed tgħixu bħala residenti barranin.
18 Għax intom tafu li ma ġejtux meħlusin* mill-ħajja bla sens li rċivejtu mingħand missirijietkom* b’affarijiet li jiġu fix-xejn, bħall-fidda jew id-deheb.
19 Minflok, ġejtu meħlusin bid-demm prezzjuż taʼ Kristu, li hu bħal dak taʼ ħaruf bla difett u bla tebgħa.
20 Veru, Alla kien għażel lil Kristu qabel il-bidu tad-dinja,* imma hu deher fit-tmiem taʼ dan iż-żmien għalikom.
21 Permezz tiegħu, intom temmnu f’Alla, il-wieħed li qajmu mill-mewt u gglorifikah, ħalli l-fidi u t-tama tagħkom ikunu f’Alla.
22 Peress li obdejtu l-verità, intom naddaftu lilkom infuskom,* u b’hekk għandkom imħabba sinċiera lejn xulxin. Għalhekk, ħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha.
23 Għax permezz tal-kelma tal-Alla l-ħaj li jibqaʼ għal dejjem, intom ingħatajtu ħajja ġdida* permezz taʼ żerriegħa li ma titħassarx, u mhux permezz taʼ żerriegħa li titħassar.
24 Għax “in-nies kollha huma bħall-ħaxix, u huma sbieħ bħall-fjuri; il-ħaxix jinxef, u l-fjura taqaʼ,
25 imma dak li jgħid Ġeħova* jibqaʼ għal dejjem.” U din hi l-aħbar tajba li ġiet ippritkata lilkom.
Noti taʼ taħt
^ Jew “aħna twilidna mill-ġdid.”
^ Letteralment “tiġi rrivelata.”
^ Jew “jiġi rfinut bin-nar.”
^ Jew “issalva lil ruħkom.“
^ Jew “magħġunin.”
^ Letteralment “tibżgħu minnu.”
^ Letteralment “mifdijin.”
^ Jew “mit-tradizzjonijiet.”
^ Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.
^ Jew “lil ruħkom.”
^ Jew “twilidtu mill-ġdid.”