L-Ewwel Ittra taʼ Pietru 3:1-22

  • Nisa u rġiel miżżewġin (1-7)

  • Ħossu għal xulxin; fittxu l-paċi (8-12)

  • Se tbatu minħabba s-sewwa (13-22)

    • Kunu lesti li tiddefendu t-tama tagħkom (15)

    • Magħmudija u kuxjenza nadifa (21)

3  Bl-istess mod, nisa, kunu sottomessi* lejn l-irġiel tagħkom, ħalli dawk li ma jobdux il-kelma t’Alla forsi jibdew jobdu b’dak li tagħmlu u mhux b’dak li tgħidu.  Dan peress li jaraw il-kondotta tajba u r-rispett kbir tagħkom.  Tħallux is-sbuħija tagħkom tkun dik li tidher minn barra, jiġifieri xagħar immaljat u li tilbsu d-deheb jew ħwejjeġ li jiswew ħafna,  imma kunu sbieħ minn ġewwa billi tkunu kalmi u turu l-ħlewwa, għax dawn l-affarijiet huma importanti għal Alla. Din is-sbuħija qatt ma tispiċċa.  Hu għalhekk li n-nisa leali* tal-passat li kienu jittamaw f’Alla kienu sbieħ, għax kienu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom,  bħalma Sara kienet tobdi lil Abraham u kienet tgħajjatlu sidi. Intom tistgħu tkunu bħalha billi tkomplu tagħmlu dak li hu tajjeb u ma tħallu xejn ibeżżagħkom.  Bl-istess mod, irġiel, komplu għixu mal-mara tagħkom billi turu li tifhmuha.* Onoraw in-nisa tagħkom li huma bħal reċipjent fraġli, għax huma wkoll se jirtu l-ħajja magħkom grazzi għall-qalb tajba kbira t’Alla, inkella Alla ma jismax it-talb tagħkom.  Fl-aħħar, kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, ħobbu lil xulxin bħal aħwa, ħennu ħafna, u kunu umli.  Tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir. Minflok, birkuhom għax intom intgħażiltu minn Alla biex tbierku lil oħrajn ħalli b’hekk hu jberikkom. 10  Għax “kull min jixtieq igawdi l-ħajja u jgħix ħajja ferħana, għandu joqgħod attent li ma jgħidx dak li hu ħażin u lanqas jitkellem bil-qerq. 11  Ħa jitbiegħed minn dak li hu ħażin u jagħmel it-tajjeb; ifittex il-paċi u jaħdem għaliha. 12  Għax Ġeħova* jżomm għajnejh fuq it-tajbin, u jismagħhom meta jitolbuh bil-ħniena, imma Ġeħova* jdawwar wiċċu minn dawk li jagħmlu affarijiet ħżiena.” 13  Infatti, min se jweġġagħkom jekk tagħmlu affarijiet tajbin b’qalbkom kollha? 14  Imma anki jekk kellkom tbatu minħabba s-sewwa, intom se tkunu ferħanin. Għalhekk, tibżgħux minn dak li jibżgħu huma,* u tinkwetawx. 15  Iżda qaddsu lill-Kristu bħala l-Mulej f’qalbkom. Kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem dawk li jistaqsu dwar it-tama tagħkom, imma agħmlu dan bil-ħlewwa u b’rispett kbir. 16  Żommu kuxjenza nadifa, ħalli jgħidu x’jgħidu kontrikom, ikollhom jistħu minħabba l-kondotta tajba tagħkom bħala dixxipli taʼ Kristu. 17  Aħjar tbatu talli tkunu qed tagħmlu t-tajjeb, jekk Alla jippermetti dan, milli tbatu talli tagħmlu l-ħażin. 18  Kristu, raġel ġust, miet darba għal dejjem għal nies mhux ġusti biex jinħafrulhom id-dnubiet. Hu għamel hekk biex iressaqkom lejn Alla. Hu kien bniedem meta nqatel, imma ġie rxoxtat bħala spirtu. 19  Imbagħad hu mar jipprietka messaġġ taʼ ġudizzju lill-anġli li kienu fil-ħabs. 20  Dawn ma kinux qed jobdu meta Alla kien qed jistenna bil-paċenzja fi żmien Noè. Dak iż-żmien kienet qed tinbena l-arka, u fiha ġew salvati mill-ilma tmienja min-nies* biss. 21  Nistgħu nqabblu dak li ġara dak iż-żmien mal-magħmudija li issa qed issalvakom permezz tal-irxoxt taʼ Ġesù Kristu. Il-magħmudija ma ssalvakomx billi tneħħi l-ħmieġ tal-ġisem, imma billi titolbu lil Alla għal kuxjenza nadifa. 22  Kristu qiegħed fuq il-lemin t’Alla, għax hu telaʼ s-sema u Alla onorah ħalli jobduh l-anġli, l-awtoritajiet, u l-qawwiet.

Noti taʼ taħt

Jiġifieri rrispettaw l-awtorità.
Letteralment “qaddisin.”
Jew “billi tittrattawha b’konsiderazzjoni; skont l-għarfien.”
Jew forsi “tibżgħux mit-theddid tagħhom.”
Jew “tmien erwieħ.”