L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 11:1-15
11 Imbagħad Naħas l-Għammoni telaʼ u kkampja biex jiġġieled kontra Ġabes f’Gilegħad. U l-irġiel kollha taʼ Ġabes qalu lil Naħas: “Agħmel patt* magħna u naqduk.”
2 Naħas l-Għammoni qalilhom: “Nagħmel patt magħkom b’din il-kundizzjoni: li naqlaʼ l-għajn il-leminija tagħkom kollha. Nagħmel dan biex numilja lil Iżrael kollu.”
3 L-anzjani* taʼ Ġabes wiġbuh: “Agħtina sebat ijiem ċans ħalli nibagħtu messaġġiera fit-territorju kollu t’Iżrael. Imbagħad, jekk ma jkun hemm ħadd min isalvana, inċedu.”
4 U l-messaġġiera ġew Gibegħa taʼ Sawl u qalu dan il-kliem biex jisimgħuh in-nies, u n-nies kollha bdew jibku biki kbir.
5 Imma Sawl kien ġej mill-għalqa wara l-merħla, u qal: “Xi ġralhom in-nies? Għala qed jibku?” Allura rrakkontawlu dak li qalu l-irġiel taʼ Ġabes.
6 Meta Sawl semaʼ dan il-kliem, l-ispirtu t’Alla tah il-qawwa u rrabja ħafna.
7 Għalhekk, ħa żewġ barrin u qattagħhom biċċiet u bagħathom fit-territorju kollu t’Iżrael mal-messaġġiera li qalu: “Hekk jiġrilha l-merħla tal-baqar taʼ kull min ma jsegwix lil Sawl u lil Samwel!” U Ġeħova ġiegħel lin-nies ikollhom biżaʼ u rispett, u b’hekk ħarġu b’fehma waħda.*
8 Imbagħad Sawl ra kemm kien hemm f’Beżek, u l-ammont kien 300,000 Iżraeli u 30,000 raġel minn Ġuda.
9 Issa lill-messaġġiera li kienu marru għandhom qalulhom: “Hekk għandkom tgħidulhom lill-irġiel taʼ Ġabes f’Gilegħad, ‘Għada meta x-xemx tkun fl-aqwa tagħha, intom tiġu salvati.’” U l-messaġġiera marru u taw l-aħbar lill-irġiel taʼ Ġabes, u dawn ferħu bil-kbir.
10 Għalhekk, l-irġiel taʼ Ġabes qalu lill-Għammonin: “Għada nċedu, u tistgħu tagħmlulna kulma jidhrilkom li hu tajjeb.”
11 L-għada Sawl qassam in-nies fi tliet gruppi, u dawn daħlu f’nofs il-kampijiet matul l-għassa taʼ filgħodu* u qatlu lill-Għammonin sa madwar nofsinhar. Dawk li baqgħu ħajjin tant inxterdu li meta ħarbu ma kienx baqaʼ tnejn flimkien.
12 Imbagħad in-nies qalu lil Samwel: “Min kien qed jgħid li ma jridx lil Sawl ikun re? Agħtuna lil dawn l-irġiel ħalli noqtluhom.”
13 Madankollu Sawl qal: “Lanqas raġel wieħed m’għandu jinqatel illum, għax illum Ġeħova ħeles lil Iżrael.”
14 Iktar tard Samwel qal lin-nies: “Ejjew immorru Gilgal sabiex nikkonfermaw li Sawl hu r-re.”
15 Għalhekk, in-nies kollha marru Gilgal, u hemm għamlu lil Sawl re quddiem Ġeħova. Imbagħad offrew sagrifiċċji tal-paċi quddiem Ġeħova, u Sawl u l-irġiel kollha t’Iżrael iċċelebraw u ferħu bil-kbir.
Noti taʼ taħt
^ Jew “ftehim.”
^ Letteralment “bħal bniedem wieħed.”
^ Jiġifieri madwar is-2 a.m. sas-6 a.m.