L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 3:1-21
-
Samwel jintgħażel biex ikun profeta (1-21)
3 Sadanittant, it-tifel Samwel kien qed jaqdi lil Ġeħova m’Għeli, imma f’dak iż-żmien ftit kienu dawk li rċivew messaġġ mingħand Ġeħova; il-viżjonijiet ma kinux komuni.
2 Darba minnhom, Għeli kien mimdud fejn kien ikun is-soltu, u għajnejh kienu ddgħajfu u ma setax jara.
3 Il-lampa fid-dar t’Alla kienet għadha ma ntefietx, u Samwel kien mimdud fit-tempju* taʼ Ġeħova, fejn kien hemm l-Arka t’Alla.
4 Imbagħad Ġeħova għajjat lil Samwel, u hu wieġeb: “Hawn jien.”
5 Hu telaq jiġri lejn Għeli u qallu: “Hawn jien. Għajjattli?” Imma hu qallu: “M’għajjattlekx. Erġaʼ mur orqod.” Għalhekk mar jorqod.
6 Ġeħova reġaʼ għajjatlu: “Samwel!” U Samwel qam u mar ħdejn Għeli u qallu: “Hawn jien. Għajjattli?” Imma hu qallu: “M’għajjattlekx ibni. Erġaʼ mur orqod.”
7 (Samwel kien għadu ma sarx jaf lil Ġeħova, u kien għadu ma rċiviex messaġġ mingħand Ġeħova.)
8 Għalhekk, Ġeħova reġaʼ għajjatlu għat-tielet darba: “Samwel!” B’hekk, hu mar ħdejn Għeli u qallu: “Hawn jien. Għajjattli?”
Imbagħad Għeli nduna li Ġeħova kien qed jgħajjat lit-tifel.
9 Għalhekk, Għeli qal lil Samwel: “Erġaʼ mur orqod u jekk jgħajjatlek, għid, ‘Jekk jogħġbok kellimni Ġeħova, għax jien, il-qaddej tiegħek, qed nismaʼ.’” U Samwel reġaʼ mar jorqod.
10 Ġeħova reġaʼ għajjatlu: “Samwel, Samwel!” U hu wieġeb: “‘Jekk jogħġbok kellimni, għax jien, il-qaddej tiegħek, qed nismaʼ.”
11 Ġeħova qal lil Samwel: “Qed nagħmel xi ħaġa f’Iżrael li kull min jismaʼ dwarha jinħasad.*
12 Dakinhar nagħmel kulma għedt dwar dar Għeli, mill-bidu sal-aħħar.
13 Għidlu li se nikkastiga lil familtu għal dejjem minħabba l-iżball li hu jaf bih, għax it-tfal tiegħu qed jisħtuni, imma hu ma widdibhomx.
14 Huwa għalhekk li jien ħlift lil dar Għeli li s-sagrifiċċji u l-offerti ma jistgħux ipattu għad-dnubiet taʼ daru.”
15 Samwel raqad sa filgħodu. Imbagħad fetaħ il-bibien tad-dar taʼ Ġeħova, u kien qed jibżaʼ jgħid lil Għeli dwar il-viżjoni.
16 Imma Għeli għajjat lil Samwel: “Samwel, ibni!” Dan wieġbu: “Hawn jien.”
17 Hu staqsa: “X’qallek? Jekk jogħġbok, taħbihx minni. Jalla Alla jikkastigak bl-aħrax jekk taħbi minni kelma waħda minn dak li qallek.”
18 Għalhekk, Samwel qallu kollox u ma ħbielu xejn. U Għeli qallu: “Hu dak li jrid Ġeħova. Ħa jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejh.”
19 Samwel baqaʼ jikber, u Ġeħova kien miegħu u għamel dak kollu li qal.
20 Iżrael kollu minn Dan sa Bir-xeba sar jaf li Ġeħova kien għażel lil Samwel bħala l-profeta tiegħu.
21 U Ġeħova kompla jidher f’Silo, għax kien f’Silo li Ġeħova wera lil Samwel min kien permezz tal-kelma taʼ Ġeħova.