L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 19:1-21

  • Elija jaħrab minn Ġeżabel (1-8)

  • Ġeħova jidher lil Elija f’Ħoreb (9-14)

  • Elija kellu jinkariga lil Ħażagħel, Ġeħu, u Eliżew (15-18)

  • Eliżew jintgħażel biex jilħaq minflok Elija (19-21)

19  Imbagħad Aħab qal lil Ġeżabel b’kulma għamel Elija u kif qatel il-profeti kollha bix-xabla.  Għalhekk, Ġeżabel bagħtet tgħid lil Elija: “Jalla l-allat jikkastigawni bl-aħrax jekk s’għada bħalissa ma nkunx għamiltlek bħall-profeti li qtilt!”  Għal dan hu beda jibżaʼ, allura ħarab biex isalva. Hu mar Bir-xeba, li hi taʼ Ġuda, u ħalla lill-qaddej tiegħu hemm.  Hu vvjaġġa għal jum fid-deżert u mar ħdejn siġra tal-ġummar u qagħad bilqiegħda taħtha. Hu talab biex imut u qal: “Ma niflaħx iktar! Ġeħova ħudli ħajti, għax jien mhux aħjar minn missirijieti.”  Imbagħad imtedd u raqad taħt is-siġra tal-ġummar. Imma f’daqqa waħda messu anġlu u qallu: “Qum u kul.”  Meta ħares, ra li ħdejn rasu kien hemm ħobża tonda fuq ġebel sħun u buqar ilma. Hu kiel, xorob, u reġaʼ mtedd.  Iktar tard l-anġlu taʼ Ġeħova reġaʼ mar ħdejh u messu u qallu: “Qum u kul, għax il-vjaġġ se jkun wisq għalik.”  Għalhekk hu qam, kiel u xorob, u bis-saħħa taʼ dak l-ikel baqaʼ sejjer 40 jum u 40 lejl sakemm wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Alla l-veru.  Hu daħal f’għar u qattaʼ l-lejl fih; u Ġeħova qallu: “X’int tagħmel hawn Elija?” 10  Hu qal: “Jien naqdi lilek b’żelu kbir Ġeħova l-Alla tal-armati. Imma l-poplu t’Iżrael telaq il-patt tiegħek, kisser l-artali tiegħek, u qatel bix-xabla lill-profeti tiegħek, u jien biss baqaʼ. Issa qed jipprovaw joqtluni.” 11  Imma Alla qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem Ġeħova.” U ara! Ġeħova kien għaddej, u riħ qawwi u b’saħħtu beda jaqsam il-muntanji u jfarrak il-blat quddiem Ġeħova, imma Ġeħova ma kienx fir-riħ. Wara r-riħ, kien hemm terremot, imma Ġeħova ma kienx fit-terremot. 12  Wara t-terremot, kien hemm nar, imma Ġeħova ma kienx fin-nar. Wara n-nar, kien hemm leħen kalm u baxx. 13  Malli Elija semgħu, hu għatta wiċċu bil-libsa tiegħu taʼ profeta u ħareġ u qagħad fid-daħla tal-għar. Imbagħad il-leħen staqsieh: “X’int tagħmel hawn Elija?” 14  Hu qal: “Jien naqdi lilek b’żelu kbir Ġeħova l-Alla tal-armati. Imma l-poplu t’Iżrael telaq il-patt tiegħek, kisser l-artali tiegħek, u qatel bix-xabla lill-profeti tiegħek, u jien biss baqaʼ. Issa qed jipprovaw joqtluni.” 15  Ġeħova qallu: “Erġaʼ lura, u mur fid-deżert taʼ Damasku. Meta tasal, inkariga* lil Ħażagħel bħala re tas-Sirja. 16  U għandek tinkariga* lil Ġeħu, li nannuh huwa Nimsi, bħala re fuq Iżrael, u inkariga* lil Eliżew* bin Safat minn Abel-meħola bħala profeta minflokok. 17  Min jaħrab mix-xabla taʼ Ħażagħel, joqtlu Ġeħu, u min jaħrab mix-xabla taʼ Ġeħu, joqtlu Eliżew. 18  U f’Iżrael għad għandi 7,000 ruħ li ma milux quddiem Bagħal u li ma bisuhx.” 19  Għalhekk, telaq minn hemm u sab lil Eliżew bin Safat waqt li dan kien qed jaħrat bi 12-il par barri quddiemu, u hu kien mat-12-il wieħed. Għalhekk, Elija mar ħdejh u tefagħlu fuqu l-libsa tiegħu taʼ profeta. 20  U hu ħalla l-barrin u ġera wara Elija u qallu: “Jekk jogħġbok, ħallini nsellem u nbus lil missieri u lil ommi. Imbagħad niġi warajk.” Hu wieġbu: “Mur, mhux se nżommok.” 21  Għaldaqstant mar lura u ħa żewġ barrin u ssagrifikahom, u hu ħaraq l-għodda tal-ħrit biex jgħalli l-laħam tal-barrin u tah lin-nies, u kielu. Wara dan, Eliżew mar wara Elija u beda jgħinu.

Noti taʼ taħt

Letteralment “idlek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tidlek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “idlek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Ifisser “Alla Hu Salvazzjoni.”