L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 21:1-29

  • Aħab jixtieq ħafna l-għalqa tad-dwieli taʼ Nabot (1-4)

  • Ġeżabel tippjana biex toqtol lil Nabot (5-16)

  • Il-messaġġ t’Elija kontra Aħab (17-26)

  • Aħab jumilja ruħu (27-29)

21  Wara dan, kien hemm raġel jismu Nabot minn Ġeżragħel li kellu għalqa tad-dwieli f’Ġeżragħel, ħdejn il-palazz t’Aħab ir-re tas-Samarija.  Aħab qal lil Nabot: “Agħtini l-għalqa tad-dwieli tiegħek sabiex nagħmilha ġnien tal-ħxejjex għalija, għax qiegħda viċin il-palazz tiegħi. U minflokha nagħtik għalqa tad-dwieli aħjar minnha. Jew jekk trid, inħallsek skont kemm tiswa.”  Imma Nabot qallu: “Meta nqis is-sitwazzjoni mill-ħarsa taʼ Ġeħova ma jgħaddilix minn moħħi li nagħtik wirt missirijieti.”  Għalhekk, Aħab mar il-palazz tiegħu bin-nervi u mdejjaq minħabba li Nabot il-Ġeżragħeli qallu li mhux se jagħtih wirt missirijietu. Imbagħad imtedd fuq is-sodda, dawwar wiċċu lejn il-ħajt, u ma kielx.  Martu Ġeżabel daħlet ħdejh u staqsietu: “Għala int* tant imdejjaq li ma tridx tiekol?”  Wiġibha: “Għax kellimt lil Nabot il-Ġeżragħeli u għedtlu, ‘Agħtini l-għalqa tad-dwieli bil-flus. Jew jekk trid nagħtik għalqa tad-dwieli oħra minflokha.’ Imma hu qalli, ‘M’iniex se nagħtik l-għalqa tad-dwieli tiegħi.’”  Imbagħad martu Ġeżabel qaltlu: “Int ir-re li qed imexxi fuq Iżrael! Mela qum, kul xi ħaġa, u tibqax imdejjaq. Jien se nagħtik l-għalqa tad-dwieli taʼ Nabot il-Ġeżragħeli.”  Għaldaqstant kitbet xi ittri f’isem Aħab u mmarkathom bis-siġill tiegħu, u bagħtithom lill-anzjani* u lin-nobbli li kienu jgħixu fil-belt taʼ Nabot.  Fl-ittri hi kitbet: “Għidu lil kulħadd biex isum, u araw li Nabot joqgħod bilqiegħda quddiem il-poplu. 10  U qabbdu lil żewġt irġiel li mhuma tajbin għal xejn biex jixhdu kontrih u jgħidu, ‘Int sħitt lil Alla u lir-re!’ Imbagħad oħorġuh mill-belt u waddbulu l-ġebel sakemm imut.” 11  Għalhekk, l-anzjani u n-nobbli li kienu jgħixu fil-belt tiegħu għamlu bħalma kien hemm miktub fl-ittri li bagħtitilhom Ġeżabel. 12  Huma qalu lil kulħadd biex isum u raw li Nabot joqgħod bilqiegħda quddiem il-poplu. 13  Imbagħad tnejn mill-irġiel li mhuma tajbin għal xejn daħlu, poġġew quddiem Nabot, u bdew jixhdu kontrih quddiem il-poplu billi qalu: “Nabot seħet lil Alla u lir-re!” Wara dan ħaduh barra l-belt u waddbulu l-ġebel sakemm miet. 14  Imbagħad bagħtu jgħidu lil Ġeżabel: “Lil Nabot waddbulu l-ġebel sakemm miet.” 15  Malli Ġeżabel semgħet li Nabot waddbulu l-ġebel u miet, hi qalet lil Aħab: “Mur, ħu l-għalqa tad-dwieli taʼ Nabot il-Ġeżragħeli, li ma riedx jagħtik bil-flus, għax m’għadux ħaj.” 16  Xħin Aħab semaʼ li Nabot kien miet, hu mar fl-għalqa tad-dwieli tiegħu ħalli jiħodha. 17  Imma Ġeħova qal lil Elija t-Tisbi: 18  “Inżel iltaqaʼ m’Aħab ir-re t’Iżrael fis-Samarija. Hu qiegħed fl-għalqa tad-dwieli taʼ Nabot, għax mar fiha biex jiħodha. 19  Għandek tgħidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Int qtilt raġel! U issa se tieħu wkoll il-propjetà tiegħu?”’* Imbagħad għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Fil-post fejn il-klieb lagħqu d-demm taʼ Nabot, il-klieb se jilagħqu demmek stess.”’” 20  Aħab qal lil Elija: “Qbadtni, ja għadu tiegħi!” Hu wieġbu: “Qbadtek. Alla qallek: ‘Talli int determinat li* tagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, 21  jien se nġib gwaj fuqek, u niknes għalkollox lil dawk li jiġu minnek u neqred minn darek lil kull raġel,* inkluż lil dawk bla ħila u dgħajfin f’Iżrael. 22  U nagħmel lil darek bħal dar Ġerobogħam bin Nebat u bħal dar Bagħsa bin Aħija, minħabba li ġegħeltni nirrabja u ġegħelt lil Iżrael jidneb.’ 23  U dwar Ġeżabel, Ġeħova qal: ‘Il-klieb se jieklu lil Ġeżabel fil-biċċa art f’Ġeżragħel. 24  Min imut fil-belt minn darek jikluh il-klieb, u min imut fl-għalqa jikluh l-għasafar. 25  Fil-fatt qatt ma kien hemm xi ħadd determinat* daqs Aħab li jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Hu kien imħeġġeġ jagħmel dan minn martu Ġeżabel. 26  Hu aġixxa bl-iktar mod moqżież billi mar wara l-idoli diżgustanti,* bħalma kienu għamlu l-Amurrin kollha, li Ġeħova keċċa minn quddiem l-Iżraelin.’” 27  Malli semaʼ dan il-kliem, Aħab ċarrat ħwejġu u libes ħwejjeġ tal-ixkora fuq il-laħam; u beda jsum u baqaʼ jimtedd liebes l-ixkora u jimxi b’qalbu maqtugħa. 28  Imbagħad Ġeħova qal lil Elija t-Tisbi: 29  “Rajt kif Aħab umilja ruħu minħabba fija? Talli umilja ruħu quddiemi, ma nġibx il-gwaj fuq daru fi żmienu imma fi żmien ibnu.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “l-ispirtu tiegħek hu.”
Letteralment “il-wirt?”
Letteralment “begħt lilek innifsek biex.”
Letteralment “kull min jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li f’dan il-kuntest tistaʼ tirreferi għall-irġiel u s-subien.
Letteralment “li biegħ lilu nnifsu.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.