L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 7:1-51
7 Salamun bena l-palazz tiegħu. Dam 13-il sena sakemm lestieh minn kollox.
2 U bena d-Dar tal-Foresta tal-Libanu twila 100 kubitu,* wiesgħa 50 kubitu, u għolja 30 kubitu fuq erbaʼ ringieli taʼ kolonni taċ-ċedru; u fuq il-kolonni kien hemm travi taċ-ċedru.
3 Kien hemm folji tal-injam taċ-ċedru fuq it-travi prinċipali li kienu qed iserrħu fuq il-kolonni. Dawn* kienu 45 b’kollox, 15 kull ringiela.
4 Kien hemm tliet ringieli fuq xulxin taʼ twieqi bil-frejm, u kull tieqa kienet faċċata t’oħra.
5 Id-daħliet kollha u l-koxox tal-bibien kellhom frejm kwadru,* bħalma kellhom it-twieqi li kienu faċċata taʼ xulxin fi tliet ringieli fuq xulxin.
6 Hu bena s-Sala* tal-Kolonni twila 50 kubitu u wiesgħa 30 kubitu. Quddiemha kien hemm intrata bil-kolonni u msaqqfa.
7 Hu bena s-sala tal-ġudizzju fejn kien se jiġġudika, li ssemmiet is-Sala* tat-Tron. Din ġiet miksija biċ-ċedru mill-art sat-travi tas-saqaf.
8 Il-palazz fejn kien se jgħix, fil-bitħa l-oħra, kien ftit ’il bogħod mis-Sala,* u kien maħdum b’mod simili. Salamun bena wkoll dar simili taʼ din is-Sala għal martu, bint il-Fargħun.
9 Dawn kollha kienu mibnijin b’ġebel jiswa ħafna flus maqtugħ bl-għodda skont il-qisien, ittrimmjat bis-serrieq tal-ġebel minn ġewwa u minn barra, mill-pedament sal-aħħar filata. Dan il-ġebel intuża wkoll għal barra u għall-bitħa l-kbira.
10 Għall-pedament intuża ġebel kbir ħafna li jiswa ħafna flus; kien hemm ġebel t’għaxar kubiti u ieħor taʼ tmien kubiti.
11 U fuqu kien hemm ġebel jiswa ħafna flus li kien maqtugħ bl-għodda skont il-qisien, u wkoll injam taċ-ċedru.
12 Mad-dawra tal-bitħa l-kbira kien hemm ħajt bi tliet filati ġebel maqtugħ bl-għodda u filata travi taċ-ċedru, bħal dak tal-bitħa taʼ ġewwa tad-dar taʼ Ġeħova u tal-intrata tad-dar.
13 Ir-Re Salamun bagħat għal Ħiram, u dan telaq minn Tir u mar ħdejh.
14 Dan kien bin armla mit-tribù taʼ Naftali, u missieru kien raġel minn Tir, ħaddiem fir-ram. Hu kien tas-sengħa, tal-esperjenza, u jifhem f’kull tip taʼ xogħol fir-ram.* Għalhekk, mar għand ir-Re Salamun u għamel ix-xogħol kollu li qabbdu.
15 Hu ħadimlu ż-żewġ kolonni tar-ram. Kull kolonna kienet twila 18-il kubitu, u l-qies tad-dawra taʼ kull waħda miż-żewġ kolonni kien 12-il kubitu.*
16 Hu għamel żewġ partijiet imżejnin tar-ram għal fuq il-kolonni. L-għoli taʼ kull waħda kien ħames kubiti.
17 Fuqhom kien hemm xbieki tar-ram magħmulin minn ktajjen immaljati bħal ħabel; seba’ ktajjen fuq parti u sebgħa fuq l-oħra.
18 U hu għamel żewġ ringieli rummien madwar ix-xibka biex jiksi l-parti mżejna taʼ fuq il-kolonna. Hu għamel l-istess għat-tnejn li huma.
19 Il-parti mżejna taʼ fuq il-kolonni tal-intrata kellha disinn taʼ ġilju għoli erbaʼ kubiti.
20 Il-partijiet imżejnin kienu fuq iż-żewġ kolonni, eżatt fuq il-parti tonda li tmiss max-xibka; u kien hemm 200 rummiena f’ringieli mad-dawra taʼ kull parti mżejna.
21 Hu rama l-kolonni tal-intrata tat-tempju.* Rama l-kolonna tal-lemin* u semmieha Ġakin,* u mbagħad rama l-kolonna tax-xellug* u semmieha Bogħaż.*
22 Il-parti taʼ fuq tal-kolonni kellha disinn taʼ ġilju. U x-xogħol tal-kolonni tlesta.
23 Imbagħad għamel vaska kbira minn metall imdewweb li ssemmiet il-Baħar. Din kienet tonda u kienet għaxar kubiti minn xifer sa xifer u l-għoli tagħha kien ħames kubiti. Il-qies tad-dawra kien 30 kubitu.*
24 U l-Baħar kien imżejjen bi frott tond żgħir taħt ix-xifer dawramejt, għaxra f’kull kubitu madwar il-Baħar kollu, b’żewġ ringieli taʼ frott tond żgħir maħdum biċċa waħda miegħu.
25 Dan kien fuq 12-il barri, tlieta jħarsu lejn it-Tramuntana, tlieta jħarsu lejn il-Punent, tlieta jħarsu lejn in-Nofsinhar, u tlieta jħarsu lejn il-Lvant. Il-Baħar kien iserraħ fuqhom, u n-naħa taʼ wara tagħhom kienet lejn in-nofs.
26 Il-ħxuna tiegħu kienet wisaʼ taʼ id;* u x-xifer tiegħu kien maħdum bħax-xifer taʼ tazza, bħal ġilju qed jiftaħ. Dan kien jesaʼ 2,000 bat* ilma.
27 Imbagħad għamel għaxar karrijiet* tar-ram. Kull karru kien twil erbaʼ kubiti, wiesaʼ erbaʼ kubiti, u għoli tliet kubiti.
28 U l-karrijiet kienu maħdumin hekk: Huma kellhom pannelli tar-ram fil-ġnub, u dawn kienu bejn it-traversi.
29 U fuq il-pannelli tal-ġnub li kienu bejn it-traversi kien hemm iljuni, barrin, u kerubini, u kien hemm l-istess disinn fuq it-traversi. Fuq u taħt l-iljuni u l-barrin kien hemm girlandi mdendlin.
30 U kull karru kellu erbaʼ roti tar-ram u fusien tar-ram, u l-erbaʼ partijiet tal-kantunieri kienu bħala sapport għalihom. Dawn kienu taħt il-vaska u kellhom girlandi fuq kull naħa.
31 Il-fetħa tagħha kienet fuq in-naħa taʼ ġewwa taʼ fuq, tielgħa ’l fuq kubitu. Din kienet tonda u b’kollox kienet għolja kubitu u nofs. Fuq in-naħa taʼ fuq kien hemm affarijiet minquxin u l-pannelli tal-ġnub kienu kwadri u mhux tondi.
32 L-erbaʼ roti kienu taħt il-pannelli tal-ġnub, u s-sapport tar-roti kien imwaħħal mal-karru, u kull rota kienet għolja kubitu u nofs.
33 Ir-roti kienu maħdumin bħar-roti taʼ karrijiet normali. Is-sapport, iċ-ċrieki, l-imgħażel, u l-buttun tagħhom kienu kollha magħmulin minn metall imdewweb.
34 Fuq l-erbaʼ kantunieri taʼ kull karru kien hemm erbaʼ partijiet li kienu taʼ sapport u li kienu maħdumin biċċa waħda mal-karru.
35 Fin-naħa taʼ fuq tal-karru kien hemm bħal ċirku għoli kubitu u nofs, u l-karru flimkien mal-ġnub tan-naħa taʼ fuq kienu maħdumin biċċa waħda.
36 Fuq il-pjanċi u l-pannelli tiegħu tal-ġnub hu naqqax kerubini, iljuni, u siġar tal-palm skont l-ispazju li kien hemm, bil-girlandi dawramejt.
37 Hekk għamilhom l-għaxar karrijiet; kollha kienu bħal xulxin, bl-istess qies u forma.
38 Hu għamel għaxar vaski tar-ram. Kull waħda kienet tesaʼ 40 bat u kienet erbaʼ kubiti.* Kien hemm vaska għal kull karru.
39 Imbagħad qiegħed ħames karrijiet fuq in-naħa tal-lemin tad-dar, u ħamsa fuq ix-xellug tad-dar, u l-Baħar qiegħdu fuq in-naħa tal-lemin tad-dar, lejn ix-Xlokk.
40 Ħiram għamel ukoll il-vaski, il-pali, u l-iskutelli.
Għalhekk, Ħiram lesta x-xogħol kollu li għamel għar-Re Salamun fid-dar taʼ Ġeħova:
41 iż-żewġ kolonni u l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuqhom; iż-żewġ xbieki biex jiksu l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuq il-kolonni;
42 l-400 rummiena għaż-żewġ xbieki, żewġ ringieli rummien għal kull xibka biex jiksu ż-żewġ partijiet imżejnin taʼ fuq iż-żewġ kolonni;
43 l-għaxar karrijiet u l-għaxar vaski taʼ fuqhom,
44 il-Baħar u t-12-il barri taʼ taħtu;
45 u r-reċipjenti għall-irmied, il-pali, l-iskutelli, u l-għodod kollha tagħhom, li Ħiram għamel mir-ram illostrat għar-Re Salamun fid-dar taʼ Ġeħova.
46 Ir-re għamilhom minn metall imdewweb f’forom tat-tafal fid-distrett tal-Ġordan, bejn Sukkot u Saretan.
47 Salamun ma wiżen l-ebda għodda għax kien hemm kwantità kbira. Il-piż tar-ram baqaʼ mhux magħruf.
48 Salamun għamel l-għodod kollha għad-dar taʼ Ġeħova: l-artal tad-deheb; il-mejda tad-deheb li fuqha kellu jitpoġġa l-ħobż tal-preżenza;
49 il-gandlieri tad-deheb pur, ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett; u l-fjuri, il-lampi, u l-għodod li jitfu l-ftila bihom, kollha tad-deheb,
50 il-bwieqi, l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, l-iskutelli, it-tazzi, u r-reċipjenti għall-ġamar, kollha tad-deheb pur; u l-bażijiet taʼ fuq u t’isfel għall-pernijiet tal-bibien tad-dar taʼ ġewwa nett, jiġifieri tal-Iktar Qaddis, u għall-bibien tad-dar tat-tempju, kollha tad-deheb.
51 Ir-Re Salamun lesta x-xogħol kollu li kellu jagħmel għad-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad Salamun daħħal l-affarijiet li qaddes missieru David, u poġġa l-fidda, id-deheb, u l-oġġetti fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova.
Noti taʼ taħt
^ Jistgħu jirreferu għat-travi prinċipali.
^ Jew “b’erbaʼ naħat; rettangolari.”
^ Jew “l-Intrata.”
^ Jew “l-Intrata.”
^ Letteralment “id-dar tas-Sala.”
^ Jew “bronż,” hawn u d-drabi l-oħra li tidher f’dan il-kapitlu.
^ Jew “u ħajta taʼ 12-il kubitu kienet tkejjel id-dawra taʼ kull waħda miż-żewġ kolonni.”
^ Hawn qed jirreferi għall-Qaddis.
^ Jistaʼ jfisser “Fis-Saħħa.”
^ Jew “tat-Tramuntana.”
^ Ifisser “Jalla Hu [jiġifieri Ġeħova] Isaħħaħ Dan il-Post.”
^ Jew “tan-Nofsinhar.”
^ Jew “Kien jeħtieġ ħabel taʼ 30 kubitu biex idur miegħu dawramejt.”
^ Jew “karettuni għall-ilma.”
^ Jew “kellha dijametru taʼ erbaʼ kubiti.”