L-Ewwel Ittra lit-Tessalonikin 1:1-10

  • Introduzzjoni tal-ittra (1)

  • Pawlu jirringrazzja lil Alla talli t-Tessalonikin għandhom il-fidi (2-10)

1  Jien Pawlu, Silvanu,* u Timotju qed nibagħtu din l-ittra lill-kongregazzjoni tat-Tessalonikin li hi tal-Alla l-Missier u tal-Mulej Ġesù Kristu: Jalla tintwerew qalb tajba kbira u jkollkom il-paċi.  Aħna dejjem nirringrazzjaw lil Alla meta nsemmukom fit-talb tagħna,  għax quddiem l-Alla tagħna u Missierna, aħna qatt ma ninsew ix-xogħol li għamiltu bil-fidi u l-imħabba, u kif issaportejtu d-diffikultajiet għax għandkom it-tama fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu.  Aħwa għeżież għal Alla, aħna nafu li ġejtu magħżulin minnu,  għax intom ma smajtux l-aħbar tajba bil-kliem biss imma bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis. Aħna konna konvinti għalkollox li dak li għednielkom kien veru u l-messaġġ tagħna għenkom ħafna. Intom tafu x’tip taʼ nies sirna fostkom għall-ġid tagħkom.  Peress li aċċettajtu l-kelma t’Alla bil-ferħ li jiġi mill-ispirtu qaddis minkejja li ffaċċjajtu tbatija kbira, intom imitajtu lill-Mulej u lilna.  B’hekk sirtu taʼ eżempju għal dawk kollha li jemmnu fil-Maċedonja u l-Akaja.  Il-fatt hu li permezz tagħkom mhux biss in-nies kollha fil-Maċedonja u l-Akaja semgħu dwar il-kelma taʼ Ġeħova,* imma l-fidi tagħkom f’Alla saru jafu biha kullimkien. Allura m’għandna xejn iżjed xi nżidu.  In-nies għadhom jirrakkontaw dwar l-ewwel darba li ltqajna magħkom u dwar kif warrabtu lill-idoli tagħkom biex taqdu lill-Alla l-veru li hu ħaj. 10  Ukoll, intom qed tistennew lil Ibnu mis-sema, li hu qajmu mill-mewt, jiġifieri lil Ġesù, li se jsalvana mill-kastig li ġej fil-futur.

Noti taʼ taħt

Jgħidulu wkoll Sila.