L-Ewwel Ittra lil Timotju 1:1-20
1 Jien Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù li ntbgħatt bl-awtorità t’Alla, Dak li Jsalvana, u taʼ Kristu Ġesù, il-wieħed li permezz tiegħu għandna t-tama tagħna,
2 qed nibgħat din l-ittra lilek Timotju,* qaddej sieħbi fil-fidi u li nqisek bħala t-tifel tiegħi:
Jalla Alla Missierna u Kristu Ġesù l-Mulej tagħna juruk qalb tajba kbira, ħniena, u jgħinuk ikollok il-paċi.
3 Tiftakar li qabel jien mort il-Maċedonja għedtlek biex tibqaʼ f’Efesu? Issa nerġaʼ ninkuraġġik biex tibqaʼ f’Efesu, biex tikkmanda lil ċerti nies ħalli la jgħallmu tagħlim differenti
4 u lanqas ma jagħtu kas l-istejjer foloz u r-riċerka li saret dwar l-antenati. Dawn l-affarijiet ma jwasslu mkien. Kulma jagħmlu hu li jqajmu diskussjonijiet bla sens li mhumiex parti minn dak li ta Alla biex isaħħaħ il-fidi tagħna.
5 L-iskop taʼ din l-istruzzjoni* hu li kulħadd juri mħabba mmotivata minn qalb sinċiera, kuxjenza nadifa, u fidi mingħajr ipokrisija.
6 Minħabba li xi wħud tbiegħdu minn dawn l-affarijiet, spiċċaw ipaċpċu fil-vojt.
7 Huma jridu jkunu għalliema tal-liġi, imma huma la jifhmu dak li qed jgħidu u lanqas dak li qed jinsistu tant fuqu.
8 Issa aħna nafu li m’hemm xejn ħażin fil-Liġi jekk wieħed jużaha kif suppost.
9 Dan għandu jifhem li din il-liġi ma saritx għal min hu ġust, imma għal dawk bla liġi u ribellużi, li m’għandhomx rispett lejn Alla u midinbin,* li mhumiex leali* u li jirrifjutaw dak li hu qaddis, li joqtlu lil missierhom, ommhom, jew nies oħrajn,
10 li jieħdu sehem fl-immoralità sesswali,* li jagħmlu l-omosesswalità,* li jaħtfu lil xi ħadd,* li jigdbu, li jaħilfu falz, u li jagħmlu kwalunkwe ħaġa li hi kontra t-tagħlim li hu taʼ benefiċċju.*
11 Dan it-tagħlim ġej minn Alla li hu ferħan u dan hu skont l-aħbar tajba mill-isbaħ li ngħatat lili biex nipprietka.
12 Jien grat lejn Kristu Ġesù l-Mulej tagħna, li tani l-qawwa, għax hu qiesni leali billi tani xogħol qaddis x’nagħmel.
13 Qabel kont nidgħi kontra Alla, nippersegwita lin-nies tiegħu, u nitkellem bl-aħrax kontra tagħhom. Minkejja dan, intwerejt ħniena għax kont fl-injoranza u ma kellix fidi.
14 Imma l-Mulej tagħna wera qalb tajba kbira ħafna miegħi, u jien għandi fidi u mħabba għax jien dixxiplu taʼ Kristu Ġesù.
15 Dan li se ngħid hu taʼ min jafdah u jaċċettah b’qalb sħiħa: Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lill-midinbin. Minnhom, jien l-agħar wieħed.
16 Minkejja dan, jien intwerejt ħniena ħalli permezz tiegħi, bħala l-agħar każ, Kristu Ġesù jistaʼ juri l-paċenzja kollha tiegħu. B’hekk użani bħala eżempju għal dawk li se jkollhom fidi fih biex jiksbu l-ħajja taʼ dejjem.
17 Jalla r-Re taʼ dejjem, li ma jistax imut, li ma jidhirx, u li hu l-uniku Alla, jiġi onorat u gglorifikat għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.
18 Ibni Timotju, jien qed nagħtik din l-istruzzjoni* li hi fi qbil mal-profeziji li ntqalu dwarek. Dawn se jgħinuk biex tkompli tiġġieled għal skop tajjeb,
19 jibqaʼ jkollok il-fidi, u kuxjenza nadifa. Xi wħud warrbuhom dawn l-affarijiet, u b’hekk il-fidi tagħhom ġiet fix-xejn bħal vapur li jegħreq.
20 Fosthom hemm Imeni u Alessandru, u jien tajthom f’idejn Satana* biex bid-dixxiplina jitgħallmu ma jidgħux kontra Alla.
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Wieħed li Jonora lil Alla.”
^ Jew “dan il-kmand.”
^ Jew “jagħmlu d-dnub.”
^ Jew “m’għandhomx imħabba u lealtà.”
^ Jew “l-irġiel li jagħmlu sess maʼ rġiel oħra.”
^ Jiġifieri kidnappers.
^ Jew “mimli saħħa.”
^ Jew “dan il-kmand.”
^ Jiġifieri huma ġew imkeċċijin mill-kongregazzjoni.