It-Tieni Ittra lill-Korintin 12:1-21
12 Se jkolli niftaħar. Għalhekk se nitkellem dwar il-viżjonijiet li wrieni l-Mulej u l-messaġġi li tani, avolja li nagħmel hekk mhux taʼ benefiċċju għalija.
2 Naf dixxiplu taʼ Kristu li 14-il sena ilu ttieħed f’daqqa fit-tielet sema. Ma nafx jekk kienx fil-ġisem jew barra l-ġisem, imma Alla jaf.
3 Iva, nafu lil dan ir-raġel, hu ttieħed f’daqqa fil-ġenna, jekk hux fil-ġisem jew separat mill-ġisem ma nafx, imma Alla jaf.
4 Waqt li kien fil-ġenna, hu semaʼ kliem li ma jistax jintqal, iva, li ebda bniedem ma jistaʼ jgħidu lil ħaddieħor.
5 Jien se niftaħar b’dan ir-raġel, u dwari nnifsi se niftaħar biss bid-dgħufijiet tiegħi.
6 Għax anki jekk irrid niftaħar, xorta nkun raġonevoli, għax inkun qed ngħid il-verità. Imma ma nagħmilx hekk, ħalli ħadd ma jaħseb li għamilt xi ħaġa iktar milli rani nagħmel jew semagħni ngħid.
7 Ħadd m’għandu jaħseb li jien xi ħaġa għax irċivejt messaġġi tal-għaġeb mingħand il-Mulej.
Biex ma nitkabbarx u naħseb li jien xi ħaġa, jien għandi xewka fil-laħam. Din ix-xewka, li hi bħal anġlu taʼ Satana, qed iġġegħelni nbati.*
8 Tliet darbiet tlabt lill-Mulej bil-ħniena biex ineħħili din ix-xewka.
9 Imma hu qalli: “Il-qalb tajba kbira* tiegħi hi biżżejjed għalik, il-qawwa tiegħi tidher iktar meta tkun dgħajjef.” Għalhekk, bil-ferħ jien se niftaħar bid-dgħufijiet tiegħi ħalli l-qawwa tal-Kristu tibqaʼ fuqi bħal tinda.
10 Għalhekk, għall-Kristu, jien kuntent meta nkun dgħajjef, meta niġi mgħajjar, meta nkun fil-bżonn, meta niġi ppersegwitat, u meta nkun f’diffikultà. Għax meta nkun dgħajjef, jien ningħata s-saħħa.
11 Jien qed nitkellem bħal xi ħadd mhux raġonevoli minħabba fikom. Imma li kieku tkellimtu tajjeb dwari, ma kontx nitkellem b’dan il-mod. Għalkemm ma jien xejn, bl-ebda mod ma jien inferjuri għall-appostli tagħkom li jaħsbu li huma tajbin ħafna.
12 Jien urejtkom li jien appostlu billi ssaportejt ħafna, u għamilt mirakli u affarijiet tal-għaġeb u mill-isbaħ.
13 Jien ma kontx taʼ piż fuqkom. B’dan il-mod biss intom differenti mill-kongregazzjonijiet l-oħra. Jekk għamilt xi ħaġa ħażina b’daqshekk, aħfruli mill-qalb.
14 Din it-tielet darba li lest li niġi għandkom u mhux se nkun taʼ piż fuqkom. Għax dak li nixtieq hu li narakom u mhux li nieħu dak li għandkom. Għax it-tfal mhumiex mistennijin li jfaddlu għall-ġenituri, imma li l-ġenituri jfaddlu għat-tfal.
15 Jien kuntent li nonfoq dak li għandi għalikom* u wkoll li nagħti ħajti. Allura ma ħaqqnix li tħobbuni bħalma nħobbkom jien?
16 Għalkemm ma kontx taʼ piż fuqkom, intom tgħidu li qarraqt bikom u qbadtkom f’nassa.
17 Jien ma pprofittajtx ruħi minnkom permezz taʼ dawk li bgħattilkom, hux hekk?
18 Jien ħeġġiġt lil Titu biex jiġi għandkom u bgħatt miegħu lill-ħu. Titu ma pprofittax ruħu minnkom, hux hekk? Aħna wrejna l-istess attitudni u aġixxejna bl-istess mod, hux hekk?
19 Probabbilment qed taħsbu li qed niddefendu lilna nfusna, imma mhux hekk. Minflok, bħala dixxipli taʼ Kristu, aħna qed ngħidu l-verità quddiem Alla. Għeżież ħutna, dak kollu li nagħmlu hu biex ninkuraġġukom.
20 Għax qed nibżaʼ li meta niġi, ma nsibkomx kif nixtieq u l-attitudni tiegħi ma tkunx kif tixtiequ intom. Imma minflok insib ġlied, għira, rabja kbira, nuqqas taʼ ftehim, taħwid, li qed timmalafamaw, tgħidu fuq in-nies,* u titkabbru.
21 Forsi, meta nerġaʼ niġi, Alla jħallini niġi umiljat meta nkun magħkom, u jien jaf ikolli nibki minħabba li ħafna dinbu u ma nidmux. Huma għadhom jagħmlu n-nuqqas taʼ ndafa u l-immoralità sesswali,* u jġibu ruħhom b’mod ħażin bla mistħija.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “qed issawwatni.”
^ Jew “Il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “għal ruħkom.”
^ Jiġifieri gossip.
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”