It-Tieni Ittra lill-Korintin 5:1-21
5 Għax aħna nafu li jekk id-dar* tagħna fuq l-art, din it-tinda, titwaqqaʼ,* ikollna bini mingħand Alla, dar li se tibqaʼ għal dejjem fis-sema u li ma bnewhiex il-bnedmin.
2 Għax f’din id-dar aħna nibku bid-dwejjaq, peress li nixtiequ ħafna li nilbsu dik* li għandna lesta fis-sema.
3 B’hekk meta nilbsuha, ma nibqgħux għarwenin.*
4 Fil-fatt, aħna li qegħdin f’din it-tinda nibku minħabba d-dwejjaq u ansjetà kbira, għax ma nixtiqux ninżgħu din li għandna, però nixtiequ nilbsu l-oħra* ħalli l-ħajja taʼ dejjem tieħu post il-ġisem mortali tagħna.
5 Issa l-wieħed li ppreparana għal dan hu Alla, li tana l-ispirtu tiegħu bħala garanzija taʼ dak li ġej.
6 Għalhekk, aħna dejjem mimlijin kuraġġ u nafu li waqt li qed ngħixu f’dan il-ġisem,* m’aħniex mal-Mulej,
7 għax aħna ngħixu skont il-fidi u mhux skont dak li naraw.
8 Imma aħna mimlijin kuraġġ u nippreferu ngħixu mal-Mulej milli f’dan il-ġisem.
9 Ngħixu fejn ngħixu, kemm jekk miegħu jew le, ejja ħa nagħmlu ħilitna biex ikollna l-approvazzjoni tiegħu.
10 Għax ilkoll se nidhru quddiem it-tron tal-ġudizzju tal-Kristu, ħalli kull wieħed minna jiġi ġġudikat skont it-tajjeb jew il-ħażin li għamel waqt li kien bil-ġisem fiżiku.
11 Għalhekk, ladarba nafu xi jfisser li tirrispetta ħafna lill-Mulej,* aħna nkomplu ngħallmu lin-nies b’konvinzjoni. Imma Alla lilna jafna sew, u nittama li anki l-kuxjenza tagħkom għenitkom tkunu tafu* x’tip taʼ persuni aħna.
12 Aħna mhux se nerġgħu nintroduċu lilna nfusna magħkom, imma rridu li jkollkom għalfejn titkellmu tajjeb dwarna, ħalli tkunu tistgħu twieġbu lil dawk li jiftaħru biss dwar dak li jidher minn barra u mhux dwar dak li għandhom f’qalbhom.
13 Jekk għamilna xi ħaġa bħal xi ħadd li telaq minn moħħu, għamilnieha għal Alla; u jekk għamilna xi ħaġa waqt li konna f’sensina, għamilnieha għall-benefiċċju tagħkom.
14 Infatti l-imħabba li għandu l-Kristu tqanqalna biex nobduh, għax aħna fhimna li raġel wieħed miet għal kulħadd ladarba kollha mietu.*
15 Hu miet għal kulħadd ħalli dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.
16 Minn issa ’l quddiem, aħna ma nqisux lin-nies skont dak li naraw. Anki jekk xi wħud minna qabel qisna lil Kristu skont dak li rajna, issa ma nistgħux nibqgħu nagħmlu hekk.
17 Għalhekk, jekk xi ħadd hu maʼ Kristu, hu ħolqien ġdid; l-affarijiet qodma għaddew u bdew jeżistu affarijiet ġodda.
18 Imma l-affarijiet kollha huma mingħand Alla, li reġaʼ għamilna ħbieb tiegħu permezz taʼ Kristu u tana xogħol qaddis* li jgħin lin-nies biex jerġaʼ jkollhom ħbiberija m’Alla.
19 Dan ifisser li Alla qed juża lil Kristu biex in-nies jerġgħu jkunu ħbieb miegħu u li m’għadux iżomm kont tad-dnubiet tagħhom. Alla tana dan l-inkarigu li ngħidu lin-nies ħalli huma jerġgħu jkunu ħbieb tiegħu.
20 Għalhekk, aħna ambaxxaturi* minflok Kristu, bħallikieku Alla qed juża lilna biex jitlob bil-ħniena lin-nies. Bħala sostituti taʼ Kristu, aħna nitolbu bil-ħniena lin-nies: “Erġgħu siru ħbieb t’Alla.”
21 Kristu qatt ma dineb u Alla tah bħala sagrifiċċju għad-dnubiet tagħna. B’hekk permezz tiegħu, aħna nistgħu niġu kkunsidrati ġusti quddiem Alla.
Noti taʼ taħt
^ Hawn “dar” hi użata biex tirreferi b’mod figurattiv għall-ġisem fiżiku jew spiritwali.
^ Jew “tiġi fix-xejn.”
^ Jew “nidħlu f’dik.”
^ Jew “meta nidħlu fiha, ikollna post fejn ngħixu.”
^ Jew “għax ma nixtiqux nitilqu minn din, però nixtiequ nidħlu fl-oħra.”
^ Letteralment “waqt li għandna d-dar tagħna.”
^ Letteralment “tibżaʼ mill-Mulej.”
^ Jew “taraw.”
^ Milli jidher dan jirreferi għall-fatt li huma kkundannati għall-mewt minħabba li huma midinbin.
^ Jew “ministeru.”
^ Jew “nirrappreżentaw lil Alla.”