It-Tieni Kronaki 28:1-27

  • Aħaż, re taʼ Ġuda (1-4)

  • Jingħeleb mis-Sirja u Iżrael (5-8)

  • Għoded iwissi lil Iżrael (9-15)

  • Ġuda jiġi umiljat (16-19)

  • L-idolatrija t’Aħaż; il-mewt tiegħu (20-27)

28  Aħaż kellu 20 sena meta sar re, u mexxa 16-il sena f’Ġerusalemm. Hu m’għamilx dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova bħalma għamel l-antenat tiegħu David.  Minflok hu aġixxa bħar-rejiet t’Iżrael, u saħansitra għamel statwi tal-Bagħalim mill-metall.*  Iktar minn hekk, hu offra d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-Wied taʼ Bin Ħinnom* u ħaraq lit-tfal tiegħu, skont il-prattiki moqżieża tal-popli li Ġeħova keċċa minn quddiem l-Iżraelin.  Ukoll, hu kompla joffri s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima, fuq l-għoljiet, u taħt kull siġra b’saħħitha.  Għalhekk, Ġeħova l-Alla tiegħu tah f’idejn ir-re tas-Sirja. Is-Sirjani rebħulu u ħadu ħafna nies mill-poplu tiegħu bħala lsiera f’Damasku. Hu ngħata wkoll f’idejn ir-re t’Iżrael, u dan qatel lil ħafna.  Fil-fatt, f’jum wieħed Pekaħ bin Remalija qatel 120,000 raġel kuraġġuż f’Ġuda, għax dawn kienu telqu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom.  U Żikri, gwerrier minn Efrajm, qatel lil Magħseja bin ir-re, lil Għażrikam li kien jieħu ħsieb il-palazz,* u lil Elkana li kien it-tieni wara r-re.  Iktar minn hekk, l-Iżraelin ħadu nisa u tfal bħala lsiera, b’kollox 200,000. Huma ħadulhom ukoll ħafna affarijiet, u ġarrewhom lejn is-Samarija.  Imma hemm kien hemm profeta taʼ Ġeħova jismu Għoded. Hu ħareġ quddiem l-armata li kienet sejra lejn is-Samarija u qalilhom: “Kien minħabba li Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom kien irrabjat maʼ Ġuda li tahom f’idejkom. Imma intom tant qtiltuhom bi ħdura li Alla stess innota dan. 10  U issa intom beħsiebkom tagħmlu lin-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm il-qaddejja tagħkom. Imma mhux anki intom ħatjin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tagħkom? 11  Issa isimgħu minni u eħilsu lill-ilsiera, għax Ġeħova hu rrabjat ħafna magħkom.” 12  Għal dan Għażarija bin Ġeħoħanan, Berekija bin Mesillemot, Ġeħiżkija bin Sallum, u Għamasa bin Ħadlaj, li kienu kapijiet tal-Efrajmin, iffaċċjaw lil dawk li kienu deħlin mill-gwerra, 13  u qalulhom: “Iddaħħlux lill-ilsiera hawnhekk, inkella nkunu ħatjin f’għajnejn Ġeħova. B’dak li beħsiebkom tagħmlu se żżidu mad-dnubiet u l-ħtija tagħna, għax aħna diġà ħatjin ħafna, u Alla hu rrabjat ħafna m’Iżrael.” 14  Għalhekk, is-suldati armati taw l-ilsiera u l-affarijiet li ħadu lill-kapijiet u l-kongregazzjoni kollha. 15  Imbagħad l-irġiel li ġew inkarigati ħadu lill-ilsiera u taw xi ħwejjeġ minn dak li ħadu lil dawk li kienu għarwenin. Għalhekk, libbsuhom, u tawhom is-sandlijiet, x’jieklu u x’jixorbu, u żejt għall-ġilda. Barra minn hekk, rikkbu lid-dgħajfin fuq il-ħmir u ħaduhom għand ħuthom f’Ġeriko, il-belt tas-siġar tal-palm. Imbagħad reġgħu lura s-Samarija. 16  Dak iż-żmien, ir-Re Aħaż talab lir-rejiet tal-Assirja biex jgħinuh. 17  U għal darb’oħra l-Edomin attakkaw lil Ġuda u ħadu magħhom xi lsiera. 18  Il-Filistin attakkaw ukoll il-bliet tas-Sefela u tan-Negeb li kienu taʼ Ġuda u ħadu taħt idejhom Bet-xemex, Ajjalon, u Gederot. Ħadu wkoll Soko, Timna, u Gimżo u l-bliet li jiddependu minnhom,* u ssetiljaw hemmhekk. 19  Ġeħova umilja lil Ġuda minħabba r-Re Aħaż t’Iżrael, għaliex ħalla n-nies taʼ Ġuda jkunu bla kontroll, u b’hekk għamlu ħafna dnubiet u ma kinux leali lejn Ġeħova. 20  Maż-żmien, ir-Re Tilgat-pilneser tal-Assirja ġie kontrih u ġablu iktar inkwiet minflok għenu. 21  Għax Aħaż ħa kulma kien hemm fid-dar taʼ Ġeħova, fil-palazz tar-re, u fid-djar tal-uffiċjali biex jagħtihom bħala rigal lir-re tal-Assirja, imma dan kien għalxejn. 22  U matul dan iż-żmien taʼ inkwiet, ir-Re Aħaż għamel saħansitra iktar dnubiet u ma kienx leali lejn Ġeħova. 23  Hu beda joffri sagrifiċċji lill-allat taʼ Damasku li kienu rebħulu, u qal: “Peress li l-allat tar-rejiet tas-Sirja qed jgħinuhom, se noffri s-sagrifiċċji lilhom sabiex jgħinuni.” Imma dawn kienu taʼ ħsara għalih u għal Iżrael kollu. 24  Barra minn hekk, Aħaż ġabar l-għodod tad-dar tal-Alla l-veru u kissirhom, għalaq il-bibien tad-dar taʼ Ġeħova, u għamel artali għalih f’kull rokna taʼ Ġerusalemm. 25  U fil-bliet kollha taʼ Ġuda, għamel postijiet għall-qima biex joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn, u offenda lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijietu. 26  Il-bqija tal-istorja tiegħu u kulma għamel huma miktubin fil-Ktieb tar-Rejiet taʼ Ġuda u t’Iżrael. 27  Imbagħad Aħaż miet u difnuh fil-belt taʼ Ġerusalemm, imma ma ħaduhx fil-postijiet fejn jindifnu r-rejiet t’Iżrael. U ibnu Ħeżekija sar re minfloku.

Noti taʼ taħt

Jew “mill-metall imdewweb.”
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Geħenna.”
Letteralment “id-dar.”
Jew “taʼ madwarhom.”