It-Tieni Kronaki 30:1-27
-
Ħeżekija jiċċelebra l-Qbiż (1-27)
30 Ħeżekija bagħat għal Iżrael u Ġuda kollha, u wkoll kiteb xi ittri lil Efrajm u lil Manasse, biex imorru fid-dar taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm ħalli jiċċelebraw il-Qbiż lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
2 Madankollu r-re, l-uffiċjali tiegħu, u l-kongregazzjoni kollha f’Ġerusalemm iddeċidew li jiċċelebraw il-Qbiż fit-tieni xahar.
3 Huma ma setgħux jiċċelebrawh fiż-żmien li suppost, għax ma kienx hemm qassisin biżżejjed li tqaddsu u n-nies ma kinux inġabru f’Ġerusalemm.
4 Din il-ħaġa dehret tajba f’għajnejn ir-re u l-kongregazzjoni kollha.
5 Għalhekk, iddeċidew li jagħmlu avviż maʼ Iżrael kollu, minn Bir-xeba sa Dan, biex in-nies imorru u jiċċelebraw il-Qbiż lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael f’Ġerusalemm, għax ma kinux iċċelebrawh bħala grupp skont kif hemm miktub.
6 Imbagħad, bħalma kkmanda r-re, il-messaġġiera* marru mal-pajjiż kollu t’Iżrael u Ġuda bl-ittri mingħand ir-re u l-uffiċjali tiegħu u qalu: “Poplu t’Iżrael, erġgħu lura lejn Ġeħova l-Alla t’Abraham, Iżakk, u Iżrael, biex hu jerġaʼ lura lejn dawk li fadal u li ħarbu mir-rejiet tal-Assirja.
7 Tkunux bħal missirijietkom u bħal ħutkom li ma kinux leali lejn Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. Minħabba f’hekk Alla ġab diżastru fuqhom, bħalma qed taraw.
8 Twebbsux raskom bħal missirijietkom. Kunu sottomessi lejn Ġeħova u ejjew fis-santwarju tiegħu li hu qaddes għal dejjem u aqdu lil Ġeħova l-Alla tagħkom, biex ma jibqax irrabjat magħkom.
9 Għax meta terġgħu lura lejn Ġeħova, dawk li qabdu lil ħutkom u t-tfal tagħkom juruhom ħniena u jħalluhom jiġu lura lejn din l-art, għax Ġeħova l-Alla tagħkom juri qalb tajba* u ħniena, u mhux se jdawwar wiċċu minnkom jekk terġgħu lura lejh.”
10 Għalhekk, il-messaġġiera* marru minn belt għal belt mal-art kollha t’Efrajm u Manasse, saħansitra sa Żebulun, imma n-nies bdew iwaqqgħuhom għaċ-ċajt u jidħqu bihom.
11 Madankollu, xi nies minn Aser, Manasse, u Żebulun umiljaw ruħhom u marru Ġerusalemm.
12 U l-barka tal-Alla l-veru kienet fuq in-nies taʼ Ġuda u hu għenhom biex flimkien* jagħmlu dak li kkmandawhom ir-re u l-uffiċjali permezz tal-kelma taʼ Ġeħova.
13 U ħafna nies inġabru flimkien f’Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira fit-tieni xahar. Kien hemm kongregazzjoni kbira ħafna.
14 Huma neħħew l-artali li kien hemm f’Ġerusalemm u l-artali tal-inċens kollha u tefgħuhom fil-Wied taʼ Kidron.
15 Imbagħad qatlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż fl-14 tat-tieni xahar. Il-qassisin u l-Leviti bdew jistħu, u b’hekk tqaddsu u ħadu l-offerti tal-ħruq fid-dar taʼ Ġeħova.
16 Huma marru fil-post tagħhom skont il-Liġi taʼ Mosè l-qaddej tal-Alla l-veru. Imbagħad il-qassisin raxxew id-demm li ħadu mingħand il-Leviti.
17 Kien hemm ħafna fil-kongregazzjoni li ma kinux tqaddsu, u l-Leviti kienu inkarigati biex joqtlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż għal dawk kollha li ma kinux nodfa, biex iqaddsuhom lil Ġeħova.
18 Għax ammont kbir taʼ nies, speċjalment minn Efrajm, Manasse, Issakar, u Żebulun, ma kinux tnaddfu, imma xorta kielu l-ikla tal-Qbiż, u b’hekk għamlu l-kontra taʼ dak li hemm miktub. Imma Ħeżekija talab għalihom u qal: “Jalla Ġeħova, li hu tajjeb, jaħfer
19 lil dawk kollha li ppreparaw qalbhom biex ifittxu lill-Alla l-veru Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, għalkemm ma kinux nodfa b’mod xieraq għal din iċ-ċelebrazzjoni qaddisa.”
20 U Ġeħova semaʼ minn Ħeżekija u ħafer* lin-nies.
21 Għalhekk, l-Iżraelin li kienu f’Ġerusalemm iċċelebraw il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira għal sebat ijiem b’ferħ kbir. Il-Leviti u l-qassisin kienu qed ifaħħru lil Ġeħova minn jum għal jum u jdoqqu b’entużjażmu l-istrumenti tagħhom lil Ġeħova.
22 Iktar minn hekk, Ħeżekija kellem u inkuraġġixxa* lil-Leviti kollha li aġixxew bl-għaqal huma u jaqdu lil Ġeħova. Il-Leviti u n-nies kielu, offrew is-sagrifiċċji tal-paċi, u rringrazzjaw lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom matul is-sebat ijiem taʼ festa.
23 Imbagħad il-kongregazzjoni kollha ddeċidiet li tiċċelebraha għal sebat ijiem oħra, u għamlu dan bil-ferħ.
24 Lill-kongregazzjoni, ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda taha 1,000 barri u 7,000 nagħġa, u l-uffiċjali tawha 1,000 barri u 10,000 nagħġa. U ħafna qassisin bdew iqaddsu lilhom infushom.
25 U l-kongregazzjoni kollha taʼ Ġuda, il-qassisin, il-Leviti, il-kongregazzjoni kollha li marret hemm minn Iżrael, u l-barranin li marru hemm mill-art t’Iżrael u li kienu f’Ġuda komplew jifirħu.
26 U kien hemm ferħ kbir f’Ġerusalemm, għax xi ħaġa bħal din kienet ilha ma ssir minn żmien Salamun bin David ir-re t’Iżrael.
27 Fl-aħħar, il-qassisin Leviti qamu u bierku lill-poplu. U Alla sema’ leħinhom, u t-talba tagħhom waslet sal-post qaddis fejn jgħix, is-sema.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “il-ġerrejja.”
^ Jew “juri mogħdrija.”
^ Letteralment “il-ġerrejja.”
^ Letteralment “tahom qalb waħda biex.”
^ Letteralment “fejjaq.”
^ Letteralment “kellem qalb.”