The Second of Peter 1:1-21

  • Introduzzjoni (1)

  • Agħmlu ċert li tibqgħu kkwalifikati (2-15)

    • Aktar kwalitajiet mal-fidi (5-9)

  • Sirna iktar konvinti li kulma qal Alla se jsir (16-21)

1  Jien Xmun Pietru, ilsir u appostlu taʼ Ġesù Kristu, qed nikteb din l-ittra lil dawk li bdew jemmnu u għandhom fidi prezzjuża bħal tagħna* permezz tal-ġustizzja t’Alla tagħna u taʼ Ġesù Kristu, Dak li Jsalvana:  Jalla Alla jurikom iktar qalb tajba kbira u jgħinkom ikollkom iktar paċi permezz taʼ għarfien eżatt dwaru u dwar Ġesù l-Mulej tagħna,  għax il-qawwa t’Alla tatna* kulma għandna bżonn biex inkunu leali lejh bl-għarfien eżatt li għandna dwaru. Hu għażilna bil-glorja u l-qalb tajba tiegħu.  Permezz taʼ dawn l-affarijiet, hu tana kelmtu li jagħtina barkiet prezzjużi u tal-għaġeb, ħalli permezz taʼ dawn insiru spirti bħal Alla. Hu għamel dan għax waqafna nagħmlu affarijiet ħżiena tad-dinja li jiġu minn xewqat ħżiena.*  Minħabba f’hekk, agħmlu kull sforz biex mal-fidi tagħkom tagħmlu t-tajjeb, maʼ li tagħmlu t-tajjeb tieħdu l-għarfien,  maʼ li tieħdu l-għarfien li tikkontrollaw lilkom infuskom, maʼ li tikkontrollaw lilkom infuskom li tissaportu, maʼ li tissaportu li tkunu leali lejn Alla,  maʼ li tkunu leali lejn Alla li tħobbu lill-aħwa, u maʼ li tħobbu lill-aħwa li tħobbu lin-nies kollha.  Jekk tagħmlu dawn l-affarijiet kollha u turuhom spiss, intom tkunu qed tużaw l-għarfien eżatt dwar il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, u b’hekk la tkunu inattivi u lanqas bħal siġra li ma tagħmilx frott.  Għax jekk xi ħadd m’għandux dawn il-kwalitajiet, ikun agħmi minħabba li jirrifjuta li jara d-dawl,* u jinsa li nħafrulu d-dnubiet taʼ żmien twil ilu. 10  Għalhekk ħuti, minħabba li ġejtu msejħin u magħżulin minn Alla, agħmlu l-aħjar tagħkom biex tagħmlu ċert li tibqgħu kkwalifikati għal dan, għax jekk tibqgħu tagħmlu dawn l-affarijiet, żgur li se tirnexxu. 11  B’dan il-mod, se tiġu mberkin ħafna u se tidħlu fis-Saltna li se tibqaʼ għal dejjem tal-Mulej tagħna u taʼ Dak li Jsalvana, Ġesù Kristu. 12  Minħabba f’hekk, beħsiebni nibqaʼ nfakkarkom f’dawn l-affarijiet, minkejja li tafuhom u konvinti sew mill-verità li tgħallimtu. 13  Fl-opinjoni tiegħi, nagħmel sew li nerġaʼ nfakkarkom f’dawn l-affarijiet waqt li għadni f’dan il-ġisem.* 14  Jien naf li dan il-ġisem mhux se jibqaʼ għal ħafna, bħalma għamilhieli ċara l-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 15  Jien dejjem se nagħmel l-aħjar tiegħi biex wara li mmut, intom tkunu tistgħu tfakkru lilkom infuskom dawn l-affarijiet. 16  Meta għednielkom dwar il-qawwa tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu u dwar meta għandu jerġaʼ jiġi, ma konniex qed nitkellmu fuq stejjer foloz ivvintati min-nies b’makakkerija, imma għax rajna b’għajnejna stess kemm hu tal-għaġeb. 17  Għax hu rċieva l-unur u l-glorja mingħand l-Alla l-Missier. Dan ġara meta l-Alla glorjuż qallu: “Dan hu Ibni l-maħbub, li jien ferħan ħafna bih.”* 18  Iva, dan il-kliem smajnieh ġej mis-sema waqt li konna miegħu fuq il-muntanja qaddisa. 19  Għalhekk sirna iktar konvinti li kulma qal Alla se jsir. Ikun tajjeb li toqogħdu attenti għall-profeziji li huma bħal lampa tiddi fid-dlam, jiġifieri f’qalbkom. Komplu agħmlu hekk sakemm tisbaħ ġurnata ġdida u titlaʼ l-istilla taʼ filgħodu. 20  Qabel xejn kunu afu li ebda profezija tal-Iskrittura ma tiġi minn xi interpretazzjoni taʼ xi bniedem. 21  Il-profeziji qatt ma ġew mill-bniedem, imma l-ispirtu qaddis iggwida lil xi nies biex jgħidu l-messaġġ t’Alla.

Noti taʼ taħt

Jew “lil dawk li għandhom privileġġ daqsna fil-fidi li kisbu.”
Jew “tatna b’mod ġeneruż.”
Jew “xewqat sesswali qawwijin.”
Jew forsi “agħmi, jara biss mill-viċin.”
Letteralment “it-tabernaklu; f’din it-tinda.”
Jew “li lilu jien approvajt.”