It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 1:1-27
1 Wara li miet Sawl, David ġie lura mir-rebħa fuq* l-Għamalekin u baqaʼ jumejn f’Siklag.
2 Fit-tielet jum, mar raġel minn fejn kien ikkampjat Sawl bi ħwejġu mċarrtin u bit-trab fuq rasu. Meta resaq lejn David, hu miel u nxteħet wiċċu fl-art.
3 David staqsieh: “Minn fejn ġej?” Hu wieġbu: “Ħrabt mill-kampijiet t’Iżrael.”
4 David staqsieh: “X’ġara fil-battalja? Għidli jekk jogħġbok.” Hu wieġbu: “Is-suldati t’Iżrael ħarbu mill-battalja u ħafna mietu. Anki Sawl u ibnu Ġonatan mietu.”
5 Imbagħad David staqsa liż-żagħżugħ li ġablu l-aħbar: “Kif taf li mietu Sawl u Ġonatan?”
6 Hu wieġbu: “B’kumbinazzjoni, jien kont fuq il-Muntanja Gilbogħa, u kien hemm Sawl iserraħ mal-lanza tiegħu. Il-karrijiet u r-rikkieba taż-żwiemel kienu laħquh.
7 Meta dar u rani, għajjatli, u wiġibtu, ‘Hawn jien!’
8 Hu staqsieni, ‘Min int?’ u jien wiġibtu, ‘Jien Għamaleki.’
9 Imbagħad qalli, ‘Jekk jogħġbok ejja oqtolni, għax qed inbati ħafna, imma għadni ħaj.’
10 Għalhekk, mort u qtiltu, għax kont naf li ma setax jibqaʼ ħaj peress li kien imweġġaʼ serjament. Imbagħad ħadt il-kuruna* li kienet fuq rasu u ċ-ċappetta li kellu f’idu u ġibthom lilek, sidi.”
11 Għal dan, David ċarrat ħwejġu, u anki l-irġiel li kienu miegħu għamlu hekk.
12 Huma bkew fuq li bkew u samu sa filgħaxija għax Sawl, ibnu Ġonatan, il-poplu taʼ Ġeħova, u d-dar t’Iżrael kienu mietu bix-xabla.
13 David staqsa liż-żagħżugħ li ġablu l-aħbar: “Minn fejn int?” Hu wieġbu: “Jien bin raġel Għamaleki, resident barrani.”
14 Imbagħad David qallu: “Kif ma bżajtx toqtol lill-magħżul* taʼ Ġeħova?”
15 U David għajjat lil wieħed miż-żgħażagħ u qallu: “Ersaq qrib u oqtlu.” Għalhekk, attakkah u qatlu.
16 David qallu: “Int responsabbli għall-mewt tiegħek stess,* għax int stess għedt li qtilt lill-magħżul* taʼ Ġeħova.”
17 Imbagħad David kanta din l-għanja taʼ swied il-qalb minħabba Sawl u ibnu Ġonatan.
18 Hu qal li n-nies taʼ Ġuda kellhom jiġu mgħallmin din l-għanja li jisimha “Il-Qaws” u li hi miktuba fil-ktieb taʼ Ġasar:
19 “Iżrael, il-ġmiel inqatel fuq il-postijiet għoljin tiegħek.
Kif waqgħu dawk b’saħħithom!
20 Tgħidux b’dan ġo Gat;Tħabbruhx fit-toroq t’Askelon,Inkella l-bniet tal-Filistin jifirħu,Inkella l-bniet tal-irġiel mhux ċirkonċiżi jtiru bil-ferħ.
21 Ja muntanji taʼ Gilbogħa,Jalla ma jkun hemm ebda nida jew xita fuqkom,U lanqas għelieqi li jagħmlu l-frott li jistaʼ jiġi offrut lil Alla,Għax hemmhekk it-tarka taʼ dawk b’saħħithom ġiet iddiżonorata,It-tarka taʼ Sawl m’għadhiex midluka biż-żejt.
22 Il-qaws taʼ Ġonatan u x-xabla taʼ SawlImtlew bid-demm tal-għedewwa u nifdu x-xaħam tal-gwerriera.Dejjem kellhom suċċess.
23 Sawl u Ġonatan kienu maħbubin u apprezzati matul ħajjithom,U lanqas fil-mewt ma nfirdu.
Kienu eħfef mill-ajkli,U b’saħħithom iktar mill-iljuni.
24 Bniet t’Iżrael, ibku lil Sawl,Li libbiskom drapp aħmar jgħajjat u ġojjelli,Li qiegħed tiżjin tad-deheb fuq ħwejjiġkom.
25 Kif waqgħu dawk b’saħħithom fil-battalja!
Ġonatan hu maqtul fuq il-postijiet għoljin tiegħek!
26 Jien imdejjaq ħafna minħabba dak li ġralek, ħija Ġonatan,Int kont għażiż ħafna għalija.
Imħabbtek kienet iktar prezzjuża mill-imħabba tan-nisa.
27 Kif waqgħu dawk b’saħħithom!
U l-armi tal-gwerra nqerdu!”
Noti taʼ taħt
^ Jew “milli joqtol.”
^ Jew “id-dijadema.”
^ Letteralment “lill-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “Demmek hu fuq rasek stess.”
^ Letteralment “lill-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.