It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 18:1-33

  • Absalom jitlef u jmut (1-18)

  • Lil David jgħidulu li miet Absalom (19-33)

18  Imbagħad, David għadd in-nies li kienu miegħu u qiegħed fuqhom kapijiet tal-eluf u kapijiet tal-mijiet.  U David bagħathom fi tliet gruppi: wieħed taħt il-kmand taʼ* Ġowab, ieħor taħt il-kmand t’Abisaj ħu Ġowab u bin Seruja, u ieħor taħt il-kmand taʼ Ittaj il-Gitti. Imbagħad ir-re qalilhom: “Jien se niġi magħkom ukoll.”  Imma huma qalulu: “Tiġix magħna, għax jekk naħarbu jew imutu nofsna mhux se jħabblu rashom għalina. Imma int tiswa daqs 10,000 minna u għalhekk ikun aħjar jekk tgħinna mill-belt.”  Ir-re qalilhom: “Kulma jidher li hu tajjeb għalikom nagħmlu.” Għalhekk, ir-re qagħad maġenb il-bieb tal-belt, u l-irġiel kollha ħarġu fi gruppi taʼ mijiet u taʼ eluf.  Imbagħad ir-re ta dan il-kmand lil Ġowab, Abisaj, u Ittaj: “Toqtlux lil Absalom, għax hu ibni l-għażiż.” L-irġiel kollha semgħu lir-re jagħti dan il-kmand lill-kapijiet kollha dwar Absalom.  L-irġiel ħarġu lejn il-kampanja biex jiltaqgħu m’Iżrael, u l-battalja seħħet fil-foresta t’Efrajm.  Hemm, in-nies t’Iżrael ġew megħlubin mill-qaddejja taʼ David. Dakinhar il-qatla kienet kbira, mietu 20,000 raġel.  Il-battalja nfirxet mar-reġjun kollu. Dakinhar mietu iktar minħabba l-perikli tal-foresta milli bix-xabla.  Fl-aħħar, Absalom sab ruħu quddiem il-qaddejja taʼ David. Meta rahom, ħarab fuq il-bagħal li kien riekeb. Il-bagħal għadda minn taħt il-friegħi taʼ siġra kbira, u Absalom weħel minn xagħru fiha u baqaʼ mdendel* waqt li l-bagħal li kien taħtu baqaʼ sejjer. 10  Imbagħad xi ħadd rah u qal lil Ġowab: “Rajt lil Absalom imdendel maʼ siġra kbira.” 11  Ġowab wieġbu: “La rajtu, għala ma qbadtx u qtiltu hemm? Kieku minn qalbi kont nagħtik għaxar biċċiet tal-fidda u ċinturin.” 12  Imma r-raġel qal lil Ġowab: “Lanqas kieku tawni* 1,000 biċċa tal-fidda ma kont se mmidd idi fuq bin ir-re, għax aħna smajnieh lir-re meta ta l-kmand lilek, lil Abisaj, u lil Ittaj biex ma tħallu lil ħadd joqtol lil Absalom. 13  Li kieku m’obdejtx u qtiltu,* ir-re żgur li kien isir jaf b’dan u int ma kontx tipproteġini.” 14  U Ġowab qallu: “M’iniex se naħli iktar ħin miegħek!” Għalhekk, qabad tliet vleġeġ* f’idu u mar iniffidhom f’qalb Absalom waqt li kien għadu ħaj qalb il-friegħi tas-siġra l-kbira. 15  Imbagħad marru għaxar qaddejja li kienu jġorru l-armi taʼ Ġowab, u attakkaw lil Absalom bl-armi sakemm qatluh. 16  Ġowab issa daqq il-qarn biex ma jibqgħux jiġġieldu, u l-irġiel ma baqgħux jiġru wara Iżrael. 17  Huma qabdu lil Absalom u tefgħuh f’ħofra kbira fil-foresta u tefgħu fuqu gozz kbir ġebel. U l-Iżraelin kollha ħarbu lejn darhom. 18  Meta Absalom kien għadu ħaj għamel għalih stess kolonna fil-Wied* tar-Re, għax qal: “M’għandi ebda iben sabiex ifakkar ismi.” Għalhekk, il-kolonna semmieha għalih, u għadu jisimha l-Monument t’Absalom sal-lum. 19  Aħimgħas bin Sadok qal lil Ġowab: “Jekk jogħġbok, ħa mmur niġri u nagħti l-aħbar lir-re, għaliex Ġeħova għamel ġustizzja miegħu billi ħelsu mill-għedewwa tiegħu.” 20  Imma Ġowab qallu: “M’intix se tagħti l-aħbar illum. Tistaʼ tgħidlu darb’oħra, imma mhux illum għax miet bin ir-re stess.” 21  Imbagħad Ġowab qal lil wieħed Kusi: “Mur għid lir-re dak li rajt.” U l-Kusi miel quddiem Ġowab u telaq jiġri. 22  Aħimgħas bin Sadok reġaʼ qal lil Ġowab: “Jiġri x’jiġri, jekk jogħġbok, ħallini wkoll immur niġri wara l-Kusi.” Madankollu, Ġowab qallu: “Ibni, għalfejn għandek tiġri meta m’għandek ebda aħbar x’tgħid?” 23  Hu insista: “Ħallini mmur xorta.” Għalhekk qallu: “Mur!” U Aħimgħas telaq jiġri mit-triq li tagħti għad-distrett tal-Ġordan,* u mbagħad għadda lill-Kusi. 24  Issa David kien bilqiegħda bejn iż-żewġ bibien tal-belt, u l-għassies telaʼ fuq is-saqaf tal-bieb tas-sur. Hu ħares u ra raġel jiġri waħdu. 25  Għalhekk, l-għassies għajjat lir-re u qallu b’dan. Ir-re qal: “Jekk qiegħed waħdu, għandu xi aħbar.” Hekk kif baqaʼ joqrob, 26  l-għassies ra raġel ieħor jiġri. Imbagħad hu għajjat lil dak li kien għassa mal-bieb u qallu: “Ara, hemm raġel ieħor jiġri waħdu!” Ir-re qal: “Dan ukoll għandu aħbar.” 27  L-għassies qal: “Il-mod kif jiġri l-ewwel wieħed hu bħalma jiġri Aħimgħas bin Sadok,” għalhekk ir-re qal: “Dan raġel tajjeb, u b’aħbar tajba ġej.” 28  Imbagħad Aħimgħas għajjat lir-re u qallu: “Għandi aħbar tajba!” U hu miel wiċċu lejn l-art quddiem ir-re. Imbagħad qal: “Ikun imfaħħar Ġeħova l-Alla tiegħek, li tak f’idejk l-irġiel li rribellaw* kontrik, sidi r-re!” 29  Madankollu, ir-re qallu: “Jinsab tajjeb ibni Absalom?” U Aħimgħas wieġbu: “Rajt il-konfużjoni kbira li qamet xħin Ġowab bagħat il-qaddej tiegħek u lili, imma ma kontx naf x’kienet.” 30  Għalhekk, ir-re qallu: “Ersaq fil-ġenb u oqgħod hawn.” U hekk għamel. 31  Imbagħad wasal il-Kusi u qal: “Ħa jaċċetta sidi r-re din l-aħbar: Illum Ġeħova għamel ġustizzja miegħek billi ħelsek minn id dawk kollha li rribellaw kontrik.” 32  Imma r-re qal lill-Kusi: “Jinsab tajjeb ibni Absalom?” U l-Kusi wieġbu: “Jalla jiġrilhom bħalu l-għedewwa kollha tiegħek u dawk kollha li rribellaw kontrik biex jagħmlulek il-ħsara, sidi r-re!” 33  Din l-aħbar inkwetatu ħafna lir-re u telaʼ fil-kamra li kienet fuq id-daħla tal-bieb u beka. Hu u miexi beda jgħid: “Ibni Absalom, ibni, ibni Absalom! Mhux li mitt jien minflokok, ibni Absalom, ibni!”

Noti taʼ taħt

Letteralment “id.”
Letteralment “imdendel bejn sema u art.”
Letteralment “jintiżnu fuq il-pali taʼ jdejja.”
Jew “Li kieku ttradejtu.”
Jew forsi “ħadidiet bil-ponot; lanez.” Letteralment “vireg.”
Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
Letteralment “għad-distrett.”
Letteralment “refgħu jdejhom.”