It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 19:1-43
19 Lil Ġowab waslitlu l-aħbar: “Ir-re qed jibki u jagħmel il-vistu minħabba Absalom.”
2 Għalhekk, ir-rebħa* dakinhar inbidlet f’vistu għas-suldati kollha, għax semgħu li r-re kien imdejjaq ħafna minħabba ibnu.
3 Dakinhar, is-suldati daħlu fil-belt bil-kwiet bħal suldati li jistħu għax ikunu ħarbu mill-battalja.
4 Ir-re għatta wiċċu u baqaʼ jibki b’leħen għoli: “Ibni Absalom! Ibni Absalom, ibni!”
5 Imbagħad Ġowab daħal għand ir-re u qallu: “Illum int ħammart wiċċ il-qaddejja kollha tiegħek li llum salvaw lilek, lit-tfal tiegħek subien u bniet, in-nisa tiegħek, u l-konkubini tiegħek.
6 Int tħobb lil dawk li jobogħduk u tobgħod lil dawk li jħobbuk, għax illum int għamiltha ċara li l-kapijiet u l-qaddejja tiegħek ma jfissru xejn għalik, għaliex jien ċert illi kieku llum Absalom kien ħaj u aħna konna mejtin, kien ikun tajjeb għalik.
7 Issa qum, oħroġ u inkuraġġixxi* lill-qaddejja tiegħek, għax naħlef b’Ġeħova li jekk ma toħroġx, lanqas raġel wieħed ma jibqaʼ miegħek dan il-lejl. Dan ikun agħar għalik mill-ħsara kollha li għaddejt minnha minn żgħożitek s’issa.”
8 Għalhekk, ir-re qam u qagħad bilqiegħda f’bieb il-belt, u n-nies kollha waslitilhom l-aħbar: “Issa r-re qiegħed bilqiegħda fil-bieb.” Imbagħad in-nies kollha ġew quddiem ir-re.
Imma l-kumplament tal-Iżraelin* kienu ħarbu lejn djarhom.
9 In-nies fit-tribujiet kollha t’Iżrael kienu qed jargumentaw u jgħidu: “Ir-re ħelisna mill-għedewwa tagħna u mill-Filistin. Imma issa ħarab mill-pajjiż minħabba Absalom.
10 U Absalom, li inkarigajna* biex ikun fuqna, miet fil-battalja. Mela għala mhu jsir xejn biex inġibu lura lir-re?”
11 Ir-Re David bagħat dan il-messaġġ lill-qassisin Sadok u Abjatar: “Kellmu lill-anzjani* taʼ Ġuda u għidulhom, ‘Għala għandkom tkunu l-aħħar nies li ġġibu lura lir-re lejn daru, meta jien sirt naf f’dari li Iżrael kollu jridni niġi lura?
12 Intom ħuti, intom tiġu minni.* Għala għandkom tkunu l-aħħar nies li ġġibuni lura?’
13 U lil Għamasa għandkom tgħidulu, ‘Int tiġi minni mill-qrib. Għalhekk, jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk mil-lum int ma ssirx il-kap tal-armata minflok Ġowab.’”
14 U l-irġiel kollha taʼ Ġuda kkonvinċew ruħhom,* u bagħtu jgħidu lir-re: “Ejja lura, int u l-qaddejja kollha tiegħek.”
15 Ir-re qabad it-triq lura u wasal sal-Ġordan, u n-nies taʼ Ġuda marru Gilgal biex jiltaqgħu miegħu u jwassluh in-naħa l-oħra tal-Ġordan.
16 Imbagħad Simgħi bin Gera l-Benjamini, li kien minn Baħurim, niżel jgħaġġel man-nies taʼ Ġuda biex jiltaqaʼ mar-Re David,
17 u miegħu kien hemm 1,000 raġel minn Benjamin. Anki Siba, il-qaddej taʼ dar Sawl, niżel malajr lejn il-Ġordan qabel ir-re, u miegħu kien hemm il-15-il tifel tiegħu u l-20 qaddej tiegħu.
18 Hu* qasam l-ilma baxx biex iwassal lil dawk taʼ dar ir-re n-naħa l-oħra u biex jagħmel kulma xtaq ir-re. Imma meta r-re kien wasal biex jaqsam il-Ġordan, Simgħi bin Gera nxteħet quddiemu.
19 Hu qal lir-re: “Sidi, iżżommnix ħati tal-iżball u tiftakarx in-nuqqas li għamilt jien, il-qaddej tiegħek, meta int ħriġt minn Ġerusalemm. Sidi r-re, jalla ma żżommx f’qalbek,
20 għax naf tajjeb li dnibt. Għalhekk, illum jien kont l-ewwel mid-dar kollha taʼ Ġużeppi li ġejt biex niltaqaʼ miegħek, sidi r-re.”
21 Minnufih, Abisaj bin Seruja qal: “M’għandux Simgħi jinqatel talli seħet il-magħżul* taʼ Ġeħova?”
22 Imma David qal: “Tfal taʼ Seruja, għala għandkom tinvolvu ruħkom f’dan u taġixxu kontrija llum? Illum mhu se jinqatel ħadd f’Iżrael. Taħsbu li ma nafx li llum jien erġajt sirt re fuq Iżrael?”
23 Imbagħad ir-re ħalef lil Simgħi u qallu: “M’intix se tmut.”
24 Mefiboset in-neputi taʼ Sawl ukoll niżel jiltaqaʼ mar-re. Hu la kien ħa ħsieb saqajh, la ttrimmja l-mustaċċi, u lanqas ħasel ħwejġu minn dakinhar li telaq ir-re sakemm wasal lura fil-paċi.
25 Meta wasal* Ġerusalemm biex jiltaqaʼ mar-re, ir-re qallu: “Għala ma ġejtx miegħi Mefiboset?”
26 Dan wieġbu: “Sidi r-re, int taf li jien inzappap. Jien għedt lill-qaddej tiegħi biex jarmali l-ħmar ħalli nirkeb fuqu u niġi miegħek. Imma hu daħaq bija
27 u mmalafamani miegħek, sidi r-re. Imma int bħal anġlu tal-Alla l-veru, għalhekk agħmel dak li jidhirlek li hu tajjeb.
28 Sidi r-re, int stajt ikkundannajt għall-mewt in-nies kollha taʼ dar missieri, imma minflok int qegħedtni fost dawk li jieklu mal-mejda tiegħek. Għalhekk, xi dritt għandi biex nitlob xi ħaġa oħra mingħandek?”
29 Madankollu, ir-re qallu: “Għalfejn tibqaʼ titkellem hekk? Jien iddeċidejt li int u Siba għandkom taqsmu l-għalqa bejnietkom.”
30 Mefiboset wieġbu: “Ħa jieħu kollox hu, issa li int ġejt fil-paċi lejn darek, sidi r-re.”
31 Imbagħad, Barżillaj il-Gilegħadi niżel minn Rogelim biex iwassal lir-re sal-Ġordan.
32 Barżillaj kien imdaħħal sew fiż-żmien: kellu 80 sena. Hu kien ipprovda l-ikel lir-re meta kien qed joqgħod f’Maħanajm, għax kien raġel sinjur ħafna.
33 Għalhekk, ir-re qal lil Barżillaj: “Aqsam miegħi, u jien nipprovdilek l-ikel f’Ġerusalemm.”
34 Imma Barżillaj qal lir-re: “Kemm baqagħli ħaj* sabiex nitlaʼ miegħek Ġerusalemm?
35 Illum jien għandi 80 sena. Nistaʼ jien nagħraf id-differenza bejn xi ħaġa tajba u xi ħaġa ħażina? Nistaʼ jien, il-qaddej tiegħek, intiegħem dak li niekol u nixrob? Għadni nistaʼ nismaʼ leħen il-kantanti rġiel u nisa? Għalhekk, għala għandi nkun taʼ piż għalik, sidi r-re?
36 M’għandekx għalfejn tippremjani, sidi. Diġà hu privileġġ kbir għalija li nwasslek sal-Ġordan.
37 Jekk jogħġbok, ħallini mmur lura f’belti u mmut qrib fejn indifnu missieri u ommi. Ħa jaqsam miegħek il-qaddej tiegħek Kimħam. Tistaʼ tagħmillu dak li jidhirlek li hu tajjeb.”
38 Għalhekk ir-re qal: “Mela jaqsam miegħi Kimħam, u nagħmillu dak li jidhirlek li hu tajjeb. Kulma titlobni nagħmilhulek.”
39 Issa n-nies kollha bdew jaqsmu l-Ġordan, u meta r-re ġie biex jaqsam, bies lil Barżillaj u bierku; u Barżillaj mar lura d-dar.
40 Meta r-re mar in-naħa l-oħra lejn Gilgal, Kimħam qasam miegħu. Il-poplu kollu taʼ Ġuda u nofs il-poplu t’Iżrael wasslu lir-re n-naħa l-oħra.
41 Imbagħad, il-kumplament tal-irġiel t’Iżrael resqu lejn ir-re u staqsewh: “Għala ħutna, l-irġiel taʼ Ġuda, ħaduk bil-moħbi biex iwassluk in-naħa l-oħra tal-Ġordan flimkien man-nies taʼ darek u l-irġiel tiegħek?”
42 L-irġiel kollha taʼ Ġuda wiġbuhom: “Għax ir-re jiġi minna. Għala rrabjati minħabba dan? Aħna ma kilna xejn minn fuq dahar ir-re, u lanqas tana xi rigal.”
43 Madankollu, l-irġiel t’Iżrael wiġbuhom: “Aħna għandna għaxar partijiet mis-saltna, u b’hekk rigward David għandna iktar dritt minnkom. Mela għala ttrattajtuna b’diżrispett? Aħna kellna nkunu l-ewwel li nġibu lura lir-re tagħna.” Imma l-irġiel taʼ Ġuda rebħu l-argument mal-irġiel t’Iżrael.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “is-salvazzjoni.”
^ Letteralment “kellem lill-qalb.”
^ Jiġifieri dawk li appoġġaw lil Absalom.
^ Letteralment “dlikna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “għadmi u laħmi.”
^ Letteralment “U hu dawwar qalb l-irġiel kollha taʼ Ġuda.”
^ Jew forsi “Huma.”
^ Letteralment “il-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew forsi “wasal minn.”
^ Letteralment “jiem tas-snin.”
^ Jew “il-kelma tal-irġiel taʼ Ġuda kienet iktar ħarxa minn tal-irġiel t’Iżrael.”