It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 2:1-32
2 Wara dan, David staqsa lil Ġeħova: “Għandi nitlaʼ f’waħda mill-bliet taʼ Ġuda?” Ġeħova wieġbu: “Itlaʼ.” Imbagħad David staqsa: “Fejn immur?” Wieġbu: “Ħebron.”
2 Għalhekk, David telaʼ hemm maż-żewġ nisa tiegħu, Aħinogħam il-Ġeżragħelija u Abigajl l-armla taʼ Nabal il-Karmeli.
3 David ħa wkoll l-irġiel li kienu miegħu, kull wieħed bin-nies taʼ daru, u ssetiljaw f’Ħebron u l-bliet taʼ madwarha.
4 Imbagħad l-irġiel taʼ Ġuda marru hemm u dilku* lil David bħala re fuq id-dar taʼ Ġuda.
Huma qalu lil David: “L-irġiel taʼ Ġabes-gilegħad difnuh lil Sawl.”
5 Għalhekk, David bagħat messaġġiera għand l-irġiel taʼ Ġabes-gilegħad u qalilhom: “Jalla tkunu mberkin minn Ġeħova, għaliex intom urejtu mħabba u lealtà* maʼ sidkom Sawl billi dfintuh.
6 Jalla Ġeħova jibqaʼ jurikom imħabba u lealtà. Jien ukoll nurikom qalb tajba minħabba dak li għamiltu.
7 Issa saħħu lilkom infuskom* u kunu kuraġġużi, għax sidkom Sawl miet, u n-nies taʼ dar Ġuda dilkuni* bħala re fuqhom.”
8 Imma Abner bin Ner, il-kap tal-armata taʼ Sawl, kien ħa lil Is-boset bin Sawl in-naħa l-oħra f’Maħanajm
9 u għamlu re fuq Gilegħad, l-Asurin, Ġeżragħel, Efrajm, Benjamin, u Iżrael kollu.
10 Is-boset bin Sawl kellu 40 sena meta sar re fuq Iżrael, u mexxa għal sentejn. Imma n-nies taʼ dar Ġuda appoġġaw lil David.
11 David dam sebaʼ snin u nofs re f’Ħebron fuq id-dar taʼ Ġuda.
12 Maż-żmien, Abner u l-qaddejja taʼ Is-boset ħarġu minn Maħanajm u marru Gibegħon.
13 Ġowab bin Seruja u l-qaddejja taʼ David ħarġu wkoll u ltaqgħu magħhom ħdejn l-għadira taʼ Gibegħon. Grupp qagħad bilqiegħda fuq naħa tal-għadira u l-grupp l-ieħor fuq in-naħa l-oħra.
14 Fl-aħħar, Abner qal lil Ġowab: “Ħa joħorġu ż-żgħażagħ u jiġġieldu* quddiemna.” Ġowab qallu: “Ħa joħorġu.”
15 Għalhekk, marru n-naħa l-oħra f’żewġ gruppi, 12 għal Benjamin u Is-boset bin Sawl, u 12 mill-qaddejja taʼ David.
16 Huma ħatfu ras xulxin u nifdu ġenb xulxin bix-xabla, u mietu flimkien. Għalhekk, dak il-post f’Gibegħon semmewh Ħelkat-ħassurim.
17 Il-ġlied li nqalaʼ wara kien aħrax ħafna dakinhar, u fl-aħħar il-qaddejja taʼ David rebħu lil Abner u l-irġiel t’Iżrael.
18 Issa kien hemm it-tlett itfal taʼ Seruja: Ġowab, Abisaj, u Għasael. Għasael kien jiġri b’ħeffa bħal ċerva.
19 Hu ġera wara Abner bla ma waqaf.
20 Meta Abner ħares warajh staqsa: “Int Għasael?” u dan wieġbu: “Iva.”
21 Imbagħad Abner qallu: “Tibqax tiġri warajja. Mur aħtaf wieħed miż-żgħażagħ u ħu dak li tneżżagħlu.” Imma Għasael ma riedx jieqaf jiġri warajh.
22 Għalhekk, Abner reġaʼ qallu: “Tibqax tiġri warajja. Għala għandi noqtlok? Imbagħad lanqas inkun niflaħ inħares lejn ħuk Ġowab.”
23 Imma hu ma riedx jieqaf. Għalhekk, Abner tah daqqa f’żaqqu bin-naħa t’isfel tal-lanza, u l-lanza ħarġet minn dahru; u waqaʼ u miet. Kull min kien imur fil-post fejn Għasael miet kien jieqaf ftit hemmhekk.
24 Imbagħad, Ġowab u Abisaj marru jiġru wara Abner. Hekk kif bdiet nieżla x-xemx, waslu ħdejn l-għolja t’Amma li qiegħda quddiem Gija, fit-triq li tagħti għad-Deżert taʼ Gibegħon.
25 U l-Benjamini nġabru flimkien wara Abner, u fformaw grupp wieħed u ħadu posthom fuq il-quċċata t’għolja oħra.
26 Imbagħad Abner qal lil Ġowab: “Kemm se ndumu niġġieldu bix-xabla? Ma tafx li mhux se nispiċċaw sew? Allura, kemm se ddum biex tgħid lin-nies biex ma jibqgħux jiġru wara ħuthom?”
27 Għal dan Ġowab wieġeb: “Naħlef bl-Alla l-ħaj u veru illi kieku int ma tkellimtx, in-nies kienu jibqgħu jiġru wara ħuthom sa filgħodu.”
28 Ġowab issa daqq il-qarn, u l-irġiel tiegħu ma baqgħux jiġru wara Iżrael, u l-ġlied waqaf.
29 Dak il-lejl kollu, Abner u l-irġiel tiegħu mxew mill-Għaraba, qasmu l-Ġordan, għaddew mill-irdum kollu,* u fl-aħħar waslu Maħanajm.
30 Wara li Ġowab ma baqax jiġri wara Abner, hu ġabar lin-nies kollha flimkien. Mill-qaddejja taʼ David kien hemm neqsin 19-il raġel u Għasael.
31 Imma l-qaddejja taʼ David kienu rebħu lill-Benjamini u l-irġiel t’Abner, u qatlu 360 minnhom.
32 Huma ħadu lil Għasael u difnuh fil-qabar taʼ missieru f’Betlem. Imbagħad Ġowab u l-irġiel tiegħu baqgħu mexjin il-lejl kollu, u malli beda jisbaħ waslu Ħebron.
Noti taʼ taħt
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “saħħu jdejkom.”
^ Jew “jikkompetu.”
^ Jew forsi “għaddew mill-Bitron kollu.”