It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 5:1-25
5 Maż-żmien, it-tribujiet kollha t’Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Aħna niġu minnek.*
2 Fil-passat, meta Sawl kien ir-re tagħna, int kont il-wieħed li tmexxi lil Iżrael għall-battalji.* U Ġeħova qallek: ‘Int tirgħa lill-poplu tiegħi Iżrael u int issir mexxej fuq Iżrael.’”
3 Għalhekk, l-anzjani* kollha t’Iżrael marru għand ir-re f’Ħebron, u r-Re David għamel patt magħhom hemm quddiem Ġeħova. Imbagħad dilku* lil David bħala re fuq Iżrael.
4 David kellu 30 sena meta sar re, u mexxa għal 40 sena.
5 F’Ħebron mexxa fuq Ġuda għal sebaʼ snin u nofs, u f’Ġerusalemm mexxa fuq Iżrael kollu u Ġuda għal 33 sena.
6 U r-re u l-irġiel tiegħu marru Ġerusalemm kontra l-Ġebusin li kienu jgħixu fil-pajjiż. Huma sfidaw lil David u qalu: “Int qatt ma tidħol hawn! Anki dawk li ma jarawx u z-zopop ikeċċuk.” Huma ħasbu li David qatt ma kien se jidħol hemm.
7 Iżda David xorta ħa taħt idejh il-fortizza taʼ Sijon, li issa hi l-Belt taʼ David.
8 Għalhekk, David dakinhar qal: “Dawk li jattakkaw lill-Ġebusin għandhom jidħlu minn ġol-mina tal-ilma u joqtlu ‘liz-zopop u lil dawk li ma jarawx,’ li jien nobgħodhom.”* Huwa għalhekk li jingħad: “Dawk li ma jarawx u z-zopop ma jidħlux f’dan il-post.”
9 Imbagħad David beda jgħix fil-fortizza, u din issemmiet* il-Belt taʼ David. Hu beda jibni dawramejt mill-Għolja* ’l ġewwa.
10 B’hekk, David baqaʼ jissaħħaħ, u Ġeħova l-Alla tal-armati kien miegħu.
11 Ir-Re Ħiram taʼ Tir bagħat messaġġiera għand David, kif ukoll injam taċ-ċedru, mastrudaxxi, u bennejja, u bdew jibnu palazz għal David.
12 David kien jaf li Ġeħova kien saħħu bħala re fuq Iżrael u li kien saħħaħ is-saltna tiegħu minħabba l-poplu Tiegħu Iżrael.
13 David ħa iktar konkubini u nisa f’Ġerusalemm wara li wasal minn Ħebron, u kellu iktar subien u bniet.
14 Dawn huma l-ismijiet tas-subien li kellu f’Ġerusalemm: Sammugħa, Sobab, Natan, Salamun,
15 Ibħar, Elisugħa, Nefeg, Ġafigħa,
16 Elisama, Eljada, u Elifelet.
17 Meta l-Filistin semgħu li David ġie inkarigat* bħala re fuq Iżrael, telgħu kollha jfittxuh. Meta David semaʼ b’dan, hu mar fil-post taʼ protezzjoni.
18 Imbagħad il-Filistin marru u tferrxu fil-Wied* taʼ Refajm.
19 David staqsa lil Ġeħova: “Nitlaʼ kontra l-Filistin? Tagħtihomli f’idejja?” U Ġeħova wieġbu: “Itlaʼ għax jien żgur li nagħtihomlok f’idejk.”
20 Għalhekk, David wasal Bagħal-perasim u qatilhom hemmhekk. Hu qal: “Ġeħova mar qabli u ħarbat l-għedewwa tiegħi, bħal ilma li joħroġ bis-saħħa u jħarbat dak li jkun hemm quddiemu.” Huwa għalhekk li dan il-post semmieh Bagħal-perasim.*
21 Il-Filistin ħallew l-idoli tagħhom hemmhekk, u David u l-irġiel tiegħu ħaduhom.
22 Iktar tard, il-Filistin reġgħu telgħu u tferrxu fil-Wied* taʼ Refajm.
23 David staqsa lil Ġeħova x’għandu jagħmel, u wieġbu: “Titlax direttament. Minflok, dur minn warajhom u attakkahom quddiem is-siġar tal-baka.
24 U xħin tismaʼ l-ħoss bħal taʼ nies jimxu fuq il-quċċata tas-siġar tal-baka, aġixxi malajr, għaliex Ġeħova jkun ħareġ qablek biex jeqred l-armata tal-Filistin.”
25 Għalhekk, David għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova, u qered lill-Filistin minn Geba sa Geżer.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “Aħna għadmek u laħmek.”
^ Letteralment “li toħroġ u ddaħħal lil Iżrael.”
^ Jew “li ruħ David tobgħodhom.”
^ Jew forsi “semmieha.”
^ Jew “Millo.” Terminu Ebrajk li jfisser “timla.”
^ Letteralment “midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
^ Ifisser “Sid tat-Tħarbit.”
^ Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”