It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 8:1-18

  • Ir-rebħiet taʼ David (1-14)

  • In-nies li inkariga David (15-18)

8  Wara xi żmien, David iġġieled mal-Filistin, rebħilhom, u mingħandhom ħa taħt idejh Meteg-amma.  Hu rebaħ lill-Mowabin u ġegħelhom jimteddu mal-art u kejjilhom b’ħabel sabiex joqtol żewġ terzi minnhom, u jħalli terz ħajjin. U l-Mowabin saru l-qaddejja taʼ David u kienu jagħtuh it-taxxi.  David rebaħ lil Ħadadgħeżer bin Reħob, ir-re taʼ Soba, hekk kif kien sejjer fi triqtu biex jerġaʼ jieħu l-kontroll tat-territorju ħdejn ix-Xmara Ewfrat.  David ħataf mingħandu 1,700 rikkieb taż-żwiemel u 20,000 suldat. Imbagħad qataʼ l-għerq taʼ saqajn iż-żwiemel tal-karrijiet kollha ħlief taʼ 100 minnhom.  Meta s-Sirjani taʼ Damasku marru jgħinu lir-Re Ħadadgħeżer taʼ Soba, David qatel 22,000 Sirjan.  Imbagħad, David qiegħed gruppi taʼ suldati fis-Sirja taʼ Damasku, u s-Sirjani saru l-qaddejja tiegħu u kienu jagħtuh it-taxxi. Ġeħova rebbaħ* lil David kull fejn mar.  Iktar minn hekk, David ħa t-tarki tondi tad-deheb mingħand il-qaddejja taʼ Ħadadgħeżer u ħadhom Ġerusalemm.  Ir-Re David ħa kwantità kbira taʼ ram minn Beta u Berotaj, bliet taʼ Ħadadgħeżer.  Issa r-Re Togħi taʼ Ħamat semaʼ li David kien rebaħ lill-armata kollha taʼ Ħadadgħeżer. 10  Għalhekk, Togħi bagħat lil ibnu Ġoram għand ir-Re David biex jistaqsih kif inhu u jifraħlu talli ġġieled kontra Ħadadgħeżer u rebaħlu (għax Ħadadgħeżer kien spiss jiggwerra kontra Togħi). Hu tah oġġetti tal-fidda, tad-deheb, u tar-ram. 11  Ir-Re David qaddishom lil Ġeħova, flimkien mal-fidda u d-deheb li kien qaddes mill-popli kollha li kien rebaħ: 12  mis-Sirjani, il-Mowabin, l-Għammonin, il-Filistin, l-Għamalekin, u Ħadadgħeżer bin Reħob, ir-re taʼ Soba. 13  Ukoll, David sar magħruf ħafna meta qatel 18,000 Edomi f’Wied il-Melħ. 14  Hu qiegħed gruppi taʼ suldati f’Edom kollu, u l-Edomin kollha saru qaddejja taʼ David. Ġeħova rebbaħ* lil David kull fejn mar. 15  David baqaʼ jmexxi fuq Iżrael kollu u għamel ċert li l-poplu kollu tiegħu jesperjenza l-ġustizzja u s-sewwa. 16  Ġowab bin Seruja kien fuq l-armata, u Ġeħosafat bin Aħilud kien reġistratur. 17  Sadok bin Aħitub u Aħimelek bin Abjatar kienu qassisin, u Seraja kien segretarju. 18  Benaja bin Ġeħojada kien fuq il-Keretin u l-Peletin. U t-tfal taʼ David saru kapijiet taʼ pożizzjoni għolja.*

Noti taʼ taħt

Jew “salva.”
Jew “salva.”
Letteralment “saru qassisin.”