It-Tieni Ktieb tas-Slaten 11:1-21

  • Għatalija ssir reġina bla ma kellha d-dritt (1-3)

  • Jagħmlu lil Ġeħogħas re bil-moħbi (4-12)

  • Tinqatel Għatalija (13-16)

  • Ġeħojada jagħmel bidliet għat-tajjeb fil-pajjiż (17-21)

11  Issa meta Għatalija, omm Aħażija, rat li binha miet, hi pprovat teqred il-linja kollha tar-re.  Madankollu, Ġeħoseba bint ir-Re Ġeħoram, oħt Aħażija, serqet lil Ġeħogħas bin Aħażija minn fost it-tfal tar-re li kienu se jinqatlu, u żammet lilu u lil dik li kienet tieħu ħsiebu fil-kamra tas-sodda taʼ ġewwa. Huma rnexxielhom iżommuh moħbi minn Għatalija, u b’hekk ma nqatilx.  Hu baqaʼ magħha sitt snin moħbi fid-dar taʼ Ġeħova, waqt li Għatalija kienet qed tmexxi fuq il-pajjiż.  Fis-sebaʼ sena, Ġeħojada bagħat għall-kapijiet tal-mijiet tal-gwardji persunali tal-Karin u tal-gwardji tal-palazz* u ħadhom għandu fid-dar taʼ Ġeħova. Hu għamel patt magħhom u ġegħelhom jaħilfu fid-dar taʼ Ġeħova, u mbagħad uriehom lil bin ir-re.  Hu kkmandahom: “F’dan is-Sabat, terz minnkom għandhom jgħassu sew il-palazz tar-re,  terz ieħor joqogħdu f’Bieb il-Pedament, u terz ieħor joqogħdu fil-bieb taʼ wara l-gwardji tal-palazz. U toqogħdu għassa tad-dar meta jmisskom.  Iż-żewġ taqsimiet minnkom li suppost ma jkunux għassa fis-Sabat għandhom jgħassu sew id-dar taʼ Ġeħova biex jipproteġu lir-re.  Għandkom toqogħdu madwar ir-re minn kull naħa, kull wieħed bl-armi tiegħu f’idu. U għandu jinqatel kull min jipprova jgħaddi minn bejn is-suldati. Ibqgħu mar-re kull fejn imur.”*  Il-kapijiet tal-mijiet għamlu eżatt dak li kkmandahom Ġeħojada l-qassis. Għalhekk, kull wieħed ħa lill-irġiel tiegħu li kienu għassa fis-Sabat, flimkien maʼ dawk li ma kinux għassa fis-Sabat, u marru għand Ġeħojada l-qassis. 10  Imbagħad il-qassis ta lill-kapijiet tal-mijiet il-lanez u t-tarki tondi li kienu tar-Re David u li kienu fid-dar taʼ Ġeħova. 11  U l-gwardji tal-palazz ħadu posthom, kull wieħed bl-armi tiegħu f’idu, min-naħa tal-lemin tad-dar san-naħa tax-xellug tad-dar, ħdejn l-artal u ħdejn id-dar, madwar ir-re. 12  Imbagħad Ġeħojada ħareġ lil bin ir-re u qiegħed fuqu l-kuruna* u t-Testimonjanza,* u għamluh re u dilkuh.* Huma bdew iċapċpu u jgħidu: “Ħa jkun imbierek ir-re!” 13  Meta Għatalija semgħet in-nies jiġru, mill-ewwel marret ħdejn in-nies fid-dar taʼ Ġeħova. 14  Imbagħad rat ir-re ħdejn il-kolonna kif kienet id-drawwa. Il-kapijiet u dawk li jdoqqu t-trumbetti kienu ħdejn ir-re, u n-nies kollha tal-pajjiż kienu qed jifirħu u jdoqqu t-trumbetti. Għal dan Għatalija ċarrtet ħwejjiġha u għajtet: “Konfoffa! Konfoffa!” 15  Imma Ġeħojada l-qassis ikkmanda lill-kapijiet tal-mijiet, dawk taʼ fuq l-armata, u qalilhom: “Oħorġuha minn bejn is-suldati, u jekk xi ħadd imur warajha, oqtluh bix-xabla!” Għax il-qassis kien qalilhom: “Toqtluhiex fid-dar taʼ Ġeħova.” 16  Għalhekk qabduha, u qatluha meta waslu fid-daħla taż-żwiemel tal-palazz tar-re. 17  Imbagħad Ġeħojada għamel patt bejn Ġeħova, ir-re, u l-poplu, li se jibqgħu l-poplu taʼ Ġeħova. Hu għamel patt ukoll bejn ir-re u l-poplu. 18  Wara dan, in-nies kollha tal-pajjiż daħlu fit-tempju taʼ Bagħal, kissru l-artali tiegħu, kissru għalkollox l-istatwi tiegħu, u qatlu lil Mattan il-qassis taʼ Bagħal quddiem l-artali. Imbagħad il-qassis inkariga rġiel biex jieħdu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova. 19  Iktar minn hekk, hu ħa lill-kapijiet tal-mijiet, il-gwardji persunali tal-Karin, il-gwardji tal-palazz, u n-nies kollha tal-pajjiż sabiex jinżlu mar-re mid-dar taʼ Ġeħova sal-palazz tar-re. Huma għaddew mill-bieb tal-gwardji tal-palazz. Imbagħad hu qagħad fuq it-tron tar-rejiet. 20  Għalhekk, in-nies kollha tal-pajjiż ferħu u kien hemm il-paċi fil-belt, għax lil Għatalija kienu qatluha bix-xabla ħdejn il-palazz tar-re. 21  Ġeħogħas kellu sebaʼ snin meta sar re.

Noti taʼ taħt

Letteralment “tal-ġerrejja.”
Letteralment “meta joħroġ u meta jidħol.”
Jew “id-dijadema.”
Jistaʼ jkun skroll li fih il-Liġi t’Alla.