It-Tieni Ktieb tas-Slaten 18:1-37

  • Ħeżekija, re taʼ Ġuda (1-8)

  • It-telfa t’Iżrael fil-qosor (9-12)

  • Sennakerib jattakka lil Ġuda (13-18)

  • Ir-Rabsake jwaqqaʼ għaċ-ċajt lil Ġeħova (19-37)

18  Fit-tielet sena tat-tmexxija taʼ Ħosegħa bin Elah ir-re t’Iżrael, Ħeżekija bin ir-Re Aħaż taʼ Ġuda sar re.  Hu kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 29 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Abi* bint Żakkarija.  Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħall-antenat tiegħu David.  Kien hu li neħħa l-postijiet għall-qima falza, kisser il-pilastri sagri,* u qaċċat l-arblu sagru. Ukoll, hu farrak is-serp tar-ram li kien għamel Mosè. Għax sa dak iż-żmien l-Iżraelin kienu għadhom joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lil dan l-idolu li kienu jgħidulu s-serp tar-ram.*  Hu kien jafda f’Ġeħova l-Alla t’Iżrael; u la qablu u lanqas warajh ma kien hemm bħalu fost ir-rejiet kollha taʼ Ġuda.  Hu kien leali lejn Ġeħova u dejjem obdieh u żamm mal-kmandamenti li Ġeħova kien ta lil Mosè.  U Ġeħova kien miegħu. Hu kien jaġixxi bil-għaqal f’kulma kien jagħmel. Hu rribella kontra r-re tal-Assirja u ma riedx jaqdih.  Ukoll, għeleb lill-Filistin sa Gaża u t-territorji tagħha, minn torri tal-għassa sa belt iffortifikata.*  Fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ħeżekija, jiġifieri fis-sebaʼ sena tat-tmexxija taʼ Ħosegħa bin Elah ir-re t’Iżrael, ir-Re Salmaneser tal-Assirja telaʼ kontra s-Samarija u assedjaha. 10  Huma rebħuha wara kważi tliet snin, fis-sitt sena tat-tmexxija taʼ Ħeżekija, jiġifieri fid-disaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ħosegħa t’Iżrael. 11  Wara dan, ir-re tal-Assirja ħa lil Iżrael fl-eżilju lejn l-Assirja u ġegħelhom jgħixu f’Ħala u f’Ħabor ħdejn ix-Xmara Gożan u fil-bliet tal-Medin. 12  Dan ġara għax ma semgħux minn Ġeħova l-Alla tagħhom imma baqgħu jiksru l-patt tiegħu, jiġifieri kulma kien ikkmandahom Mosè, il-qaddej taʼ Ġeħova. Huma la semgħu u lanqas obdew. 13  Fl-14-il sena tat-tmexxija tar-Re Ħeżekija, Sennakerib ir-re tal-Assirja telaʼ kontra l-bliet iffortifikati kollha taʼ Ġuda u ħadhom f’idejh. 14  Għalhekk, ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda bagħat jgħid lir-re tal-Assirja f’Lakis: “Nammetti li għandi tort. Tibqax tiġġieled kontrija u nagħtik kulma titlobni.” Ir-re tal-Assirja ġiegħel lir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda jagħtih 300 talent* fidda u 30 talent deheb. 15  Għalhekk, Ħeżekija tah il-fidda kollha li kienet fid-dar taʼ Ġeħova u fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tiegħu. 16  U Ħeżekija qalaʼ* l-bibien tat-tempju taʼ Ġeħova u l-koxox tal-bibien li kien kesa hu stess bid-deheb u tahom lir-re tal-Assirja. 17  Wara, ir-re tal-Assirja bagħat lit-Tartan,* lir-Rabsaris,* u lir-Rabsake* b’armata kbira minn Lakis għal għand ir-Re Ħeżekija f’Ġerusalemm. Huma telgħu Ġerusalemm u qagħdu ħdejn il-kanal tal-għadira taʼ fuq, li qiegħed fit-triq prinċipali li tagħti għall-għalqa tal-ħassiel. 18  Meta bdew jgħajtu lir-re biex joħroġ, ħarġu jiltaqgħu magħhom Eljakim bin Ħilkija, li kien jieħu ħsieb il-palazz, Sebnah is-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf ir-reġistratur. 19  Għalhekk ir-Rabsake qalilhom: “Jekk jogħġobkom għidu lil Ħeżekija, ‘Hekk jgħid ir-re l-kbir, ir-re tal-Assirja: “Għala int daqshekk fiduċjuż? 20  Int qed tgħid, ‘Għandi l-istrateġija u l-qawwa biex niggwerra,’ imma dan hu kliem bla sens. F’min fdajt biex tażżarda tirribella kontrija? 21  Int tafda fl-appoġġ taʼ qasba mkissra, l-Eġittu, li jekk xi ħadd iserraħ magħha tidħol fil-pala t’idu u ttaqqabhielu. Hekk hu l-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, għal kull min jafdah. 22  Jew forsi tgħiduli, ‘Aħna nafdaw f’Ġeħova l-Alla tagħna.’ Mhux tiegħu kienu l-postijiet għall-qima u l-artali li neħħa Ħeżekija, filwaqt li qal lil Ġuda u Ġerusalemm biex imilu quddiem dan l-artal f’Ġerusalemm?”’ 23  Mela issa jekk jogħġbok, agħmel imħatra maʼ sidi r-re tal-Assirja: Jien nagħtik 2,000 żiemel jekk int kapaċi ssib biżżejjed rikkieba għal fuqhom. 24  Int li tafda fl-Eġittu għall-karrijiet u r-rikkieba taż-żwiemel, tistaʼ tegħleb gvernatur wieħed li hu l-iċken mill-qaddejja taʼ sidi? 25  Taħseb li jien tlajt kontra dan il-post biex neqirdu mingħajr il-permess taʼ Ġeħova? Ġeħova nnifsu qalli, ‘Itlaʼ kontra dan il-pajjiż u eqirdu.’” 26  Għal dan Eljakim bin Ħilkija, Sebnah, u Ġowaħ qalu lir-Rabsake: “Jekk jogħġbok, tkellem magħna bil-lingwa Aramajka,* għax aħna nifhmuha; tkellimniex bil-lingwa tal-Lhud għax in-nies taʼ fuq is-sur qed jisimgħu.” 27  Imma r-Rabsake qalilhom: “Jaqaw sidi bagħatni ngħid dan il-kliem lil sidkom u lilkom biss? Mhux anki lill-irġiel taʼ fuq is-sur, dawk li se jieklu ħmieġhom stess u jixorbu l-pipì tagħhom stess magħkom?” 28  Imbagħad ir-Rabsake għajjat b’leħen għoli bil-lingwa tal-Lhud: “Isimgħu l-kelma tar-re l-kbir, ir-re tal-Assirja. 29  Hekk jgħid ir-re, ‘Tħallux lil Ħeżekija jqarraq bikom, għax hu ma jistax jeħliskom minn taħt idejja. 30  U tħallux lil Ħeżekija jikkonvinċikom tafdaw f’Ġeħova billi jgħidilkom: “Żgur li Ġeħova se jeħlisna, u din il-belt ma tingħatax f’idejn ir-re tal-Assirja.” 31  Tisimgħux minn Ħeżekija, għax hekk jgħid ir-re tal-Assirja: “Agħmlu paċi miegħi u ċedu,* u kull wieħed minnkom jiekol mid-dielja u mit-tina tiegħu u jixrob l-ilma tal-ġiebja tiegħu, 32  sakemm niġi u niħodkom f’art bħal tagħkom. Art li tipproduċi ħafna ċereali* u għeneb biex tagħmlu l-ħobż u l-inbid, u fiha siġar taż-żebbuġ u għasel. Imbagħad tibqgħu tgħixu u ma tmutux. Tisimgħux minn Ħeżekija għax hu jqarraq bikom meta jgħidilkom, ‘Ġeħova se jeħlisna.’ 33  Jaqaw kien hemm xi wieħed mill-allat tal-popli li ħeles lil artu minn taħt idejn ir-re tal-Assirja? 34  Fejn huma l-allat taʼ Ħamat u Arfad? Fejn huma l-allat taʼ Sefarwajim, Ħena, u Iwwa? Ħelsuha lis-Samarija minn taħt idejja? 35  Min fost l-allat kollha ħeles lil artu minn taħt idejja, biex Ġeħova jeħles lil Ġerusalemm minn taħt idejja?”’” 36  Imma n-nies baqgħu siekta u ma wiġbuh xejn, għax il-kmand tar-re kien: “Twiġbuhx.” 37  U Eljakim bin Ħilkija, li kien jieħu ħsieb il-palazz, Sebnah is-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf ir-reġistratur marru għand Ħeżekija bi ħwejjiġhom imċarrtin u qalulu x’qal ir-Rabsake.

Noti taʼ taħt

Forma mqassra taʼ Abija.
Jew “jgħidulu Neħustan.”
Jiġifieri f’kull post, kemm jekk kienu jgħixu ftit jew ħafna nies.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Letteralment “qataʼ.”
Jew “lill-kmandant.”
Jew “lill-kap tal-uffiċjali tal-palazz.”
Jew “lill-kap taʼ dawk li jservu x-xorb.”
Jew “Sirjana.”
Letteralment “Agħmlu barka miegħi u oħorġu għandi.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.