It-Tieni Ktieb tas-Slaten 21:1-26

  • Manasse, re taʼ Ġuda; joqtol lil ħafna nies (1-18)

    • Ġerusalemm kellha tinqered (12-15)

  • Amon, re taʼ Ġuda (19-26)

21  Manasse kellu 12-il sena meta sar re, u mexxa 55 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ħefsiba.  Hu għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova billi għamel il-prattiki moqżieża tal-popli li Ġeħova kien keċċa minn quddiem l-Iżraelin.  Hu reġaʼ bena l-postijiet għall-qima li kien qered missieru Ħeżekija u għamel artali lil Bagħal u arblu sagru,* bħalma kien għamel Aħab ir-re t’Iżrael. U miel quddiem l-istilel u qdiehom.  Ukoll, hu bena artali fid-dar taʼ Ġeħova, li dwarha Ġeħova kien qal: “Se nqiegħed ismi f’Ġerusalemm.”  U bena artali għall-istilel f’żewġ btieħi tad-dar taʼ Ġeħova.  Hu ħaraq lil ibnu stess fin-nar,* ipprattika l-maġija, fittex sinjali li bihom jaqra l-futur, u inkariga medji tal-ispirti u nies li jbassru l-futur. Hu għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova biex joffendih.  Hu qiegħed l-istatwa skolpita tal-arblu sagru* li kien għamel fid-dar li dwarha Ġeħova kien qal lil David u lil ibnu Salamun: “Se nqiegħed ismi għal dejjem f’din id-dar u f’Ġerusalemm, li jien għażilt mit-tribujiet kollha t’Iżrael.  U qatt ma nerġaʼ nġiegħel lill-Iżraelin joħorġu mill-art li tajt lil missirijiethom, dment li joqogħdu attenti li jobdu kulma kkmandajthom, il-Liġi kollha li kkmandahom il-qaddej tiegħi Mosè.”  Imma huma m’obdewx, u Manasse baqaʼ jiżvijahom, b’hekk għamlu iktar ħażen mill-popli li Ġeħova kien qered għalkollox minn quddiemhom. 10  Ġeħova kompla jgħid permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti: 11  “Manasse r-re taʼ Ġuda għamel dawn l-affarijiet moqżieża kollha. L-azzjonijiet tiegħu kienu agħar minn tal-Amurrin kollha li kien hemm qablu, u ġiegħel lil Ġuda jidneb bl-idoli moqżieża* tiegħu. 12  Hu għalhekk li Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid: ‘Se nġib gwaj fuq Ġerusalemm u Ġuda, u min jismaʼ dwaru jibqaʼ xxokkjat.* 13  U se nifrex fuq Ġerusalemm il-ħabel tal-kejl li ntuża għas-Samarija u l-istess invell* li ntuża għal dar Aħab, u se nnaddaf lil Ġerusalemm bħalma wieħed inaddaf skutella u jaqlibha wiċċha ’l isfel. 14  Se nitlaq lil dawk li jifdal mill-wirt tiegħi u nagħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom. Dawn jiħduhom bħala lsiera u jisirqulhom l-affarijiet. 15  Dan talli għamlu dak li hu ħażin f’għajnejja u baqgħu joffenduni minn dakinhar li missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sal-lum.’” 16  Ukoll, Manasse xerred kwantità kbira ħafna taʼ demm taʼ nies innoċenti sakemm mela lil Ġerusalemm minn naħa s’oħra, minbarra d-dnub li ġiegħel lil Ġuda jidneb billi għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 17  Il-bqija tal-istorja taʼ Manasse, kulma għamel, u d-dnubiet kollha li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 18  Imbagħad Manasse miet u ndifen fil-ġnien tal-palazz tiegħu, il-ġnien t’Użża. U ibnu Amon sar re minfloku. 19  Amon kellu 22 sena meta sar re, u mexxa sentejn f’Ġerusalemm. Ommu kienet Mesullemet bint Ħarus minn Ġotba. 20  Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel missieru Manasse. 21  Hu baqaʼ jaġixxi eżatt bħal missieru, u kompla jaqdi u jmil quddiem l-idoli moqżieża li kien qeda missieru. 22  B’hekk, telaq lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijietu, u ma mexiex fit-triq taʼ Ġeħova. 23  Fl-aħħar, il-qaddejja t’Amon ikkonfoffaw kontrih u qatluh f’daru stess. 24  Imma n-nies tal-pajjiż qatlu lil dawk kollha li kkonfoffaw kontra r-Re Amon u għamlu lil ibnu Ġosija re minfloku. 25  Il-bqija tal-istorja t’Amon u dak li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 26  Għalhekk, difnuh fil-qabar tiegħu fil-ġnien t’Użża, u ibnu Ġosija sar re minfloku.

Noti taʼ taħt

Letteralment “għadda lil ibnu min-nar.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Letteralment “widnejh iżarżru.”
Jew “lenza biċ-ċomb.”