It-Tieni Ktieb tas-Slaten 4:1-44
4 Issa waħda min-nisa tat-tfal tal-profeti għajtet lil Eliżew u qaltlu: “Ir-raġel tiegħi miet, u int taf li hu dejjem irrispetta ħafna lil* Ġeħova. Issa dak li għandna d-dejn miegħu ġie biex jieħu liż-żewġt itfal tiegħi bħala lsiera tiegħu.”
2 Għal dan Eliżew qalilha: “X’nistaʼ nagħmillek? Għidli, x’għandek id-dar?” Hi wiġbitu: “Jien, il-qaddejja tiegħek, m’għandi xejn id-dar ħlief ġarra* żejt.”
3 Imbagħad qalilha: “Mur għand il-ġirien tiegħek kollha u itlobhom reċipjenti vojta. Iġġibx ftit.
4 Imbagħad idħol u agħlaq il-bieb warajk u wara t-tfal tiegħek. Imla dawn ir-reċipjenti, u l-mimlijin warrabhom għalihom.”
5 Għalhekk telqet minn ħdejh.
Meta għalqet il-bieb warajha u wara t-tfal tagħha, huma tawha r-reċipjenti u baqgħet tferraʼ ż-żejt.
6 Meta r-reċipjenti mtlew, qalet lil wieħed mit-tfal: “Ġibli reċipjent ieħor.” Imma qalilha: “Ma baqax iżjed.” Imbagħad iż-żejt ma baqax jiżdied.
7 Għalhekk, marret u qalet b’dan lill-qaddej tal-Alla l-veru, u hu qalilha: “Mur bigħ iż-żejt u ħallas id-dejn tiegħek, u int u t-tfal tiegħek tistgħu tgħixu b’dak li jibqaʼ.”
8 Darba Eliżew mar Sunem, fejn kienet toqgħod mara importanti, u hi insistiet biex jiekol għandha. U kull meta kien jgħaddi minn hemm, kien imur għandha biex jiekol.
9 Għalhekk qalet lil żewġha: “Jien naf li r-raġel li dejjem jgħaddi minn ħdejna huwa qaddej qaddis t’Alla.
10 Jekk jogħġbok, ejja nibnu kamra żgħira fuq il-bejt u nqegħdulu sodda, mejda, siġġu, u gandlier. Imbagħad, kull meta jiġi għandna jkun jistaʼ joqgħod hemmhekk.”
11 Darba mar hemm u telaʼ fil-kamra taʼ fuq il-bejt biex jistrieħ.
12 Imbagħad hu qal lil Geħażi l-qaddej tiegħu: “Għajjat lill-mara Sunamija.” Dan għajtilha, u hi ġiet.
13 Imbagħad qal lil Geħażi: “Jekk jogħġbok għidilha, ‘Int qgħadt titħabat daqshekk għalina. X’nistaʼ nagħmillek? Hemm xi ħaġa li nistaʼ ngħid lir-re jew lill-kap tal-armata għalik?’” Imma t-tweġiba tagħha kienet: “Le, tajba qiegħda kif jien mal-poplu tiegħi.”
14 Allura qal: “Mela x’nistaʼ nagħmlilha?” Geħażi qal: “Li naf hu li m’għandhiex iben, u r-raġel tagħha għandu ż-żmien.”
15 Minnufih qallu: “Erġaʼ għajtilha.” Għalhekk għajtilha, u hi qagħdet fid-daħla tal-bieb.
16 Imbagħad qalilha: “Bħal dan iż-żmien sena, int se tkun qed tgħannaq iben.” Imma hi qalet: “Sidi, int qaddej tal-Alla l-veru. Toqgħodx tigdibli.”
17 Madankollu, il-mara ħarġet tqila u welldet iben bħal dak iż-żmien sena, eżatt kif kien qalilha Eliżew.
18 It-tifel kiber, u darba ħareġ jiltaqaʼ maʼ missieru li kien mal-ħassada.
19 Hu baqaʼ jgħid lil missieru: “Qed tuġagħni rasi!” Imbagħad missieru qal lill-qaddej: “Erfgħu u ħudu għand ommu.”
20 Għalhekk, refgħu u ħadu għand ommu. Hi żammitu fuqha sa nofsinhar, u mbagħad miet.
21 Wara telgħet fuq u medditu fuq is-sodda tal-qaddej tal-Alla l-veru, u għalqet il-bieb u telqet.
22 Hi għajtet lir-raġel tagħha u qalet: “Jekk jogħġbok, ibgħatli wieħed mill-qaddejja u ħmara, u ħallini mmur malajr s’għand il-qaddej tal-Alla l-veru u nerġaʼ lura.”
23 Imma hu qalilha: “Għala sejra għandu llum? Mhuwiex qamar ġdid jew sabat.” Madankollu hi qaltlu: “Toqgħodx tinkwieta, ma ġara xejn.”
24 Għalhekk, ramat il-ħmara u qalet lill-qaddej tagħha: “Ħaffef u tnaqqasx il-pass minħabba fija sakemm ma nkunx għedtlek jien.”
25 Għalhekk marret għand il-qaddej tal-Alla l-veru fuq il-Muntanja Karmel. Malli l-qaddej tal-Alla l-veru raha mill-bogħod, hu qal lil Geħażi l-qaddej tiegħu: “Ara! Dik is-Sunamija.
26 Jekk jogħġbok, mur iġri ltaqaʼ magħha u staqsiha, ‘Kif int? Kif inhuma r-raġel u t-tifel?’” Hi wieġbet: “Kollox sew.”
27 Malli waslet ħdejn il-qaddej tal-Alla l-veru fuq il-muntanja, hi qabditlu saqajh. Għalhekk, Geħażi mar viċin biex iressaqha, imma l-qaddej tal-Alla l-veru qallu: “Ħalliha, għax hi mdejqa ħafna* imma ma nafx għala, għax Ġeħova ma qallix.”
28 Imbagħad hi qalet: “Sidi, jien ma tlabtekx biex ikolli iben. M’għedtlekx jien, ‘Tħallinix nittama għalxejn’?”
29 Minnufih qal lil Geħażi: “Xammar il-libsa maʼ qaddek u aqbad il-bastun tiegħi u mur. Jekk tiltaqaʼ maʼ xi ħadd, issellimlux; u jekk xi ħadd isellimlek, twiġbux. U qiegħed il-bastun tiegħi fuq wiċċ it-tifel.”
30 Għal dan, omm it-tifel qalet: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li m’iniex se nitilqek.” Għalhekk telqu flimkien.
31 Geħażi telaq qabilhom u qiegħed il-bastun fuq wiċċ it-tifel, imma ma kien hemm ebda ħoss jew reazzjoni. Għalhekk, mar lura jiltaqaʼ m’Eliżew u qallu: “It-tifel ma qamx.”
32 Meta Eliżew wasal id-dar, it-tifel kien mejjet fuq is-sodda tiegħu.
33 Hu daħal u għalaq il-bieb tal-kamra. Huma t-tnejn biss kienu fil-kamra. Imbagħad Eliżew beda jitlob lil Ġeħova.
34 Wara, telaʼ fis-sodda u mtedd fuq it-tifel u qiegħed ħalqu maʼ ħalqu, għajnejh m’għajnejh, u l-pali taʼ jdejh mal-pali taʼ jdejh u baqaʼ milwi fuqu. Bil-mod il-mod ġisem it-tifel beda jisħon.
35 Eliżew beda jimxi ’l quddiem u lura fid-dar, u reġaʼ telaʼ fis-sodda u ltewa fuqu. It-tifel għatas sebaʼ darbiet, u wara fetaħ għajnejh.
36 Eliżew issa qal lil Geħażi biex jgħajjat lis-Sunamija. U hu għajtilha u daħlet ħdejh. Imbagħad qalilha: “Hawn hu ibnek.”
37 U hi daħlet u niżlet ħdejn saqajh u mielet fl-art quddiemu, imbagħad refgħet lil binha u ħarġet.
38 Meta Eliżew mar lura Gilgal, kien hemm il-ġuħ fil-pajjiż. It-tfal tal-profeti kienu bilqiegħda quddiemu u hu qal lill-qaddej tiegħu: “Qiegħed il-borma l-kbira fuq in-nar u sajjar naqra soppa għat-tfal tal-profeti.”
39 Għalhekk, wieħed minnhom ħareġ fl-għalqa jiġbor xi ħxejjex, u sab pjanta tal-qaraʼ salvaġġ u qataʼ minnha, u tefagħhom fi ħwejġu. Imbagħad mar lura, qattagħhom, u tefagħhom fil-borma, mingħajr ma kien jaf x’inhuma.
40 Imbagħad servew is-soppa lill-irġiel biex jieklu, u malli ħadu minnha bdew jgħajtu: “Qaddej tal-Alla l-veru, hemm il-velenu fil-borma.” U ma setgħux jikluha.
41 Għalhekk qalilhom: “Ġibu naqra dqiq.” Wara li tefgħu fil-borma hu qal: “Servuha lin-nies.” U m’għamlitilhom ebda ħsara.
42 U wasal raġel minn Bagħal-salisa, u ġab lill-qaddej tal-Alla l-veru 20 ħobża tax-xgħir* mill-ewwel prodott, kif ukoll basket ċereali* ġodda. Imbagħad Eliżew qal: “Agħtuh lin-nies ħa jieklu.”
43 Madankollu, il-qaddej tiegħu qallu: “Ma nistax inservi dan il-ftit ikel quddiem 100 raġel.” Għal dan qallu: “Agħtih lin-nies ħa jieklu, għax hekk qal Ġeħova, ‘Huma se jieklu u jifdal ukoll.’”
44 Għalhekk, poġġieh quddiemhom u kielu, u kien għad fadal, bħalma qal Ġeħova.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “beżaʼ minn.”
^ Jew “ġarra biż-żennuna.”
^ Jew “ruħha mnikkta.”
^ Jew “b’ruħek.”
^ Jiġifieri barley.
^ “Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.”