It-Tieni Ktieb tas-Slaten 7:1-20
7 Issa Eliżew qal, “Isimgħu l-kelma taʼ Ġeħova. Hekk jgħid Ġeħova, ‘Għada madwar dan il-ħin fil-bieb* tas-Samarija, sea* dqiq fin ikun jiswa xekel* u żewġ seat xgħir* ikunu jiswew xekel.’”
2 Imma l-ajjutant li r-re kien jafda qal lill-qaddej tal-Alla l-veru: “Lanqas kieku Ġeħova jiftaħ bibien is-sema ma jkun possibbli dan!”* Għal dan qallu: “Int se tarah b’għajnejk, imma ma tikolx minnu.”
3 Fid-daħla taʼ bieb il-belt kien hemm erbgħa li kellhom il-ġdiem, u qalu lil xulxin: “X’qegħdin nagħmlu bilqiegħda hawn sakemm immutu?
4 Jekk niddeċiedu li nidħlu fil-belt waqt li hemm il-ġuħ, immutu hemm. U jekk noqogħdu hawn, immutu xorta. Mela ejja nidħlu fil-kampijiet tas-Sirjani. Jekk iħalluna ħajjin, ngħixu, imma jekk le, immutu.”
5 Imbagħad, xħin dalam marru lejn il-kampijiet tas-Sirjani. Meta waslu ħdejn il-kampijiet, ma kien hemm ħadd.
6 Dan ġara għax Ġeħova kien ġiegħel lis-Sirjani kkampjati jisimgħu l-ħoss taʼ karrijiet tal-gwerra u żwiemel, il-ħoss t’armata kbira. Għalhekk qalu lil xulxin: “Ir-re t’Iżrael kera lir-rejiet tal-Ħittin u tal-Eġittu biex jiġu kontrina!”
7 Huma qamu minnufih u ħarbu filgħaxija u ħallew it-tined, iż-żwiemel, il-ħmir, u l-kampijiet kollha kif kienu, u ħarbu biex isalvaw.
8 Meta dawk bil-ġdiem waslu ħdejn il-kampijiet, daħlu f’tinda minnhom u bdew jieklu u jixorbu. Huma ħadu minn hemm fidda, deheb, u ħwejjeġ, u marru jaħbuhom. Wara, reġgħu lura u daħlu f’tinda oħra u ħadu xi affarijiet minn hemm ukoll u marru jaħbuhom.
9 Fl-aħħar qalu lil xulxin: “Mhux sew qed nagħmlu. Dan hu jum t’aħbar tajba! Jekk noqogħdu lura u nistennew sa ma jisbaħ, ikun ħaqqna niġu kkastigati. Mela ejja mmorru u ngħidu b’dan lil dar ir-re.”
10 Għalhekk, marru u għajtu lill-għassiesa tal-bibien tal-belt u qalulhom: “Dħalna fil-kampijiet tas-Sirjani, imma ma kien hemm ħadd u ma smajna ’l ħadd. Kien hemm biss iż-żwiemel u l-ħmir marbutin, u t-tined tħallew kif kienu.”
11 Fil-pront, l-għassiesa tal-bibien qalu l-aħbar lin-nies taʼ dar ir-re.
12 Minnufih ir-re qam billejl u qal lill-qaddejja tiegħu: “Ħa ngħidilkom x’għamlu s-Sirjani. Jafu li aħna bil-ġuħ, għalhekk ħarġu mill-kampijiet biex jinħbew fl-għelieqi, għax jaħsbu li aħna se noħorġu mill-belt. Imbagħad jaqbduna ħajjin u jidħlu fil-belt.’”
13 Imbagħad wieħed mill-qaddejja tiegħu qal: “Jekk jogħġbok, ħalli xi rġiel jieħdu ħames żwiemel milli fadal fil-belt. Hekk jew b’hekk xorta se jmutu bħall-folla kollha t’Iżrael li fadal fil-belt. Xorta se jispiċċaw bħall-folla kollha t’Iżrael li nqerdet. Mela ejja nibagħtuhom u naraw.”
14 Għalhekk, ħadu żewġ karrijiet biż-żwiemel, u r-re bagħathom lejn il-kampijiet tas-Sirjani, u qal: “Morru araw.”
15 Huma segwew it-traċċi tas-Sirjani sal-Ġordan. It-triq kollha kienet mimlija ħwejjeġ u għodod li s-Sirjani kienu rmew waqt li ħarbu ppanikjati. Il-messaġġiera marru lura u rrapportaw dan lir-re.
16 Imbagħad in-nies ħarġu u serqu kulma sabu fil-kampijiet tas-Sirjani. B’hekk sea dqiq fin sar jiswa xekel u żewġ seat xgħir saru jiswew xekel, bħalma qal Ġeħova.
17 Ir-re inkariga l-ajjutant li kien jafda biex jieħu ħsieb bieb il-belt, imma n-nies għaffġuh taħt saqajhom f’bieb il-belt u miet, bħalma kien qal il-qaddej tal-Alla l-veru lir-re meta niżel għandu.
18 Ġara eżatt bħalma qal il-qaddej tal-Alla l-veru lir-re: “Għada dal-ħin fil-bieb tas-Samarija, żewġ seat xgħir ikunu jiswew xekel u sea dqiq fin ikun jiswa xekel.”
19 Imma l-ajjutant li r-re kien jafda qal lill-qaddej tal-Alla l-veru: “Lanqas kieku Ġeħova jiftaħ bibien is-sema ma jkun possibbli dan!”* Għal dan qallu: “Int se tarah b’għajnejk, imma ma tikolx minnu.”
20 U ġralu eżatt hekk, għax in-nies għaffġuh taħt saqajhom f’bieb il-belt u miet.
Noti taʼ taħt
^ Jew “fis-suq.”
^ Jiġifieri barley.
^ Letteralment “din il-kelma.”
^ Letteralment “din il-kelma.”