Eżekjel 1:1-28
1 Issa ġara fis-sena tletin, fir-rabaʼ xahar, fil-ħames jum tax-xahar, waqt li kont qalb il-poplu eżiljat+ ħdejn ix-xmara Kebar,+ li s-smewwiet infetħu+ u bdejt nara viżjonijiet t’Alla.+
2 Fil-ħames jum tax-xahar, jiġifieri, fil-ħames sena taʼ l-eżilju tas-Sultan Ġeħojakin,+
3 il-kelma taʼ Ġeħova ġiet+ speċifikament għand Eżekjel+ bin Bużi l-qassis fl-art tal-Kaldin+ ħdejn ix-xmara Kebar, u id Ġeħova ġiet fuqu f’dak il-post.+
4 U bdejt inħares, u rajt riefnu qawwi+ ġej mit-tramuntana, sħaba kbira+ u nar jaqbad,+ u madwarha kien hemm id-dija, u f’nofsu, f’nofs in-nar,+ kien hemm xi ħaġa li tixbah il-metall imħallat mid-deheb u l-fidda.
5 U f’nofsu kien hemm bħal erbaʼ ħlejjaq ħajjin,+ u hekk kienu jidhru: kienu jixbhu lill-bniedem.
6 U kull ħliqa kellha erbaʼ wċuħ,+ u kull waħda kellha erbaʼ ġwienaħ.+
7 Saqajhom kienu dritti, u qiegħ saqajhom kien bħal qiegħ saqajn t’għoġol;+ u kienu jixegħlu bħar-ram aħmar illostrat.+
8 U kellhom idejn taʼ bniedem taħt il-ġwienaħ tagħhom fuq l-erbaʼ naħat tagħhom,+ u l-erbgħa li huma kellhom l-uċuħ tagħhom u l-ġwienaħ tagħhom.+
9 Il-ġwienaħ tagħhom kienu jmissu ġewnaħ maʼ l-ieħor. Ma kinux iduru huma u sejrin; kull waħda kienet tmur dritt ’il quddiem.+
10 U l-erbgħa li huma kellhom wiċċ jixbah lil dak taʼ bniedem+ b’wiċċ taʼ ljun+ fuq il-lemin,+ u l-erbgħa li huma kellhom wiċċ taʼ barri+ fuq ix-xellug;+ u l-erbgħa li huma kellhom ukoll wiċċ t’ajkla.+
11 Hekk kienu l-uċuħ tagħhom. U l-ġwienaħ+ tagħhom kienu miftuħin ’il fuq. Kull ħliqa kellha tnejn imissu maʼ xulxin, u tnejn kienu jgħattulhom ġisimhom.+
12 U kull waħda kienet tmur dritt ’il quddiem.+ Kulfejn l-ispirtu kien iqanqalhom imorru, huma kienu jmorru.+ Ma kinux iduru huma u sejrin.+
13 U l-ħlejjaq ħajjin kienu jidhru qishom ġamar tan-nar.+ Xi ħaġa bħal torċi+ kienet qed tiċċaqlaq lura u ’l quddiem bejn il-ħlejjaq ħajjin, u n-nar kien jiddi, u minn ġon-nar kien ħiereġ il-beraq.+
14 U l-ħlejjaq ħajjin kienu jidhru qishom berqa+ meta kienu jmorru u jiġu lura.
15 Hekk kif bqajt inħares lejn il-ħlejjaq ħajjin, rajt rota fl-art ħdejn il-ħlejjaq ħajjin,+ rota ħdejn kull ħliqa ħajja b’erbaʼ wċuħ.+
16 U r-roti+ bl-għamla tagħhom kienu jidhru qishom qed jixegħlu bħall-krisolitu;+ u l-erbgħa li huma kienu l-istess. U bil-mod kif kienu maħdumin kienu jidhru bħal meta rota tkun f’nofs rota.+
17 Meta kienu jitilqu kienu jmorru fl-erbaʼ naħat rispettivi tagħhom.+ Ma kinux jilwu huma u sejrin.+
18 U ċ-ċrieki tagħhom kienu tal-biżaʼ tant kemm kienu għoljin; u ċ-ċrieki tagħhom kienu mimlijin għajnejn madwarhom l-erbgħa.+
19 U meta l-ħlejjaq ħajjin kienu jitilqu, ir-roti kienu jmorru magħhom, u meta l-ħlejjaq ħajjin kienu jogħlew mill-art, ir-roti kienu jogħlew ukoll.+
20 Kulfejn l-ispirtu kien iqanqalhom imorru, huma kienu jmorru, għax l-ispirtu kien iqanqalhom imorru hemmhekk; u r-roti kienu jogħlew qrib maġenbhom, għax l-ispirtu li kien fuq il-ħlejjaq ħajjin kien fuq ir-roti wkoll.
21 Meta kienu jitilqu, dawn kienu jmorru wkoll; u meta kienu jieqfu, dawn kienu jieqfu wkoll; u meta kienu jogħlew mill-art, ir-roti kienu jogħlew qrib maġenbhom, għax l-ispirtu li kien fuq il-ħlejjaq ħajjin kien fuq ir-roti wkoll.+
22 U fuq l-irjus tal-ħlejjaq ħajjin kien hemm qisha firxa+ tleqq bħal silġ impressjonanti, mifruxa fuq irjushom, ’il fuq minnhom.+
23 U taħt il-firxa l-ġwienaħ tagħhom kienu dritti, ġewnaħ maʼ l-ieħor. U kellhom żewġ ġwienaħ jgħattu naħa waħda u żewġ ġwienaħ jgħattu n-naħa l-oħra taʼ ġisimhom.
24 U smajt il-ħoss tal-ġwienaħ tagħhom, ħoss bħal dak taʼ ilmijiet kbar,+ bħall-ħoss taʼ Dak li Jistaʼ Kollox, huma u sejrin, ħoss t’għagħa,+ bħall-ħoss taʼ kamp tas-suldati.+ Meta kienu jieqfu, kienu jniżżlu l-ġwienaħ tagħhom.
25 U nstemaʼ leħen fuq il-firxa taʼ fuq rashom. (Meta kienu jieqfu, kienu jniżżlu l-ġwienaħ tagħhom.)
26 U fuq il-firxa taʼ fuq rashom kien hemm ħaġa li kienet tidher qisha ħaġra taż-żaffir,+ ħaġa li tixbah lil tron.+ U fuq il-ħaġa li tixbah lil tron kien hemm xi ħadd jidher qisu bniedem,+ fl-għoli.
27 U rajt ħaġa tixgħel bħall-metall imħallat mid-deheb u l-fidda,+ li kienet tidher bħal nar magħluq dawramejt,+ minn dawk li kienu jidhru qishom ġenbejh u ’l fuq; u minn dawk li kienu jidhru qishom ġenbejh u ’l isfel rajt bħal nar, u hu kien imdawwar kollu bid-dija.
28 U kien hemm xi ħaġa qisha l-qawsalla+ li tfiġġ fis-sħab f’jum taʼ xita qawwija. Hekk kienet tidher id-dija dawramejt. Kienet tixbah il-glorja taʼ Ġeħova.+ Meta rajt dan, inxtħett wiċċi fl-art,+ u bdejt nismaʼ l-leħen taʼ wieħed jitkellem.