Eżekjel 3:1-27
3 U qalli: “Bin il-bniedem, dak li ssib, kulu. Kul dan ir-romblu,+ u mur u kellem lil dar Israel.”
2 Għalhekk, ftaħt ħalqi, u tani niekol dan ir-romblu.+
3 U kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, lil żaqqek trid iġġegħelha tiekol, sabiex timla msarnek b’dan ir-romblu li qed nagħtik.” U bdejt nieklu, u kien ħelu bħall-għasel f’ħalqi.+
4 U kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, mur, idħol f’nofs dar+ Israel, u kellimhom bi kliemi.
5 Għax m’intix qed tintbagħat għand poplu b’lingwa li ma tinftihemx+ jew bi lsien+ tqil imma għand dar Israel,
6 mhux għand ħafna popli b’lingwa li ma tinftihemx jew bi lsien tqil, li kliemhom ma tifhmux meta tisimgħu.+ Kieku bgħattek għandhom, dawn kienu jisimgħuk.+
7 Imma taʼ dar Israel mhux se jkunu jridu jisimgħuk, għax ma jridux jisimgħu lili;+ għax dawk kollha taʼ dar Israel għandhom rashom iebsa u qalbhom iebsa.+
8 Ara! Għamiltlek wiċċek iebes eżatt daqs wiċċhom+ u ġbinek iebes eżatt daqs ġbinhom.+
9 Bħal djamant għamilthulek ġbinek, u iebes iktar miż-żnied.+ Tibżax minnhom,+ u tħallix lil wiċċhom iwerwrek,+ għax huma dar ribelluża.”+
10 U kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, il-kliem kollu li se ngħidlek daħħlu f’qalbek+ u isimgħu b’widnejk.
11 U mur, idħol fost il-poplu eżiljat,+ fost ulied il-poplu tiegħek, u kellimhom u għidilhom, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova,’ sew jekk jisimgħu u sew jekk le.”+
12 U spirtu beda jġorrni+ u bdejt nismaʼ warajja l-ħoss taʼ kurrent qawwi:+ “Imbierka tkun il-glorja taʼ Ġeħova minn postu.”+
13 U nstemaʼ l-ħoss tal-ġwienaħ tal-ħlejjaq ħajjin li kienu qed iħabbtu u jmissu maʼ xulxin,+ u l-ħoss tar-roti qrib ħdejhom,+ u l-ħoss taʼ kurrent qawwi.
14 U l-ispirtu ġarrni u ħadni,+ u jien mort mimli mrar u bi spirtu inkorlat, u id Ġeħova fuqi kienet b’saħħitha.+
15 Għalhekk, dħalt fost l-eżiljati f’Tel-abib, li kienu qed jgħammru+ ħdejn ix-xmara Kebar,+ u bdejt ngħammar fejn kienu qed jgħammru huma; u bqajt hemmhekk sebat ijiem, issummat f’nofshom.+
16 U ġara wara sebat ijiem li l-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid:
17 “Bin il-bniedem, għassies għamiltek għal dar Israel,+ u se tismaʼ kliem minn fommi u trid twissihom għalija.+
18 Meta ngħid lil xi ħadd ħażin, ‘Żgur se tmut,’+ u int fil-fatt ma twissihx u ma titkellimx sabiex twissi lill-ħażin dwar triqtu l-ħażina biex iżżommu ħaj,+ billi hu ħażin, hu jmut fl-iżball tiegħu,+ imma demmu nitolbu lura minn idejk.+
19 Madankollu, jekk int tkun wissejt lil xi ħadd ħażin+ u dan ma jdurx lura mill-ħażen tiegħu u minn triqtu l-ħażina, hu jmut għall-iżball tiegħu;+ imma int tkun ħlist lil ruħek.+
20 U meta xi ħadd ġust idur lura mis-sewwa+ tiegħu u jagħmel l-inġustizzja u jien ikolli nqiegħed tfixkil quddiemu,+ hu jmut għax int ma tkunx wissejtu. Għad-dnub tiegħu jmut,+ u l-atti ġusti li jkun għamel ma jitfakkrux,+ imma demmu nitolbu lura minn idejk.+
21 Imma jekk int tkun wissejt lil xi ħadd ġust sabiex il-ġust ma jidnibx,+ u hu fil-fatt ma jidnibx, hu żgur jibqaʼ jgħix għax kien ġie mwissi,+ u int innifsek tkun ħlist lil ruħek.”+
22 U id Ġeħova ġiet fuqi hemmhekk u hu qalli: “Qum, mur lejn il-pjanura fil-wied,+ u nkellmek hemmhekk.”
23 Għalhekk, qomt u mort lejn il-pjanura fil-wied, u l-glorja taʼ Ġeħova kienet wieqfa hemmhekk,+ bħall-glorja li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar,+ u nxtħett wiċċi fl-art.+
24 Imbagħad daħal fija l-ispirtu+ li qajjimni fuq saqajja,+ u hu beda jkellimni u jgħidli:
“Mur ngħalaq f’darek.
25 U lilek, O bin il-bniedem, se jqegħdulek il-ħbula fuqek u jorbtuk bihom sabiex ma tkunx tistaʼ tmur f’nofshom.+
26 U jien inwaħħallek ilsienek mas-saqaf taʼ ħalqek,+ u int timmuta,+ u ma tkunx għalihom raġel li jagħti t-twiddib,+ għax huma dar ribelluża.+
27 U meta nkellmek niftaħlek fommok, u trid tgħidilhom,+ ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova.’ Ħa jismaʼ min irid jismaʼ,+ u min ma jridx, ma jismax, għax huma dar ribelluża.+