Eżekjel 4:1-17
4 “U int, O bin il-bniedem, ħu maduma,* u qegħedha quddiemek u naqqax fuqha belt, iva, lil Ġerusalemm.+
2 U dawwarha b’assedju+ u ibnilha ħajt taʼ l-assedju+ u ibni magħha rampa għall-assedju+ u waqqaf kampijiet kontriha u qiegħed magni li jġarrfu l-ħitan dawramejt magħha.+
3 U ħu pjanċa tal-ħadid, u qegħedha bħala ħajt tal-ħadid bejnek u bejn il-belt, u ċċassa lejha, u din tkun f’assedju, u int tassedjaha. Dan hu sinjal għal dar Israel.+
4 “U mtedd fuq ġenbek tax-xellug, u qiegħed fuqu l-iżball taʼ dar Israel.+ Int iġġorr l-iżball tagħhom skond l-għadd tal-jiem li ddum mimdud fuqu.
5 U jien stess nagħtik is-snin taʼ l-iżball tagħhom,+ skond l-għadd tal-jiem, tliet mija u disgħin jum,+ u int iġġorr l-iżball taʼ dar Israel.
6 U trid ittemmhom kollha.
“U trid terġaʼ timtedd, għat-tieni darba, fuq ġenbek tal-lemin u ġġorr l-iżball taʼ dar Ġuda erbgħin jum.+ Jum għal sena, jum għal sena, tajtek.+
7 U ċċassa lejn l-assedju taʼ Ġerusalemm,+ bi driegħek mikxuf, u pprofetizza kontriha.
8 “U, ara! Se nqiegħed ħbula+ fuqek sabiex ma ddurx minn ġenb għal ieħor, sakemm tkun temmejt il-jiem kollha taʼ l-assedju tiegħek.
9 “U ħu qamħ+ u xgħir u ful+ u għads+ u millieġ u spelta,*+ u qegħedhom f’borma waħda u agħmilhom ħobż għalik, tul il-jiem li se tkun mimdud fuq ġenbek; tliet mija u disgħin jum iddum tiekol minnu.+
10 U l-ikel tiegħek tieklu bl-użin—għoxrin xekel kuljum.+ U tiekol minnu minn ħin għal ieħor.
11 “U tixrob ilma biss bil-qjies, parti minn sitta taʼ ħinn. U tixrob minn ħin għal ieħor.
12 “U tieklu bħala ftira tax-xgħir;+ u taħmiha quddiem għajnejhom fuq biċċiet nexfin tal-ħmieġ+ tal-bniedem.”
13 U Ġeħova kompla jgħid: “Hekk se jieklu ħobżhom mhux nadif+ ulied Israel fost il-ġnus fejn se nxerridhom.”+
14 U jien għedt: “Jaħasra, O Mulej Sovran Ġeħova! Ara! Ruħi m’hijiex imniġġsa;+ lanqas ma kilt xi ġisem li kien diġà mejjet jew xi annimal maħtuf minn mindu kont żgħir s’issa,+ u f’ħalqi ma daħal l-ebda laħam imniġġes.”+
15 Għaldaqstant qalli: “Ara, tajtek demel tal-baqar minflok biċċiet nexfin taʼ ħmieġ tal-bniedem, u aħmi ħobżok fuqu.”
16 U kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, ara, f’Ġerusalemm qed inkisser il-bsaten li jdendlu l-ftajjar magħhom,+ u huma jkollhom jieklu l-ħobż bl-użin u bl-ansjetà,+ u se jixorbu l-ilma bil-qjies u bit-twerwir,+
17 sabiex b’hekk jonqoshom il-ħobż u l-ilma u jħarsu mbellhin lejn xulxin u jitmermru fl-iżball tagħhom.+
Noti taʼ taħt
^ Dan ġeneralment jirreferi għal briks magħmulin minn tiben u tajn jew tafal.