Eżekjel 7:1-27
7 U l-kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi tgħid:
2 “U int, O bin il-bniedem, hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova lill-art taʼ Israel, ‘Ġie tmiem, it-tmiem, fuq l-erbat itruf tal-pajjiż.+
3 Issa t-tmiem hu fuqek,+ u se nibgħat ir-rabja tiegħi kontrik, u se niġġudikak skond triqatek+ u nġib fuqek l-affarijiet mistkerrhin kollha tiegħek.
4 U għajnejja ma jitħassrukx,+ u ma nagħdrekx, għax triqatek inġibhom fuqek stess, u l-affarijiet mistkerrhin tiegħek jiġu f’nofsok;+ u intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’+
5 “Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Ġej gwaj, gwaj mhux tas-soltu. Ara, ġej!+
6 Ġej tmiem.+ It-tmiem ġej; se jistenbaħ biex jiġi għalik. Ara! Ġej.+
7 Il-girlanda tal-gwaj ġejja għandek, O abitant tal-pajjiż, iż-żmien se jasal, il-jum fil-qrib.+ Hemm konfużjoni minflok l-għajat tal-muntanji.
8 “‘Issa dalwaqt inferraʼ l-korla tiegħi fuqek,+ u ntemm ir-rabja tiegħi fuqek,+ u niġġudikak skond triqatek+ u l-affarijiet mistkerrhin kollha tiegħek inġibhom fuqek.
9 U għajnejja ma jitħassrukx+ u ma nagħdrekx.+ Triqatek se nġibhom fuqek stess, u l-affarijiet mistkerrhin tiegħek se jiġu f’nofsok;+ u intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova, dak li qed insawwatkom.+
10 “‘Ara! Il-jum! Ara! Ġej.+ Il-girlanda tal-gwaj ħarġet.+ Il-ħatar warrad.+ Il-prużunzjoni nibtet.+
11 Il-vjolenza kibret u saret ħatar tal-ħażen.+ U la l-għana tagħhom, la huma nfushom, u lanqas il-prominenza tagħhom ma se jeħilsuhom mill-kastig.
12 Iż-żmien ġej, il-jum se jasal. U ħa ma jifraħx ix-xerrej;+ u ħa ma jitnikkitx il-bejjiegħ, għax is-saħna qiegħda kontra l-kotra tagħhom kollha.
13 Għax il-bejjiegħa mhux se jerġgħu lura għal dak li biegħu, waqt li jkunu għadhom ħajjin; għax il-viżjoni hi għall-kotra tagħhom kollha. Ħadd ma jerġaʼ lura, u ħadd ma jistaʼ jsalva ħajtu bl-iżball li jagħmel.
14 “‘Daqqew it-trumbetta+ u kulħadd ipprepara ruħu, imma ħadd m’hu sejjer għall-battalja, għax is-saħna tiegħi qiegħda kontra l-kotra tagħhom kollha.+
15 Is-sejf+ qiegħed barra, u l-pesta u l-ġuħ ġewwa.+ Kulmin ikun fl-għalqa jmut bis-sejf, u kulmin ikun fil-belt jinbelaʼ mill-ġuħ u l-pesta.+
16 U l-maħrubin tagħhom jaħarbu+ u fuq il-muntanji jsiru bħall-ħamiem tal-widien,+ li kollha jokorbu, kull wieħed minħabba l-iżball tiegħu.
17 U l-idejn kollha jintelqu;+ u l-irkopptejn kollha jqattru l-ilma.*+
18 U huma tħażżmu bl-ilbies taʼ l-ixkora,+ u nksew bir-rogħda;+ u fuq l-uċuħ kollha tidher il-mistħija+ u rjushom kollha qargħin.+
19 “‘Fit-toroq għad jitfgħu l-fidda tagħhom, u d-deheb tagħhom għad isir xi ħaġa mistmerra. La l-fidda u lanqas id-deheb tagħhom ma se jkunu jistgħu jeħilsuhom f’jum il-qilla taʼ Ġeħova.+ Ruħhom ma jxebbgħuhiex, u msarinhom ma jimlewhomx, għax dan sar tfixkil għalihom u kkaġuna l-iżball tagħhom.+
20 Tkabbru bil-ġmiel tat-tiżjin tagħhom; huma użaw il-fidda u d-deheb biex jagħmlu xbihat mistkerrhin,+ l-affarijiet moqżieża tagħhom.+ Għalhekk, nagħmilhomlhom ħaġa mistmerra għalihom.+
21 U nagħtihom f’id l-istranġieri biex jaħtfuhomlhom u lill-ħżiena taʼ l-art biex jiħduhomlhom bħala priża,+ u jipprofanawhom.
22 “‘U jkolli ndawwar wiċċi lil hinn minnhom,+ u huma jipprofanaw il-post moħbi tiegħi, u fih jidħlu l-ħallelin u jipprofanawh.+
23 “‘Agħmel il-katina,+ għax il-pajjiż imtela b’ġudizzju mtebbaʼ bid-demm+ u l-belt imtliet bil-vjolenza.+
24 U jien indaħħal l-agħar nies tal-ġnus,+ u huma jiħdulhom djarhom,+ u ntemm il-kburija taʼ dawk b’saħħithom,+ u s-santwarji tagħhom jiġu profanati.+
25 Ikun hemm diqa, u jipprovaw ifittxu l-paċi imma ma jkun hemm ebda paċi.+
26 Jiġi għawġ fuq għawġ,+ u jkun hemm rapport fuq rapport, u n-nies ifittxu viżjoni mingħand profeta,+ u l-liġi tgħib mingħand il-qassis u l-pariri mingħand ix-xjuħ.+
27 Is-sultan stess ikun imnikket;+ u kap ewlieni jinħakem mid-disprament,+ u minħabba t-taħwid idejn in-nies tal-pajjiż jitriegħdu. Jien naġixxi magħhom skond triqithom,+ u bil-ġudizzji tagħhom niġġudikahom;+ u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”+
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri, għax jagħmlu taħthom bil-biżaʼ.