Eżodu 12:1-51
12 Ġeħova issa qal lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu:
2 “Dan ix-xahar ikun l-ewwel wieħed mix-xhur tas-sena għalikom.
3 Kellem lill-Iżraelin kollha, u għidilhom, ‘Fl-għaxar jum taʼ dan ix-xahar kull wieħed għandu jieħu ħaruf għad-dar taʼ missieru, ħaruf għal kull dar.
4 Imma jekk in-nies tad-dar ikunu ftit wisq biex jieklu l-ħaruf, imbagħad huma u l-iktar ġar qrib tagħhom* għandhom jaqsmuh bejniethom f’darhom skont kemm ikunu nies. Meta tikkalkulaw, araw kemm se jiekol kull wieħed minnkom mill-ħaruf.
5 Dan irid ikun bla difett, raġel, u taʼ sena. Minflok ħaruf tistgħu tagħżlu gidi.
6 Tridu tieħdu ħsiebu sal-14 taʼ dan ix-xahar, u l-kongregazzjoni kollha t’Iżrael trid toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam.
7 Iridu jieħdu ftit mid-demm u jċappsuh maż-żewġ koxox tal-bieb u mal-parti taʼ fuq tal-bieb tad-dar fejn se jikluh.
8 “‘Il-laħam iridu jikluh dak il-lejl. Għandhom jixwuh bin-nar u jikluh mal-ħobż bla ħmira u l-ħxejjex morri.
9 Tieklu xejn minnu nej jew mgħolli, imma ixwuh, b’rasu, saqajh,* u l-intern tiegħu.
10 Ma tridu żżommu xejn minnu għal filgħodu, imma dak li jifdal sa filgħodu għandkom taħarquh.
11 Għandkom tikluh biċ-ċinturin tagħkom maqful,* bis-sandli f’saqajkom, u bil-bastun tagħkom f’idkom. Tridu tikluh bl-għaġla. Dan hu l-Qbiż taʼ Ġeħova.
12 Għax dak il-lejl se ngħaddi mill-art kollha tal-Eġittu u noqtol lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu, minn bniedem sa bhima. U niġġudika lill-allat kollha tal-Eġittu. Jien Ġeħova.
13 Id-demm ikun sinjal fuq id-djar fejn tkunu. Jien nara d-demm u naqbiżkom, u l-kastig ma jiġix fuqkom biex jeqridkom meta nikkastiga l-art tal-Eġittu.
14 Dan il-jum ikun taʼ tifkira għalikom, u għandkom tiċċelebrawh bħala festa lil Ġeħova. Dan għandkom tiċċelebrawh matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. Din hi liġi għal żmien twil.
15 Għal sebat ijiem għandkom tieklu ħobż bla ħmira. Iva, fl-ewwel jum għandkom tneħħu l-għaġina bil-ħmira minn djarkom, għaliex kull min jiekol xi ħaġa li fiha l-ħmira, mill-ewwel jum sas-sebaʼ jum, dan* għandu jiġi maqtul.*
16 Fl-ewwel jum agħmlu konvenzjoni qaddisa, u fis-sebaʼ jum agħmlu konvenzjoni qaddisa oħra. M’għandu jsir ebda xogħol f’dawn il-jiem. Tistgħu tippreparaw biss dak li kull persuna jkollha bżonn tiekol.
17 “‘Tridu tiċċelebraw il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, għax f’dan il-jum stess, jien se noħroġ lill-poplu kbir* tagħkom mill-art tal-Eġittu. U tridu tiċċelebraw dan il-jum matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. Din hi liġi għal żmien twil.
18 Fl-14 tal-ewwel xahar, filgħaxija, għandkom tieklu ħobż bla ħmira sal-21 tax-xahar, filgħaxija.
19 Għal sebat ijiem ebda għaġina bil-ħmira m’għandha tinstab fi djarkom, għax jekk xi ħadd jiekol xi ħaġa bil-ħmira, sew jekk ikun barrani u sew jekk ikun twieled fil-pajjiż, dan* għandu jiġi maqtul.*
20 M’għandkom tieklu xejn li fih il-ħmira. Għandkom tieklu ħobż bla ħmira fid-djar tagħkom kollha.’”
21 Mosè minnufih għajjat lill-anzjani* kollha t’Iżrael u qalilhom: “Morru u agħżlu annimal* mill-merħla għal kull familja tagħkom, u oqtlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż.
22 U tridu tbillu qatta żuf* fid-demm li jkun fi skutella u ċċappsu l-parti taʼ fuq tal-bieb u ż-żewġ koxox tal-bieb bid-demm. Ħadd minnkom m’għandu joħroġ mill-bieb taʼ daru sa filgħodu.
23 Imbagħad meta Ġeħova jgħaddi biex jikkastiga lill-Eġizzjani u jara d-demm fuq il-parti taʼ fuq tal-bieb u fuq iż-żewġ koxox tal-bieb, Ġeħova żgur li jaqbeż il-bieb. Hu mhux se jħalli l-kastig tal-mewt* joqtol lil xi ħadd li qiegħed fi djarkom.
24 “Intom tridu tiċċelebraw din il-festa. Din hi regola għalikom u għat-tfal tagħkom għal żmien twil.
25 U meta tidħlu fl-art li Ġeħova qal li se jagħtikom, tridu tibqgħu tiċċelebraw din il-festa.
26 U meta t-tfal tagħkom jistaqsukom, ‘Xi tfisser għalikom din il-festa?’
27 intom għandkom tgħidulhom, ‘Din il-festa hi s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova, li qabeż id-djar tal-Iżraelin fl-Eġittu meta kkastiga lill-Eġizzjani, imma ħeles lil djarna.’”
Imbagħad in-nies mielu u nxteħtu fl-art.
28 Għalhekk, l-Iżraelin marru u għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè u lil Aron. Għamlu preċiż hekk.
29 U f’nofsillejl, Ġeħova qatel lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu, mill-ewwel imwieled tal-Fargħun li kien qed imexxi, sal-ewwel imwieled tal-ilsir li kien fil-ħabs,* u lil kull l-ewwel ferħ tal-annimali.
30 Dak il-lejl, il-Fargħun qam flimkien mal-qaddejja kollha tiegħu u l-Eġizzjani l-oħrajn kollha, u kien hemm biki kbir fost l-Eġizzjani, għaliex ma kienx hemm dar li fiha ma mietx xi ħadd.
31 Minnufih il-Fargħun għajjat lil Mosè u lil Aron billejl u qalilhom: “Morru, oħorġu minn qalb il-poplu tiegħi, kemm intom u kemm l-Iżraelin l-oħrajn. Morru aqdu lil Ġeħova bħalma għedtu.
32 Ħudu wkoll l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar u morru bħalma għedtu. Imma tridu wkoll tberkuni.”
33 U l-Eġizzjani bdew iħeġġu lin-nies sabiex jitilqu mill-pajjiż malajr kemm jistaʼ jkun u qalulhom: “Jekk ma titilqux, se nispiċċaw immutu kollha!”
34 Għalhekk, in-nies ġarrew l-għaġina bla ħmira, u ħadu l-iskutelli* mgeżwrin fil-ħwejjeġ tagħhom fuq spallithom.
35 L-Iżraelin għamlu bħalma kien qalilhom Mosè u talbu lill-Eġizzjani biex jagħtuhom oġġetti tal-fidda u tad-deheb, kif ukoll xi ħwejjeġ.
36 Ġeħova ġiegħel lill-Eġizzjani jħennu għall-poplu tiegħu, u b’hekk tawhom dak li talbu, u huma ħadu r-rikkezzi tal-Eġizzjani.
37 Imbagħad, l-Iżraelin telqu minn Ramesses għal Sukkot. Kien hemm madwar 600,000 raġel bil-mixi, minbarra t-tfal.
38 U magħhom marru wkoll ħafna barranin,* kif ukoll ħafna nagħaġ, mogħoż, u baqar.
39 U bdew jaħmu l-għaġina li kienu ħadu mill-Eġittu u jagħmluha ftajjar bla ħmira. Din ma kellhiex ħmira għax tant tkeċċew malajr mill-Eġittu li ma ppreparawx ikel ieħor għal magħhom.
40 Sa dakinhar li telqu mill-Eġittu, l-Iżraelin kienu għexu 430 sena bħala barranin.
41 Fl-aħħar jum tal-430 sena, in-nies* kollha taʼ Ġeħova ħarġu mill-art tal-Eġittu.
42 F’dak il-lejl, Ġeħova ħareġ lill-Iżraelin mill-art tal-Eġittu. Dan il-lejl għandu jiġi ċċelebrat għal Ġeħova mill-Iżraelin u l-ġenerazzjonijiet tagħhom kollha.
43 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Din hi l-liġi tal-Qbiż: Ebda barrani ma jistaʼ jiekol mill-ikla tal-Qbiż.
44 Imma jekk xi ħadd għandu lsir li ġie mixtri bil-flus, tridu tagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni. B’hekk biss ikun jistaʼ jiekol minnha.
45 L-immigrant u l-ħaddiem mikri ma jistgħux jieklu minnha.
46 F’dar waħda jrid jittiekel il-ħaruf. Toħorġu xejn mil-laħam ’il barra mid-dar, u tiksrulu ebda għadma.
47 Il-ġemgħa kollha t’Iżrael għandha tiċċelebra l-Qbiż.
48 Jekk barrani li jgħix miegħek ikun irid jiċċelebra l-Qbiż lil Ġeħova, għandu jiġi ċirkonċiż kull raġel u tifel taʼ daru. B’hekk biss ikun jistaʼ jiċċelebrah, u hu jsir bħal wieħed li twieled fil-pajjiż. Imma ebda raġel mhux ċirkonċiż ma jistaʼ jiekol mill-ikla tal-Qbiż.
49 Liġi waħda jkun hemm għal dak li twieled fil-pajjiż u għall-barrani li qed jgħix f’nofskom.”
50 Għalhekk, l-Iżraelin kollha għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè u lil Aron. Għamlu preċiż hekk.
51 Dakinhar stess, Ġeħova ħareġ lill-Iżraelin kollha* mill-art tal-Eġittu.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “hu u l-iktar ġar qrib tiegħu.”
^ Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
^ Letteralment “b’ġenbejkom imħażżmin.”
^ Jew “ruħu.”
^ Jew “maqtugħ minn m’Iżrael.”
^ Letteralment “l-armati.”
^ Jew “ruħu.”
^ Jew “maqtugħ minn mal-ġemgħa t’Iżrael.”
^ Jiġifieri ħaruf jew gidi.
^ Letteralment “ir-rovina.”
^ Letteralment “fid-dar tal-ġiebja.”
^ Jew “mejjilli li kienu jagħġnu l-ħobż fihom.”
^ Jiġifieri grupp taʼ wħud mhux Iżraelin, inkluż Eġizzjani.
^ Letteralment “l-armati.”
^ Letteralment “lit-tfal t’Iżrael flimkien mal-armati tagħhom.”