Eżodu 13:1-22
13 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu:
2 “Qaddisli* kull l-ewwel iben fost l-Iżraelin. L-ewwel raġel li jitwieled* taʼ kull bniedem u annimal ikun tiegħi.”
3 Imbagħad Mosè qal lin-nies: “Ftakru dan il-jum li fih ħriġtu mill-Eġittu, l-art fejn kontu lsiera,* għaliex b’id b’saħħitha Ġeħova ħariġkom minn hawnhekk. Għalhekk, ma jistaʼ jittiekel xejn li fih il-ħmira.
4 Intom ħriġtu mill-Eġittu llum, fix-xahar taʼ Abib.*
5 Meta Ġeħova jdaħħalkom fl-art tal-Kangħanin, tal-Ħittin, tal-Amurrin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin, l-art li ħalef lil missirijietkom li se jagħtikom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, imbagħad tridu tibqgħu tagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni f’dan ix-xahar.
6 Tridu tieklu ħobż bla ħmira għal sebat ijiem, u fis-sebaʼ jum issir festa għal Ġeħova.
7 Tridu tieklu ħobż bla ħmira f’dawn is-sebat ijiem, u m’għandu jinstab xejn għandkom li fih il-ħmira, u ebda għaġina bil-ħmira m’għandha tinstab fit-territorju* kollu tagħkom.
8 U dakinhar tridu tgħidu lit-tfal tagħkom, ‘Dan qed nagħmluh minħabba dak li Ġeħova għamel magħna meta ħriġna mill-Eġittu.’
9 Din iċ-ċelebrazzjoni għandha tfakkarkom f’dik il-ġrajja bħallikieku kienet miktuba fuq idkom u fuq moħħkom,* sabiex il-liġi taʼ Ġeħova tkun fuq xofftejkom. Għax b’id b’saħħitha Ġeħova ħariġkom mill-Eġittu.
10 Tridu ssegwu dawn l-istruzzjonijiet u tagħmlu din il-festa fiż-żmien li għandha ssir kull sena.
11 “Meta Ġeħova jdaħħalkom fl-art tal-Kangħanin, li kien ħalef lilkom u lil missirijietkom li jagħtikom,
12 tridu tiddedikaw lil Ġeħova lil kull l-ewwel iben,* kif ukoll lil kull l-ewwel ferħ maskil mill-bhejjem li tiksbu. Dawn ikunu taʼ Ġeħova.
13 Lil kull l-ewwel ferħ taʼ ħmar tridu tifduh* billi tissagrifikaw nagħġa, u jekk ma tifduhx, tridu tiksrulu għonqu. U tridu tifdu lil kull l-ewwel tifel mit-tfal tagħkom billi tixtruh lura.
14 “U jekk it-tfal tagħkom iktar tard jistaqsukom għala tagħmlu dan, tridu tgħidulhom, ‘B’id b’saħħitha Ġeħova ħariġna mill-Eġittu, l-art fejn konna lsiera.
15 Meta l-Fargħun webbes rasu u ma riedx jibgħatna, Ġeħova qatel lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu, mill-ewwel imwieled tal-bniedem sal-ewwel ferħ tal-bhejjem. Huwa għalhekk li qed noffru lil Ġeħova lil kull l-ewwel ferħ maskil,* u qed nifdu lil kull l-ewwel imwieled mit-tfal tagħna.’
16 Dan għandu jfakkarkom f’din il-ġrajja bħallikieku kienet miktuba fuq idkom u fuq moħħkom,* għax b’id b’saħħitha Ġeħova ħariġna mill-Eġittu.”
17 Issa meta l-Fargħun bagħat lin-nies, Alla m’għaddihomx mit-triq li tagħti għall-art tal-Filistin għalkemm kienet qrib. Għax Alla qal: “In-nies jistaʼ jerġaʼ jibdielhom meta jiffaċċjaw gwerra, u b’hekk imorru lura lejn l-Eġittu.”
18 Għalhekk, Alla ġiegħel lin-nies jiħduha bid-dawra mit-triq li tagħti għad-deżert tal-Baħar l-Aħmar. U l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu b’mod organizzat, bħal gruppi taʼ suldati.
19 U Mosè ħa miegħu l-għadam taʼ Ġużeppi, għaliex dan kien qal lit-tfal t’Iżrael: “Alla żgur li se jgħinkom u joħroġkom minn din l-art. Aħilfuli li meta jagħmel hekk, tieħdu magħkom l-għadam tiegħi minn hawnhekk.”
20 U telqu minn Sukkot u kkampjaw f’Etam, f’tarf id-deżert.
21 U Ġeħova kien jgħaddi quddiemhom f’kolonna tas-sħab matul il-jum sabiex imexxihom fit-triq, u f’kolonna tan-nar billejl ħalli jagħtihom id-dawl. B’hekk, setgħu jivvjaġġaw matul il-jum u l-lejl.
22 Il-kolonna tas-sħab kienet tibqaʼ quddiem in-nies il-jum kollu u l-kolonna tan-nar kienet tibqaʼ l-lejl kollu.
Noti taʼ taħt
^ Jew “Warrab għalija.”
^ Letteralment “kull l-ewwel imwieled li jiftaħ kull ġuf.”
^ Letteralment “id-dar tal-ilsiera.”
^ Letteralment “fil-fruntieri.”
^ Letteralment “bejn għajnejkom.”
^ Letteralment “kull min jiftaħ il-ġuf.”
^ Letteralment “kulma jiftaħ il-ġuf.”
^ Letteralment “bejn għajnejkom.”