Eżodu 16:1-36
16 Wara li telqu minn Elim, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin fl-aħħar waslet fid-deżert taʼ Sin, li qiegħed bejn Elim u s-Sinaj, fil-15 tat-tieni xahar wara li ħarġu mill-art tal-Eġittu.
2 Imbagħad il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin bdiet tgerger kontra Mosè u Aron fid-deżert.
3 L-Iżraelin kienu jgħidulhom: “Mhux li mitna b’id Ġeħova fl-art tal-Eġittu waqt li konna bilqiegħda ħdejn il-borom tal-laħam, nieklu l-ħobż sakemm nixbgħu. Imma issa intom ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu lil din il-kongregazzjoni kollha bil-ġuħ.”
4 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Se nibagħtilkom xita taʼ ħobż mis-sema, u kull persuna trid toħroġ tiġbor l-ammont tagħha għal dak il-jum, sabiex nara jekk jimxux mal-liġi tiegħi jew le.
5 Imma fis-sitt jum, għandkom tiġbru d-doppju li tiġbru s-soltu f’ġurnata u tippreparawh minn qabel.”
6 Għalhekk, Mosè u Aron qalu lill-Iżraelin kollha: “Filgħaxija żgur li tkunu tafu li kien Ġeħova li ħariġkom mill-art tal-Eġittu.
7 Filgħodu taraw il-glorja taʼ Ġeħova, għaliex Ġeħova semaʼ t-tgergir tagħkom kontrih. Imma aħna min aħna biex tgergru kontrina?”
8 Mosè kompla jgħid: “Meta Ġeħova jagħtikom il-laħam x’tieklu filgħaxija u ħobż sakemm tixbgħu filgħodu, intom taraw li Ġeħova semaʼ t-tgergir tagħkom kontrih. Imma aħna min aħna? It-tgergir tagħkom mhux kontrina, imma kontra Ġeħova.”
9 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Għid lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin biex jinġabru quddiem Ġeħova, għaliex hu semaʼ t-tgergir tagħhom.”
10 Malli Aron kellem lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin, dawn daru jħarsu lejn id-deżert, u hemmhekk dehret il-glorja taʼ Ġeħova fis-sħaba.
11 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:
12 “Smajt it-tgergir tal-Iżraelin. Għidilhom, ‘Bejn inżul ix-xemx u d-dlam tieklu l-laħam u filgħodu tixbgħu bil-ħobż. U żgur li tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”
13 Għalhekk, dik il-lejla ġie s-summien u għatta l-kampijiet. Filgħodu kien hemm in-nida madwar il-kampijiet kollha
14 u meta evaporat, kien hemm xi ħaġa fina li titfarrak fuq wiċċ id-deżert, fina bħas-silġ fuq l-art.
15 Meta l-Iżraelin rawha, bdew jgħidu lil xulxin: “Din x’inhi?” għax ma kinux jafu. U Mosè qalilhom: “Dan hu l-ħobż li Ġeħova takom bħala ikel.
16 Dan hu li kkmanda Ġeħova, ‘Kull persuna trid tiġbor minnu skont kemm għandha bżonn. Għandkom tiġbru kejl tal-għomer* għal kull individwu skont kemm hemm nies* fit-tinda tagħkom.’”
17 U l-Iżraelin bdew jagħmlu hekk, min ġabar ħafna u min ġabar ftit.
18 Meta kejluh bl-għomer, min ġabar ħafna ma kellux iżżejjed u min ġabar ftit ma kellux in-nieqes. Kull wieħed ġabar skont kemm kellu bżonn.
19 Imbagħad Mosè qalilhom: “Ħadd m’għandu jħalli minnu għal filgħodu.”
20 Imma huma ma semgħux minn Mosè. Meta xi wħud ħallew ftit minnu għal filgħodu, dan dewwed u niten, u Mosè ħassu rrabjat għalihom.
21 U kienu jiġbru minnu kull filgħodu, kull wieħed skont kemm ikollu bżonn. Meta x-xemx kienet tisħon, dak li jifdal minnu fl-art kien idub.
22 Fis-sitt jum ġabru d-doppju ħobż, żewġ kejlijiet tal-għomer għal kull persuna. Għalhekk, il-kapijiet kollha tal-ġemgħa marru għand Mosè u qalulu b’dan.
23 U hu qalilhom: “Ġeħova qal li għada hu jum li fih tistrieħu għalkollox,* sabat qaddis għal Ġeħova. Dak li għandkom bżonn taħmu, aħmuh, u dak li għandkom bżonn tgħallu, għalluh. Imbagħad dak kollu li jkun fadal erfgħuh u żommuh sa filgħodu.”
24 Għalhekk, refgħuh għal filgħodu, bħalma kien ikkmanda Mosè, u la niten u lanqas dewwed.
25 Imbagħad Mosè qalilhom: “Kuluh illum, għaliex illum hu sabat għal Ġeħova. Illum ma ssibuhx fl-art.
26 Għal sitt ijiem tiġbruh, imma fis-sebaʼ jum, fis-Sabat, ma jkunx hemm.”
27 Madankollu, fis-sebaʼ jum xi wħud ħarġu biex jiġbruh, imma ma sabu xejn.
28 Allura Ġeħova qal lil Mosè: “Kemm se ddumu ma tobdux il-kmandamenti u l-liġijiet tiegħi?
29 Żommu f’moħħkom li Ġeħova takom is-Sabat. Huwa għalhekk li fis-sitt jum qed jagħtikom il-ħobż għal jumejn. Kulħadd irid jibqaʼ fejn hu; ħadd m’għandu joħroġ minn fejn ikun fis-sebaʼ jum.”
30 Għalhekk in-nies straħu fis-sebaʼ jum, jiġifieri fis-Sabat.
31 In-nies t’Iżrael semmew dan il-ħobż “manna.”* Din kienet bajda bħaż-żerriegħa tal-kosbor, u t-togħma tagħha kienet bħall-ħobż bl-għasel.
32 Imbagħad Mosè qal: “Dan ikkmanda Ġeħova, ‘Imlew kejl tal-għomer minnu u żommuh, ħalli l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu jistgħu jaraw il-ħobż li tajtkom biex tieklu fid-deżert meta kont qed noħroġkom mill-art tal-Eġittu.’”
33 Għalhekk, Mosè qal lil Aron: “Aqbad ġarra u poġġi fiha kejl tal-għomer manna u qegħedha quddiem Ġeħova sabiex tinżamm matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.”
34 Aron qegħedha quddiem it-Testimonjanza* sabiex tibqaʼ merfugħa, bħalma Ġeħova kkmanda lil Mosè.
35 L-Iżraelin kielu l-manna għal 40 sena, sakemm waslu f’art fejn kienu jgħixu n-nies. Kielu l-manna sakemm waslu fil-fruntiera tal-art taʼ Kangħan.
36 Għomer hu għaxra fil-100 taʼ kejl t’efa.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “erwieħ.”
^ Jew “tosservaw is-sabat.”
^ Aktarx ġejja mill-espressjoni Ebrajka “man hu’?” li tfisser “X’inhu?”
^ Milli jidher din kienet kaxxa li fiha kienu jinżammu dokumenti importanti.