Eżodu 9:1-35

  • Il-ħames kastig: imutu l-bhejjem (1-7)

  • Is-sitt kastig: l-imsiemer fuq in-nies u l-bhejjem (8-12)

  • Is-sebaʼ kastig: is-silġ (13-35)

    • Il-Fargħun se jara l-qawwa t’Alla (16)

    • Isem Ġeħova se jiġi mxandar (16)

9  Għalhekk, Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun u għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova, l-Alla tal-Lhud: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni.  Imma jekk tibqaʼ żżommhom u ma tibgħathomx,  Ġeħova se jikkastiga l-bhejjem tiegħek li hemm fl-għelieqi. Ikun hemm mard qerriedi fuq iż-żwiemel, il-ħmir, l-iġmla, u l-imrieħel tal-baqar u tan-nagħaġ.  U Ġeħova żgur li se jittratta l-bhejjem t’Iżrael b’mod differenti minn tal-Eġizzjani, u xejn minn dak li hu tal-Iżraelin ma jmut.”’”  Iktar minn hekk, Ġeħova għażel żmien u qal: “Għada jien, Ġeħova, se nagħmel dan fil-pajjiż.”  U l-għada stess Ġeħova għamel dan, u kull xorta taʼ bhima tal-Eġittu bdiet tmut, imma lanqas waħda mill-bhejjem tal-Iżraelin ma mietet.  Meta l-Fargħun bagħat lill-qaddejja tiegħu biex jiċċekkjaw, lanqas waħda mill-bhejjem t’Iżrael ma kienet mietet. Minkejja dan, qalb il-Fargħun baqgħet ma tqanqlitx, u lin-nies ma bagħathomx.  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Imlew idejkom it-tnejn bl-irmied minn forn, u Mosè jrid jitfgħu fl-arja quddiem il-Fargħun.  U dan isir trab fin fuq l-art kollha tal-Eġittu, u jsir imsiemer imdennija fuq in-nies u l-bhejjem fl-art kollha tal-Eġittu.” 10  Għalhekk, ħadu l-irmied minn forn u qagħdu quddiem il-Fargħun, u Mosè tefgħu fl-arja, u sar imsiemer imdennija fuq in-nies u l-bhejjem. 11  U l-qassisin li kienu jagħmlu l-maġija ma setgħux imorru quddiem Mosè minħabba l-imsiemer, għaliex kemm huma u kemm l-Eġizzjani kollha mtlew bl-imsiemer. 12  Imma Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes rasu,* u dan ma semax minnhom, eżatt bħalma Ġeħova kien qal lil Mosè. 13  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qum kmieni filgħodu u mur quddiem il-Fargħun, u għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova, l-Alla tal-Lhud: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni. 14  Għax issa qed nibgħat il-kastigi kollha tiegħi kontrik, kontra l-qaddejja tiegħek, u l-poplu tiegħek, sabiex tkun taf li m’hemm ħadd bħali fl-art kollha. 15  Għax s’issa stajt użajt il-qawwa tiegħi biex nikkastiga lilek u lill-poplu tiegħek b’mard qerriedi, u int kont titqaċċat* minn fuq l-art. 16  Imma jien ħallejtek ħaj biex nurik il-qawwa tiegħi u biex ismi jixxandar fl-art kollha. 17  Int għadek qed taġixxi b’arroganza mal-poplu tiegħi billi ma tibagħtux. 18  Għalhekk, għada bħalissa se nġiegħel li jinżel silġ bil-qliel, li bħalu qatt ma kien hemm fl-Eġittu. 19  Allura għid lill-qaddejja tiegħek iġibu għall-kenn il-bhejjem kollha tiegħek u kulma għandek fl-għelieqi. Għax in-nies u l-bhejjem kollha li jkunu fl-għelieqi u ma jkunux għall-kenn, se jinżel is-silġ fuqhom u jmutu.”’” 20  Kull min beżaʼ mill-kelma taʼ Ġeħova fost il-qaddejja tal-Fargħun malajr ħa l-qaddejja u l-bhejjem tiegħu għall-kenn, 21  imma kull min ma tax kas il-kelma taʼ Ġeħova, ħalla l-qaddejja u l-bhejjem tiegħu fl-għelieqi. 22  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għolli l-bastun lejn is-sema sabiex jinżel is-silġ fuq l-art kollha tal-Eġittu, fuq in-nies, il-bhejjem, u l-ħaxix kollu fl-art tal-Eġittu.” 23  Għalhekk, Mosè għolla l-bastun tiegħu lejn is-sema, u Ġeħova bagħat ragħad u silġ, u niżel nar* fuq l-art, u Ġeħova kompla jibgħat is-silġ fuq l-art tal-Eġittu. 24  U niżel silġ bin-nar. Kien nieżel bis-saħħa u qatt ma kien hemm bħalu fl-art tal-Eġittu. 25  Is-silġ laqat kulma kien hemm fl-għelieqi kollha tal-Eġittu, minn bniedem sa bhima, u qered il-ħaxix kollu u s-siġar kollha. 26  Kien biss fl-art taʼ Gosen, fejn kienu l-Iżraelin, li ma niżilx silġ. 27  B’hekk, il-Fargħun bagħat għal Mosè u Aron u qalilhom: “Din id-darba dnibt. Ġeħova hu ġust, u jien u l-poplu tiegħi żbaljajna. 28  Itolbu bil-ħniena lil Ġeħova sabiex ir-ragħad u s-silġ mingħand Alla jieqfu. Imbagħad inkun lest li nibgħatkom, u intom ma tibqgħux iktar hawn.” 29  Għalhekk, Mosè qallu: “Malli noħroġ mill-belt ngħolli jdejja quddiem Ġeħova. Ir-ragħad jieqaf u s-silġ ma jibqax nieżel, sabiex tkun taf li l-art hi taʼ Ġeħova. 30  Iżda jien diġà naf li int u l-qaddejja tiegħek xorta mhux se tibżgħu minn Alla Ġeħova.” 31  Il-kittien* u x-xgħir* inqerdu, għaliex ix-xgħir kien kważi lest għall-ħsad u l-kittien kien beda joħroġ il-fjuri. 32  Imma l-qamħ u l-ispelta ma nqerdux, għax kien għadu mhux żmienhom. 33  Mosè issa ħareġ mill-belt mingħand il-Fargħun u għolla jdejh quddiem Ġeħova, u r-ragħad u s-silġ waqfu, u x-xita ma baqgħetx nieżla. 34  Meta l-Fargħun ra li x-xita, is-silġ, u r-ragħad kienu waqfu, hu kompla jidneb billi webbes rasu, kemm hu u kemm il-qaddejja tiegħu. 35  U l-Fargħun baqaʼ jwebbes rasu u ma bagħatx lill-Iżraelin, eżatt bħalma Ġeħova kien qal permezz taʼ Mosè.

Noti taʼ taħt

Letteralment “iwebbes qalbu.”
Jew “titneħħa.”
Jistaʼ jkun li jiddeskrivi sajjetti qawwijin.
Pjanta li kienu jikkultivaw fl-Eġittu biex jagħmlu ħwejjeġ tal-għażel.
Jiġifieri barley.