Ekkleżjasti 3:1-22
3 Hemm żmien għalkollox,Kull ħaġa għandha l-ħin tagħha taħt is-sema:
2 Żmien li titwieled u żmien li tmut;Żmien li tħawwel u żmien li taqlaʼ;
3 Żmien li toqtol u żmien li tfejjaq;Żmien li twaqqaʼ u żmien li tibni;
4 Żmien li tibki u żmien li tidħaq;Żmien li turi li int imdejjaq u żmien li tiżfen;*
5 Żmien li tarmi l-ġebel u żmien li tiġbru;Żmien li tgħannaq u żmien li ma tgħannaqx;
6 Żmien li tfittex xi ħaġa u żmien li tqisha bħala mitlufa;Żmien li żżomm u żmien li tarmi;
7 Żmien li ċċarrat u żmien li tħit;Żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem;
8 Żmien li tħobb u żmien li tobgħod;Żmien għall-gwerra u żmien għall-paċi.
9 X’se jieħu l-ħaddiem mill-isforzi kollha tiegħu?
10 Jien rajt ix-xogħol li Alla ta lill-bnedmin biex iżommhom okkupati.
11 Hu għamel kollox sabiħ* u f’waqtu. Hu saħansitra ta lin-nies ix-xewqa li jgħixu għal dejjem,* imma dawn qatt mhu se jifhmu eżatt* l-affarijiet li għamel l-Alla l-veru.
12 Jien wasalt għall-konklużjoni li m’hemm xejn aħjar għalihom ħlief li jifirħu u jagħmlu dak li hu tajjeb tul ħajjithom.
13 Ukoll li kulħadd jiekol, jixrob, u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes kollu tiegħu. Dan hu rigal mingħand Alla.
14 Jien sirt naf li kulma jagħmel l-Alla l-veru se jibqaʼ għal dejjem. M’hemm xejn xi żżid miegħu u m’hemm xejn xi tnaqqas minnu. L-Alla l-veru għamel kollox b’dan il-mod biex in-nies jirrispettawh ħafna.*
15 Kulma jiġri, diġà ġara, u dak li ġej, diġà sar. Imma l-Alla l-veru se jagħti lin-nies dak li jixxennqu għalih.*
16 Taħt ix-xemx, jien rajt ukoll li minflok il-ġustizzja kien hemm il-ħażen, u minflok is-sewwa, il-ħażen.
17 Allura għedt f’qalbi: “L-Alla l-veru se jiġġudika lill-ġusti u lill-ħżiena, għax hemm żmien għal kull ħaġa li għandha ssir.”
18 F’qalbi għedt ukoll li l-Alla l-veru se jittestja lin-nies u jurihom li huma bħall-annimali,
19 għax bħalma jiġri lin-nies jiġri wkoll lill-annimali. Bħalma jmut wieħed, imut l-ieħor; u kollha għandhom spirtu wieħed. Għalhekk in-nies mhumiex aħjar mill-annimali, għax kollox hu bla sens.
20 Kollha sejrin fl-istess post. Mit-trab magħmulin u trab se jerġgħu jsiru.
21 Min jaf verament jekk l-ispirtu tan-nies jitlax ’il fuq, u jekk l-ispirtu tal-annimali jinżilx fl-art?
22 Jien rajt li m’hemm xejn aħjar milli bniedem jieħu pjaċir b’xogħlu, għax dan hu l-premju* tiegħu. Għax ħadd ma jistaʼ jurih x’se jiġri wara li jmut.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “taqbeż.”
^ Jew “tajjeb; adattat.”
^ Letteralment “poġġielhom l-eternità f’qalbhom.”
^ Letteralment “mill-bidu sat-tmiem.”
^ Letteralment “jibżgħu minnu.”
^ Jew forsi “se jfittex dak li għadda.”
^ Jew “is-sehem.”