Ekkleżjasti 7:1-29
7 Li jkollok reputazzjoni tajba* hu aħjar minn żejt prezzjuż, u l-ġurnata taʼ meta wieħed imut hi aħjar minn taʼ meta jitwieled.
2 Aħjar tmur f’dar fejn hemm in-niket minħabba li miet xi ħadd milli f’dar fejn hemm festa, għax kulħadd hekk se jispiċċa. Min hu ħaj għandu jżomm dan f’moħħu.
3 Aħjar l-inkwiet mid-daħq, għax id-dwejjaq jagħmel persuna aħjar.*
4 L-għaref qiegħed fid-dar fejn hemm in-niket minħabba li miet xi ħadd, imma l-istupidu qiegħed fid-dar fejn hemm il-ferħ.*
5 Aħjar tismaʼ l-korrezzjoni taʼ xi ħadd għaref milli tismaʼ t-tifħir* taʼ xi ħadd iblah.
6 Id-daħq tal-iblah hu bħall-ħoss ifaqqaʼ tax-xewk jaqbad taħt il-borma; u dan ukoll hu bla sens.
7 Imma l-moħqrija tistaʼ ġġiegħel lill-għaref jaġixxi taʼ miġnun, u t-tixħim iħassar il-qalb.
8 Aħjar it-tmiem taʼ kwistjoni milli l-bidu tagħha. Aħjar tkun paċenzjuż milli kburi.
9 Tiħux għalik malajr, għax il-boloh jieħdu għalihom.
10 Tgħidx: “Għala l-passat kien aħjar minn issa?” għax ma jkunx għaqli li tistaqsi hekk.
11 Hu tajjeb li xi ħadd għaqli jirċievi wirt, għax l-għarfien hu taʼ vantaġġ għal dawk li huma ħajjin.*
12 Għax l-għerf hu taʼ protezzjoni bħall-flus, imma l-vantaġġ taʼ li wieħed ikollu l-għerf u l-għarfien hu li dawn se jsalvawlu ħajtu.
13 Innota dak li għamel l-Alla l-veru: Min jistaʼ jiddritta dak li hu għamel mgħawweġ?
14 F’ġurnata tajba, kun tajjeb int ukoll, imma f’ġurnata diffiċli,* ftakar li Alla għamilhom it-tnejn li huma biex in-nies ma jkunux jafu* x’se jiġri fil-futur.
15 Matul il-ħajja bla sens tiegħi, jien rajt ħafna affarijiet. Rajt il-ġust imut qabel iż-żmien minkejja li hu ġust u l-ħażin jibqaʼ jgħix minkejja l-ħażen tiegħu.
16 Tkunx ġust iżżejjed jew turi li int għaref wisq. Għala għandek teqred lilek innifsek?
17 Tagħżilx li tagħmel il-ħażin jew li tkun iblah. Għala għandek tmut qabel iż-żmien?
18 Ikun tajjeb li tismaʼ minn dawn iż-żewġ twissijiet. Tirrifjutax waħda minnhom, għax min jirrispetta ħafna lil* Alla jagħti kashom it-tnejn.
19 L-għerf taʼ xi ħadd għaref jagħmlu iktar b’saħħtu minn għaxart irġiel b’saħħithom f’belt.
20 Għax m’hemm ħadd ġust fuq l-art li dejjem jagħmel it-tajjeb u qatt ma jidneb.
21 Ukoll, tagħtix kas kull ħaġa li jgħidu n-nies, inkella jistaʼ jkun li tismaʼ lill-qaddej tiegħek jisħtek.*
22 Għax int stess taf li kemm-il darba sħitt lil oħrajn.
23 Jien eżaminajt dan kollu bl-għerf li għandi u għedt: “Se nsir għaref.” Imma kien wisq diffiċli għalija.
24 In-nies mhumiex kapaċi jifhmu kollox. Hemm affarijiet li huma diffiċli wisq biex tifhimhom. Min jistaʼ jifhem kollox?
25 Jien iddeċidejt li nsir naf, li neżamina, u li nfittex l-għerf u għala saru l-affarijiet. Ukoll li nifhem il-ħażen tal-istupidi u l-bluha taʼ dawk li jaġixxu bil-ġenn.
26 Imbagħad skoprejt li l-mara li hi bħal nassa, li qalbha hi bħal xibka, u li jdejha huma bħall-ktajjen tal-ħabs hi agħar* mill-mewt. Il-wieħed li jogħġob lill-Alla l-veru se jaħrab minnha, imma l-midneb* se jinqabad minnha.
27 “Dan hu li sibt,” jgħid l-għalliem.* “Jien eżaminajt ħaġa wara l-oħra biex nasal għall-konklużjoni,
28 imma għalkemm bqajt infittex,* ma sibtx dak li ridt. Minn 1,000 ruħ sibt raġel ġust, imma mara ġusta ma sibthiex.
29 Dan biss sibt, li l-Alla l-veru għamel lill-bnedmin ġusti, imma dawn għamlu li ppjanaw huma.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “isem tajjeb.” Letteralment “isem.”
^ Letteralment “id-dwejjaq tal-wiċċ jagħmel il-qalb aħjar.”
^ Jew “ix-xalar.”
^ Letteralment “l-għanja.”
^ Letteralment “li jaraw ix-xemx.”
^ Jew “taʼ inkwiet.”
^ Jew “ma jkunux ċerti.”
^ Letteralment “jibżaʼ minn.”
^ Jew “jitkellem ħażin dwarek.”
^ Letteralment “iktar morra.”
^ Jew “dak li jagħmel id-dnub.”
^ Il-kelma bl-Ebrajk letteralment tirreferi għal xi ħadd li jiġbor flimkien in-nies.
^ Jew “ruħi baqgħet tfittex.”