Ekkleżjasti 8:1-17

  • Taħt it-tmexxija taʼ nies imperfetti (1-17)

    • Obdi dak li kkmanda r-re (2-4)

    • It-tmexxija tal-bniedem iġġib it-tbatija (9)

    • Meta n-nies idumu ma jiġu kkastigati (11)

    • Kul, ixrob, u ifraħ (15)

8  Min hu bħar-raġel għaref? Min għandu s-soluzzjoni għal problema?* L-għerf taʼ xi ħadd ikun jidher f’wiċċu u jgħinu jidher ferħan u mhux aħrax.  Obdi dak li kkmanda r-re, għax int ħlift quddiem Alla.  Tgħaġġilx biex titlaq minn quddiem ir-re. Tiħux sehem f’xi ħaġa ħażina, għax hu jistaʼ jagħmel kulma jogħġbu,  u dak li jgħid irid isir. Min jistaʼ jgħidlu: “X’qed tagħmel?”  Min jobdi l-kmandamenti ma jiġrilu xejn ħażin, u min hu għaref se jkun jaf meta u kif għandu jaġixxi.  In-nies għandhom ħafna problemi, imma hemm ħin u mod xieraq kif tieħu ħsieb kull kwistjoni.  Ħadd ma jaf x’se jiġri, aħseb u ara kif se jiġri!  Bħalma l-ebda bniedem m’għandu l-qawwa fuq l-ispirtu* jew jistaʼ jikkontrollah, ħadd m’għandu l-qawwa fuq jum il-mewt. Bħalma l-ebda suldat ma jingħata permess jitlaq matul gwerra, il-ħażen ma jħallix lil dawk li jagħmluh jaħarbu mill-konsegwenzi.*  Jien rajt dan kollu u kkunsidrajt kull xogħol li sar taħt ix-xemx. Matul iż-żmien kollu li l-bniedem mexxa fuq bniedem, dan ġab it-tbatija.* 10  Jien rajt lill-ħżiena jindifnu. Dawn kienu jidħlu u joħorġu fil-post qaddis, imma huma malajr intesew fil-belt fejn kienu jaġixxu b’dan il-mod. Anki dan hu bla sens. 11  Meta n-nies idumu ma jiġu kkastigati minħabba l-ħażen li jagħmlu, isiru iktar determinati li jagħmluh. 12  Għalkemm midneb* jistaʼ jagħmel il-ħażen għal 100 darba u xorta jgħix fit-tul, jien naf li dawk li jirrispettaw ħafna lill-Alla* l-veru se jaħbtilhom tajjeb. 13  Imma l-ħażin mhux se jaħbatlu tajjeb u lanqas se jtawwal ħajtu li hi bħal dell, għax hu ma jirrispettax lil* Alla. 14  Hemm xi ħaġ’oħra bla sens li ssir fuq l-art: Hemm nies sewwa li jiġu ttrattati bħallikieku aġixxew bil-ħażen, u hemm nies ħżiena li jiġu ttrattati bħallikieku aġixxew b’mod ġust. Ikolli ngħid li anki dan hu bla sens.* 15  Għalhekk nagħti parir lin-nies biex igawdu l-ħajja, għax m’hemm xejn aħjar għal bniedem taħt ix-xemx ħlief li jiekol, jixrob, u jifraħ. Hu għandu jagħmel dan hekk kif jaħdem iebes matul il-ħajja li l-Alla l-veru tah taħt ix-xemx. 16  Kont determinat li jkolli l-għerf u nara kull ħaġa* li ssir fid-dinja, u spiss ma kellix ċans norqod, lanqas billejl.* 17  Imbagħad ikkunsidrajt ix-xogħol kollu tal-Alla l-veru, u ndunajt li n-nies ma jistgħux jifhmu dak li jiġri taħt ix-xemx. Jipprovaw kemm jipprovaw ma jistgħux jifhmu. Anki dawk li jgħidu li huma għorrief u li jafu dan kollu, ma jistgħux jifhmuh verament.

Noti taʼ taħt

Jew “jaf ifisser xi ħaġa?”
Jew “in-nifs; ir-riħ.”
Jew forsi “l-ħażen tagħhom ma jistax jeħles il-ħażin.”
Jew “ħsara għalih.”
Jew “dak li jagħmel id-dnub.”
Letteralment “jibżgħu mill-Alla.”
Letteralment “ma jibżax minn.”
Jew “frustranti.”
Jew “kull xogħol.”
Jew forsi “u li n-nies ma jorqdux, la billejl u lanqas binhar.”