Imħallfin 11:1-40
11 Issa Ġefta l-Gilegħadi kien gwerrier b’saħħtu. Hu kien bin prostituta, u Gilegħad kien missieru.
2 Imma Gilegħad kellu t-tfal ukoll mill-mara tiegħu. Meta dawn kibru, keċċew lil Ġefta u qalulu: “Mhu se jkollok ebda wirt f’dar missierna, għax int bin mara oħra.”
3 Għalhekk, Ġefta ħarab minn ħutu u ssetilja fl-art taʼ Tob. U xi rġiel li kienu bla xogħol ingħaqdu maʼ Ġefta, u hu kien il-mexxej tagħhom.
4 Wara ftit, l-Għammonin iġġieldu kontra Iżrael.
5 U meta l-Għammonin bdew jiġġieldu kontra Iżrael, l-anzjani* taʼ Gilegħad minnufih marru għal Ġefta fl-art taʼ Tob.
6 Huma qalu lil Ġefta: “Ejja u kun il-kmandant tagħna, ħalli nkunu nistgħu niġġieldu kontra l-Għammonin.”
7 Imma Ġefta qal lill-anzjani taʼ Gilegħad: “Mhux intom keċċejtuni minn dar missieri tant kemm kontu tobogħduni? Issa li qegħdin fl-inkwiet ġejtu għandi?”
8 Għal dan, l-anzjani qalu lil Ġefta: “Aħna għalhekk ġejna lura għandek. Jekk tiġi magħna u tiġġieled kontra l-Għammonin, issir il-mexxej tagħna u tan-nies kollha taʼ Gilegħad.”
9 Għalhekk, Ġefta qal lill-anzjani taʼ Gilegħad: “Jekk se tiħduni lura biex niġġieled kontra l-Għammonin, u Ġeħova jirbħilhom għalija, jien żgur li nsir il-mexxej tagħkom!”
10 L-anzjani taʼ Gilegħad qalu lil Ġefta: “Ħa jkun Ġeħova xhud* bejnietna jekk ma nagħmlux kif għedt.”
11 B’hekk, Ġefta mar mal-anzjani taʼ Gilegħad, u n-nies għamluh il-mexxej u l-kmandant tagħhom. U Ġefta rripeta kliemu kollu quddiem Ġeħova f’Mispa.
12 Imbagħad Ġefta bagħat messaġġiera għand ir-re tal-Għammonin, jgħidu: “X’għandek kontrija biex ġejt tattakka lil arti?”
13 Għalhekk, ir-re tal-Għammonin qal lill-messaġġiera taʼ Ġefta: “Għax meta Iżrael ħareġ mill-Eġittu ħadli l-art, mill-Arnon sal-Ġabbok u sal-Ġordan. Issa agħtihieli lura bil-paċi.”
14 Imma Ġefta reġaʼ bagħat messaġġiera għand ir-re tal-Għammonin
15 biex jgħidulu:
“Hekk jgħid Ġefta, ‘Iżrael ma ħax l-art tal-Mowabin u tal-Għammonin,
16 għax meta ħareġ mill-Eġittu, Iżrael mexa fid-deżert sal-Baħar l-Aħmar u wasal Kades.
17 Imbagħad Iżrael bagħat messaġġiera għand ir-re t’Edom, jgħid: “Jekk jogħġbok, ħallini ngħaddi minn artek,” imma r-re t’Edom ma semax. Bagħat jgħid ukoll lir-re taʼ Mowab, imma hu ma qabilx. Allura Iżrael baqaʼ jgħix f’Kades.
18 Meta l-poplu mexa fid-deżert, għadda minn madwar l-art t’Edom u l-art taʼ Mowab. Hu għadda mil-Lvant tal-art taʼ Mowab u kkampja fir-reġjun tal-Arnon. Ma daħalx ’il ġewwa mill-fruntiera taʼ Mowab, għax l-Arnon kien il-fruntiera taʼ Mowab.
19 “‘Wara dan, Iżrael bagħat messaġġiera għand Siħon ir-re tal-Amurrin, li kien imexxi f’Ħesbon, u qallu: “Jekk jogħġbok, ħallini ngħaddi minn artek biex immur lejn il-post tiegħi.”
20 Imma Siħon ma fdahx jaqsam mit-territorju tiegħu, għalhekk Siħon ġabar lin-nies kollha tiegħu, ikkampja f’Ġaħas, u ġġieled kontra Iżrael.
21 Għal dan, Ġeħova l-Alla t’Iżrael ta lil Siħon u lin-nies kollha tiegħu f’idejn l-Iżraelin, u b’hekk dawn rebħulhom u ħadu f’idejhom l-art kollha tal-Amurrin li kienu joqogħdu hemm.
22 B’hekk, Iżrael ħa f’idejh it-territorju kollu tal-Amurrin mill-Arnon sal-Ġabbok u mid-deżert sal-Ġordan.
23 “‘Kien Ġeħova l-Alla t’Iżrael li keċċa lill-Amurrin minn quddiem il-poplu tiegħu Iżrael. U issa sejjer int tkeċċi lil dan il-poplu?
24 Ma tiħux int kull ħaġa li jagħtik Kemos l-alla tiegħek? Mela aħna se nieħdu wkoll kull art li tana Ġeħova l-Alla tagħna.
25 Jaqaw int aħjar minn Balak bin Siffur, ir-re taʼ Mowab? Qatt iġġieled kontra Iżrael, jew qatt iggwerra kontrih?
26 Iżrael ilu 300 sena jgħix f’Ħesbon u l-bliet li jiddependu minnha* u f’Għarogħer u l-bliet li jiddependu minnha u fil-bliet kollha ħdejn ix-xtut tal-Arnon. Allura, għala qatt ma pprovajt tiħodhom lura matul dak iż-żmien?
27 Jien ma dnibtx kontrik, imma int qed tagħmel xi ħaġa ħażina billi tattakkani. Ħa jkun Ġeħova l-Imħallef li jiġġudika llum bejn il-poplu t’Iżrael u t’Għammon.’”
28 Imma r-re tal-Għammonin ma semax mill-messaġġ li bagħat jgħidlu Ġefta.
29 L-ispirtu taʼ Ġeħova ġie fuq Ġefta, u hu għadda minn Gilegħad u Manasse biex imur Mispe taʼ Gilegħad. U minn Mispe taʼ Gilegħad mar biex jiġġieled kontra l-Għammonin.
30 Imbagħad Ġefta għamel wegħda lil Ġeħova u qal: “Jekk int tagħti lill-Għammonin f’idejja,
31 min joħroġ mill-bieb taʼ dari biex jiltaqaʼ miegħi meta nerġaʼ lura rebbieħ, isir tiegħek, Ġeħova, u jien noffrih bħala offerta tal-ħruq.”
32 Għalhekk, Ġefta mar jiġġieled kontra l-Għammonin, u Ġeħova tahomlu f’idejh.
33 Hu attakkahom minn Għarogħer sa Minnit, 20 belt, u baqaʼ għaddej s’Abel-keramim. Il-qatla kienet kbira ħafna. B’hekk, l-Iżraelin rebħu lill-Għammonin.
34 Fl-aħħar, Ġefta wasal id-dar tiegħu f’Mispa, u bintu kienet ħierġa tiltaqaʼ miegħu, iddoqq it-tanburlin u tiżfen! Hi kienet l-unika tifla. Ma kellux iben jew bint ħliefha.
35 Meta raha, hu ċarrat ħwejġu u qal: “Jaħasra binti! Int qsamtli qalbi,* għax se jkolli nibagħtek ’il bogħod. Jien għamilt wegħda lil Ġeħova, u ma nistax nerġaʼ lura minnha.”
36 Imma hi qaltlu: “Pa, jekk għamilt wegħda lil Ġeħova, agħmel bija bħalma wegħedt, ladarba Ġeħova għamel vendetta għalik fuq l-għedewwa tiegħek, l-Għammonin.”
37 Imbagħad qalet lil missierha: “Ħaġa waħda nitlob: Ħallini mmur lejn il-muntanji maʼ sħabi bniet għal xahrejn, sabiex nibki għax mhux se niżżewweġ.”*
38 Għal dan qalilha: “Mur!” Għalhekk, bagħatha għal xahrejn. Hi marret lejn il-muntanji flimkien maʼ sħabha bniet biex tibki għax ma kinitx se tiżżewweġ.
39 Wara xahrejn, hi reġgħet lura għand missierha, u għamel dak li wiegħed dwarha. Hi qatt ma kellha x’taqsam maʼ raġel. F’Iżrael bdiet id-drawwa* li
40 minn sena għal sena, iż-żgħażagħ nisa t’Iżrael kienu jmorru jfaħħru lil bint Ġefta l-Gilegħadi għal erbat ijiem.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “il-wieħed li jismaʼ.”
^ Jew “taʼ madwarha.”
^ Letteralment “Int niżżiltni ’l isfel ħafna.”
^ Letteralment “il-verġinità tiegħi.”
^ Jew “ir-regola.”