Imħallfin 15:1-20

  • Sansun jivvendika ruħu mill-Filistin (1-20)

15  Wara ftit, fi żmien il-ħsad tal-qamħ, Sansun mar iżur lil martu u ħa gidi miegħu. Hu qal: “Nixtieq nidħol ħdejn marti fil-kamra tas-sodda.”* Imma missierha ma ħalliehx jidħol.  Missierha qallu: “Jien ħsibt li żgur li tobgħodha. Għalhekk, tajtha lil wieħed minn dawk li qagħdu miegħek bħala l-għarus. Oħtha ż-żgħira mhux iktar ħelwa minnha? Jekk jogħġbok, ħu lilha minflok.”  Madankollu, Sansun qal: “Did-darba l-Filistin ma jistgħux jgħidu li t-tort tiegħi meta nagħmlilhom il-ħsara.”  Għalhekk, Sansun mar u qabad 300 volpi. Imbagħad qabad xi torċi, rabat il-volpijiet minn denbhom tnejn tnejn b’torċa bejniethom.  Imbagħad hu ta n-nar lit-torċi u bagħat lill-volpijiet fl-għelieqi tal-Filistin fejn kien hemm il-qamħ. Hu qabbad kollox bin-nar, mill-qatet tal-qamħ sal-qamħ li kien għadu ma nqatax, kif ukoll l-għelieqi tad-dwieli u taż-żebbuġ.  Il-Filistin staqsew: “Min għamel dan?” U qalulhom: “Sansun, ir-raġel taʼ bint it-Timni, għax ħadlu lil martu u taha lil wieħed minn dawk li kienu qagħdu miegħu bħala l-għarus.” Għal dan, il-Filistin telgħu u ħarqu lilha u lil missierha.  Imbagħad Sansun qalilhom: “Jekk dan hu l-mod kif taġixxu, mhux se nieqaf sakemm nivvendika ruħi minnkom.”  Imbagħad hu qatilhom wieħed wara l-ieħor u l-qatla kienet kbira. Wara hu niżel u mar f’għar* tal-blata t’Għetam.  Iktar tard, il-Filistin telgħu u kkampjaw f’Ġuda u qagħdu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn f’Leħi. 10  Imbagħad l-irġiel taʼ Ġuda qalu: “Għala tlajtu kontrina?” u dawk wieġbu: “Tlajna naqbdu* lil Sansun, biex nagħmlulu kif għamlilna.” 11  Għalhekk, niżlu 3,000 raġel taʼ Ġuda lejn l-għar* tal-blata t’Għetam u qalu lil Sansun: “Ma tafx li l-Filistin qed jaħkmu fuqna? Allura għala għamiltilna dan?” Imbagħad hu qalilhom: “Kif għamluli għamiltilhom.” 12  Imma qalulu: “Ġejna biex naqbduk* u nagħtuk f’idejn il-Filistin.” Imbagħad Sansun qalilhom: “Aħilfuli li m’intomx se tattakkawni.” 13  Huma qalulu: “Le, aħna sempliċement se norbtuk u nagħtuk f’idejhom, imma mhux se noqtluk.” Għalhekk, rabtuh b’żewġt iħbula ġodda u ħarġuh mill-għar. 14  Meta wasal Leħi, il-Filistin għajtu bil-ferħ malli rawh. Imbagħad l-ispirtu taʼ Ġeħova saħħu, u l-ħbula li kienu maʼ jdejh saru bħal ħjut tal-għażel maħruqin bin-nar, u l-irbit tiegħu dab minn maʼ jdejh. 15  Imbagħad sab xedaq taʼ ħmar li ma kienx ilu li miet, qabdu, u bih qatel 1,000 raġel. 16  Imbagħad Sansun qal: “Bix-xedaq taʼ ħmar tfajthom fi gzuz! Bix-xedaq taʼ ħmar qtilt 1,000 raġel.” 17  Meta spiċċa jitkellem, hu rema x-xedaq u semma dak il-post Ramat-leħi.* 18  Imbagħad qabdu għatx kbir, u għajjat lil Ġeħova u qallu: “Kont int li tajt din is-salvazzjoni kbira f’id il-qaddej tiegħek. Imma issa sejjer jien immut bil-għatx u nispiċċa f’idejn dawk li mhumiex ċirkonċiżi?” 19  Għalhekk, Alla fetaħ ħofra li kien hemm f’Leħi u ħareġ l-ilma minnha. Meta xorob, hu ħa r-ruħ.* Huwa għalhekk li semma dak il-post Għajn-ħakkore,* li għadu f’Leħi sal-lum. 20  Hu ġġudika lil Iżrael fi żmien il-Filistin għal 20 sena.

Noti taʼ taħt

Jew “fil-kamra taʼ ġewwa.”
Jew “f’xaqq.”
Jew “norbtu.”
Jew “ix-xaqq.”
Jew “norbtuk.”
Ifisser “Post Għoli tax-Xedaq.”
Jew “issaħħaħ.”
Ifisser “L-Għajn tal-Ilma tal-Wieħed li Għajjat.”