Imħallfin 16:1-31
16 Darba Sansun mar Gaża u hemmhekk ra prostituta u daħal għandha.
2 Lin-nies ta’ Gaża ntqalilhom: “Sansun ġie hawn.” Għalhekk, huma dawru l-post u qagħdu mistoħbijin il-lejl kollu f’bieb il-belt biex jattakkawh. Qagħdu kwieti l-lejl kollu, u qalu lilhom infushom: “Malli jisbaħ, noqtluh.”
3 Madankollu, Sansun raqad hemm sa nofsillejl biss. Imbagħad qam, qabad il-bibien taʼ bieb il-belt u ż-żewġ pilastri tal-ġenb, u qalagħhom flimkien mal-istanga. Hu għabbiehom fuq spallejh u ġarrhom ’il fuq lejn il-quċċata tal-muntanja li qiegħda faċċata taʼ Ħebron.
4 Wara dan, hu sar iħobb mara mill-Wied taʼ Sorek li kien jisimha Dalila.
5 Għalhekk, il-mexxejja tal-Filistin marru għandha u qalulha: “Qarraq bih* u sir af x’jagħtih is-saħħa kbira li għandu u kif nistgħu negħlbuh, norbtuh, u nrażżnuh. Għal dan kull wieħed minna jagħtik 1,100 biċċa tal-fidda.”
6 Iktar tard, Dalila qalet lil Sansun: “Jekk jogħġbok, għidli minn fejn ġejja s-saħħa kbira tiegħek u x’jistaʼ jintuża biex xi ħadd jorbtok u jrażżnek.”
7 Sansun qalilha: “Jekk jorbtuni b’sebaʼ ħbula friski u mhux imnixxfin li jintużaw għall-qaws,* jien niddgħajjef u nkun bħal bnedmin oħra.”
8 Għalhekk, il-mexxejja tal-Filistin ħadulha sebaʼ ħbula friski u mhux imnixxfin li jintużaw għall-qaws, u rabtitu bihom.
9 Issa huma kienu mistoħbijin fil-kamra taʼ ġewwa, u hi qaltlu: “Ġew il-Filistin, Sansun!” Għal dan, qataʼ l-ħbula, bħalma tinqataʼ ħajta tal-kittien malli tmiss man-nar. U ma skoprewx minn fejn kienet ġejja s-saħħa tiegħu.
10 Imbagħad Dalila qalet lil Sansun: “Int qarraqt bija* u gdibtli. Jekk jogħġbok, għidli x’jistaʼ jintuża biex xi ħadd jorbtok.”
11 Għalhekk qalilha: “Jekk jorbtuni sew bi ħbula ġodda li ma sarx xogħol bihom, jien niddgħajjef u nkun bħal bnedmin oħra.”
12 Allura Dalila ħadet ħbula ġodda u rabtitu bihom u qaltlu: “Ġew il-Filistin, Sansun!” (Sadanittant, huma kienu mistoħbijin fil-kamra taʼ ġewwa.) Għal dan, hu qataʼ l-ħbula minn maʼ jdejh bħall-ħajt.
13 Imbagħad Dalila qalet lil Sansun: “S’issa qarraqt bija u gdibtli. Għidli x’jistaʼ jintuża biex xi ħadd jorbtok.” Hu qalilha: “Billi tinseġ is-sebaʼ malji taʼ rasi mal-ħajt tan-newl.”
14 Għalhekk issikkathom b’musmar, u qaltlu: “Ġew il-Filistin, Sansun!” Allura, qam mill-irqad u qalaʼ l-musmar tan-newl u l-ħajt.
15 Issa qaltlu: “Kif tistaʼ tgħid li tħobbni, jekk ma tafdanix? Qarraqt bija tliet darbiet u m’għedtlix minn fejn ġejja s-saħħa kbira tiegħek.”
16 Peress li jum wara jum baqgħet teqridlu u tinsistilu, hu ddejjaq għall-mewt.
17 Għalhekk, fl-aħħar fetaħ qalbu magħha u qalilha: “Xagħri qatt ma nqataʼ, għax jien ilni Nażirit t’Alla mit-twelid.* Kieku kelli naqtaʼ xagħri qasir is-saħħa tiegħi titlaqni, niddgħajjef, u nsir bħal bnedmin oħra.”
18 Meta Dalila rat li kien fetaħ qalbu magħha, minnufih bagħtet għall-mexxejja tal-Filistin u qaltilhom: “Itilgħu, għax din id-darba hu fetaħ qalbu miegħi.” Għalhekk, il-mexxejja tal-Filistin telgħu għandha u ħadu l-flus magħhom.
19 Wara li raqqditu fuq irkopptejha, għajtet lil raġel u ġegħlitu jaqtagħlu s-sebaʼ malji taʼ rasu. Imbagħad, hi beda jkollha kontroll fuqu, għax is-saħħa tiegħu bdiet titilqu.
20 Issa qalet: “Ġew il-Filistin, Sansun!” Hu qam mill-irqad u qal: “Se nagħmel bħal drabi oħrajn u ninħeles.” Imma ma kienx jaf li Ġeħova kien telqu.
21 Għalhekk, il-Filistin qabduh u qalgħulu għajnejh. Imbagħad niżżluh Gaża u rabtuh b’żewġ ktajjen tar-ram, u qabbduh jitħan iċ-ċereali fil-ħabs.
22 Imma xagħru reġaʼ beda jikber.
23 Iktar tard, il-mexxejja tal-Filistin inġabru flimkien biex joffru sagrifiċċju kbir lill-alla tagħhom Dagon u biex jiċċelebraw, għax bdew jgħidu: “L-alla tagħna ta f’idejna lil Sansun, l-għadu tagħna!”
24 Meta n-nies rawh, huma faħħru lill-alla tagħhom u qalu: “L-alla tagħna ta f’idejna l-għadu tagħna, dak li ħarbtilna artna u li qatel ħafna minna.”
25 Peress li kienu ferħanin, qalu: “Għajtu lil Sansun ħalli noqogħdu nidħqu bih.” Għalhekk, għajtulu mill-ħabs biex jidħqu bih u qegħduh bilwieqfa bejn il-kolonni.
26 Imbagħad Sansun qal lit-tifel li kien qed iżommlu idu: “Ħallini nħoss il-kolonni li d-dar hi mwaqqfa fuqhom ħa nserraħ magħhom.”
27 (Issa d-dar kienet mimlija rġiel u nisa. Il-mexxejja kollha tal-Filistin kienu hemmhekk, u fuq il-bejt kien hemm madwar 3,000 raġel u mara li kienu qed iħarsu u jidħqu b’Sansun.)
28 Imbagħad Sansun qal lil Ġeħova: “Jekk jogħġbok, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* ftakar fija u saħħaħni għall-aħħar darba. Jekk jogħġbok Alla, ħallini nivvendika ruħi mill-Filistin imqar għal waħda minn għajnejja.”
29 Imbagħad Sansun ipprepara ruħu bejn iż-żewġ kolonni tan-nofs li d-dar kienet imwaqqfa fuqhom, u serraħ maʼ waħda b’idu l-leminija u mal-oħra bix-xellugija.
30 U Sansun għajjat: “Ħa mmut mal-Filistin!” Imbagħad imbotta b’saħħtu kollha, u d-dar waqgħet fuq il-mexxejja u n-nies kollha li kienu fiha. B’hekk hu qatel iktar nies f’mewtu milli qatel f’ħajtu.
31 Iktar tard niżlu ħutu u n-nies kollha taʼ dar missieru biex jiħduh lura. Huma tellgħuh u difnuh bejn Sorgħa u Estagħol fil-qabar taʼ missieru Manogħa. Sansun kien iġġudika lil Iżrael għal 20 sena.
Noti taʼ taħt
^ Jew “Ipperswadieh.”
^ Jew “ħbula tan-nerv friski u mhux imnixxfin.”
^ Jew “għaddejtni biż-żmien.”
^ Letteralment “minn ġuf ommi.”
^ Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”