Imħallfin 6:1-40

  • Midjan jaħqar lil Iżrael (1-10)

  • Anġlu jaċċerta lill-Imħallef Gidegħon li se jiġi appoġġat (11-24)

  • Gidegħon ikisser l-artal taʼ Bagħal (25-32)

  • L-ispirtu t’Alla jiġi fuq Gidegħon (33-35)

  • Il-prova tal-ftit suf tan-nagħaġ (36-40)

6  Imma l-Iżraelin reġgħu għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, allura Ġeħova tahom f’id Midjan għal sebaʼ snin.  U Midjan iddomina lil Iżrael. Minħabba Midjan, l-Iżraelin għamlu postijiet fejn jinħbew* fil-muntanji, fl-għerien, u fil-postijiet diffiċli biex jintlaħqu.  Jekk l-Iżraelin kienu jiżirgħu, in-nies taʼ Midjan, t’Għamalek, u tal-Lvant kienu jattakkawhom.  Kienu jikkampjaw fit-territorju tagħhom biex jattakkawhom u jeqirdulhom il-prodott tal-għelieqi tul it-triq kollha sa Gaża, u lill-Iżraelin ma ħallewlhom ebda ikel, nagħġa, barri, jew ħmar.  Għax huma kienu jmorru bil-bhejjem u bit-tined tagħhom u kienu jkunu ħafna, daqs il-ġurati, u ħadd ma setaʼ jgħodd lilhom u l-iġmla tagħhom, u kienu jmorru fl-art biex jeqirduha.  Għalhekk, l-Iżraelin saru foqra ħafna minħabba Midjan u għajtu lil Ġeħova għall-għajnuna.  Meta l-Iżraelin għajtu lil Ġeħova għall-għajnuna minħabba Midjan,  Ġeħova bagħtilhom profeta li qalilhom: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Jien tellajtkom mill-Eġittu u b’hekk ħriġtkom mill-art fejn kontu lsiera.  Għalhekk, ħlistkom minn id l-Eġittu u minn id dawk kollha li ħaqrukom, u keċċejthom minn quddiemkom u tajtkom arthom. 10  U għedtilkom: “Jien Ġeħova l-Alla tagħkom. Tibżgħux mill-allat tal-Amurrin li qed tgħixu f’arthom.” Imma intom m’obdejtunix.’”* 11  Iktar tard ġie l-anġlu taʼ Ġeħova u qagħad bilqiegħda taħt is-siġra l-kbira f’Għofra, li kienet taʼ Ġowas l-Abi-għeżri. Ibnu Gidegħon kien qed jidres* il-qamħ fil-post fejn jagħsru l-inbid sabiex jaħbih mill-Midjanin. 12  L-anġlu taʼ Ġeħova deherlu u qallu: “Ġeħova hu miegħek, gwerrier b’saħħtek.” 13  Għal dan Gidegħon qallu: “Skużani sidi, imma jekk Ġeħova hu magħna, allura għala ġie dan kollu fuqna? Fejn huma l-affarijiet tal-għaġeb kollha li għamel u li rrakkontawlna missirijietna, meta qalulna, ‘Ġeħova tellagħna mill-Eġittu.’ Imma issa Ġeħova abbandunana u tana f’id Midjan.” 14  Ġeħova ħares lejh u qal: “Mur u uża s-saħħa li għandek biex issalva lil Iżrael minn id Midjan. Mhux jien qed nibagħtek?” 15  Gidegħon wieġbu: “Skużani Ġeħova, imma kif nistaʼ nsalva lil Iżrael? Il-familja* tiegħi mhix importanti f’Manasse, u jien l-iktar wieħed insinifikanti f’dar missieri.” 16  Imma Ġeħova qallu: “Peress li jien inkun miegħek, int toqtol lil Midjanin daqslikieku kienu raġel wieħed.” 17  Imbagħad qallu: “Jekk jien approvat f’għajnejk, agħtini sinjal biex inkun naf li int qed tkellimni. 18  Jekk jogħġbok, titlaqx minn hawnhekk sakemm nipprepara l-ikel għalik u nġibhulek.” Għalhekk qallu: “Se nibqaʼ hawnhekk sakemm tiġi lura.” 19  U Gidegħon daħal u pprepara gidi u għamel ħobż bla ħmira minn efa* dqiq. Il-laħam poġġieh fil-qoffa u l-brodu fil-borma. Imbagħad ħadhomlu u servihomlu taħt is-siġra l-kbira. 20  L-anġlu tal-Alla l-veru issa qallu: “Ħu l-laħam u l-ħobż bla ħmira u poġġihom fuq il-blata l-kbira hemmhekk, u ferraʼ l-brodu.” U hekk għamel. 21  Imbagħad, l-anġlu taʼ Ġeħova mess il-laħam u l-ħobż bla ħmira bit-tarf tal-bastun li kellu f’idu, u beda tielaʼ n-nar mill-blata u ħaraq il-laħam u l-ħobż bla ħmira. U l-anġlu taʼ Ġeħova sparixxa minn quddiemu. 22  B’hekk, Gidegħon irrealizza li dan kien l-anġlu taʼ Ġeħova. Minnufih Gidegħon qal: “X’biċċa ġratli, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* għax jien rajt l-anġlu taʼ Ġeħova wiċċ imb wiċċ!” 23  Imma Ġeħova qallu: “Ħa jkollok il-paċi. Tibżax. M’intix se tmut.” 24  Għalhekk, Gidegħon bena artal hemmhekk lil Ġeħova, u sal-lum għadu jismu Ġeħova-salom.* Dan għadu f’Għofra tal-Abi-għeżrin. 25  Dak il-lejl Ġeħova qallu: “Ħu l-barri ż-żgħir* taʼ missierek, jiġifieri t-tieni barri żgħir taʼ sebaʼ snin, u kisser l-artal taʼ Bagħal li hu taʼ missierek, u qaċċat l-arblu sagru* li hemm ħdejh. 26  Wara li tibni artal lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’ringiela taʼ ġebel fuq il-quċċata taʼ dan il-post taʼ sigurtà, ħu t-tieni barri żgħir u offrih bħala offerta tal-ħruq fuq il-biċċiet tal-injam tal-arblu sagru* li qaċċatt.” 27  Għalhekk, Gidegħon ħa għaxart irġiel mill-qaddejja tiegħu u għamel bħalma qallu Ġeħova. Imma hu beżaʼ wisq min-nies taʼ dar missieru u mill-irġiel tal-belt biex jagħmel dan matul il-ġurnata, b’hekk għamel dan billejl. 28  Meta l-irġiel tal-belt qamu kmieni filgħodu, raw li l-artal taʼ Bagħal kien imkisser u l-arblu sagru* li kien ħdejh kien imqaċċat, u t-tieni barri żgħir kien ġie offrut fuq l-artal li kien inbena. 29  U staqsew lil xulxin: “Min għamel dan?” Wara li investigaw qalu: “Gidegħon bin Ġowas għamel dan.” 30  Għalhekk, l-irġiel tal-belt qalu lil Ġowas: “Oħroġ lil ibnek ħa noqtluh, għax kisser l-artal taʼ Bagħal u qaċċat l-arblu sagru* li kien ħdejh.” 31  Imbagħad, Ġowas qal lil dawk kollha li ħaduha kontrih: “Għandkom għalfejn tiddefendu lil Bagħal? Għandkom għalfejn issalvawh? Min jiddefendih għandu jinqatel dalgħodu stess. Jekk hu alla, ħa jiddefendi lilu nnifsu, la xi ħadd kisser l-artal tiegħu.” 32  U dakinhar lil Gidegħon biddillu ismu għal Ġerubbagħal,* għax qal: “Ħa jiddefendi lilu nnifsu Bagħal, għax xi ħadd kisser l-artal tiegħu.” 33  In-nies taʼ Midjan, t’Għamalek, u tal-Lvant kollha ngħaqdu flimkien. Huma qasmu x-xmara, waslu fil-Wied* taʼ Ġeżragħel, u kkampjaw hemmhekk. 34  Imbagħad l-ispirtu taʼ Ġeħova ġie fuq* Gidegħon u hu daqq il-qarn, u l-Abi-għeżrin inġabru flimkien warajh. 35  Hu bagħat messaġġiera f’Manasse kollu, u huma wkoll inġabru flimkien warajh. Bagħat ukoll messaġġiera f’Aser, Żebulun, u Naftali, u huma telgħu jiltaqgħu miegħu. 36  Imbagħad Gidegħon qal lill-Alla l-veru: “Jekk int se ssalva lil Iżrael permezz tiegħi, bħalma wegħedt, 37  urini b’dan il-mod: Jien inpoġġi ftit suf tan-nagħaġ fil-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali,* u jekk in-nida taqaʼ biss fuqu imma l-art taʼ madwaru tkun niexfa, inkun naf li int se ssalva lil Iżrael permezz tiegħi, bħalma wegħedt.” 38  U hekk ġara. Meta qam kmieni l-għada u għasar il-ftit suf, hu ħareġ biżżejjed nida biex jimla skutella kbira bl-ilma. 39  Madankollu, Gidegħon qal lill-Alla l-veru: “Tirrabjax miegħi, imma ħa nitkellem biss darb’oħra. Jekk jogħġbok, ħallini nagħmel prova oħra biss bil-ftit suf. Jekk jogħġbok, ħa jibqaʼ niexef il-ftit suf biss waqt li taqaʼ n-nida fuq l-art kollha.” 40  U Alla hekk għamel dak il-lejl; il-ftit suf baqaʼ niexef, u waqgħet in-nida fuq l-art kollha.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “mħażen taħt l-art.”
Letteralment “ma smajtux minn leħni.”
Letteralment “L-elf.”
Madwar 22 litru. Ara App. B14.
Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”
Ifisser “Ġeħova Hu Paċi.”
Jew “l-għoġol.”
Ifisser “Ħa Jagħmel Bagħal Difiża Legali.”
Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
Letteralment “libbes lil.”
Jew “fil-qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.